30.10.14

Il-Gvern għandu jkun onest mal-impjegati tal-Air Malta



Il-Gvern għandu jieqaf jilgħab bil-futur tal-impjegati tal-Air Maltau jkun ones magħhom. Skont ir-rendikont finanzjarju tal-Air Malta waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-kumpanija u li nżammet ilbieraħ, l-Air Malta din is-sena għamlet telf ta’ 16.2 miljun ewro meta suppost kellha tagħmel profitt ta’ 3.2 miljun ewro. Dan meta sal-2012, il-pjan ta' ristrutturar kien qiegħed on track.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għat-Turiżmu Robert Arrigo għamel referenza għal dak li ħareġ waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Air Malta waqt konferenza tal-aħbarijiet u li għaliha attendew ukoll il-Kelliema għall-Kompetittivita’ u t-Tkabbir Ekonomiku Kristy Debono u l-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali Aaron Micallef. 

Robert Arrigo qal li hu inaċċettabli li jkollok Gvern li waqt proċess ta’ ristrutturar, li kien miftiehem mill-Gvern preċedenti, b’konsultazzjoni anke mal-Oppożizzjoni li dak iż-żmien kienet immexxija minn Joseph Muscat, u maqbul mal-Kummissjoni Ewropea,  ikun hemm indħil politiku mill-Gvern f’din il-kumpanija. Jekk il-Gvern se jibqa’ miexi b’dan il-mod, l-Air Malta mhux se tlaħħaq mal-pjan li għandha u dan se jħalli impatt kbir fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Arrigo qal li l-Gvern Laburista għandu jwieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet li s’issa qed jibqa’ jagħżel li ma jweġibx u li l-poplu għandu dritt li jkun jaf. Fost oħrajn il-Partit Nazzjonalista, bħall-ħaddiema tal-Air Malta, qed jistaqsi jekk huwiex veru li l-Air Malta se tinbigħ, u jekk iva, liema parti ta’ din il-kumpanija se tinbigħ. Hu fakkar li l-Partit Laburista fil-Gvern m’għandux mandat elettorali biex ibigħ l-Air Malta u tenna li fid-diskors li l-Ministru responsabbli minn din il-linja tal-ajru għamel fl-AĠM tal-kumpanija, ammetta li f’dawn l-aħħar sentejn il-Gvern falla f’dan is-settur.

Il-Gvern Laburista għandu jieqaf iġib l-iskużi biex jiġġustifika l-falliment tiegħu fit-tmexxija tal-Air Malta u jammetti li l-pjan maqbul bejn il-Gvern u l-Kummissjoni Ewropea dwar ir-ristrutturar tal-Air Malta mhux sejjer kif ippjanat. Arrigo fakkar kif f’dawn l-aħħar xhur l-Air Malta impjegat 300 persuna iżjed u ingħataw promotions lil 17-il persuna li jammontaw għal 20,000 ewro fix-xahar iżjed fin-nefqa ta’ din il-kumpanija.

Kristy Debono saħqet fuq l-importanza tal-Air Malta u li s-settur turistiku qed isir aktar sinifikanti għal pajjiżna la darba l-kontribuzzjoni tiegħu qegħda dejjem tiżdied. Għaldaqstant hu importanti li nieħdu ħsieb dan is-settur billi nassiguraw li l-Air Malta tkun b’saħħitha u sostenibbli, sostniet Debono.

Kristy Debono appellat biex il-Gvern jispjega għalfejn il-pjan ta’ ristrutturar m’huwiex on track, kif ukoll biex ikun trasparenti mhux biss mal-ħaddiema tal-Air Malta iżda anke mal-poplu Malti u Għawdxi.  

29.10.14

No comments:

IL-FURJANA – TRIQ ĠNIEN DANTE ALIGHERI – SIĠAR TAĊ-ĊITRU

17508. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-m...