2.11.14

Il-gibda mhix demokratika.



1.      Pajjiżna fortunatament għandu f’postha sistema legali li fiha d-demokrazija hija l-ġebla tax-xewka tas-soċjetà tagħna.  Sfortunatament, però, mhux kull min iservi fl-istituzzjonijiet demokratiċi jifhem li għandu poter li jrid iservi mhux bħala dittatur iżda bħala serv fidil tas-soċjetà.  Il-poter għandu verament dawn iż-żewġ uċuħ.  Fuq naħa jservi ta’ ġid għan-nies, fuq l-ieħor ikabbar ras dawk li jkollhom il-poter f’idjehom.  Hemm qabża li ż-żminijiet jitolbu li numru ta’ persuni fil-politika għadhom ma ndunawx biha u jibqgħu jaqgħu fl-iżbalji passati.  Min għandu l-piż tar-responsabbiltà pubblika jrid jifhem li jista’ jħaddem dan fil-parametri li tagħtih id-demokrazija.  Irid jifhem li għandu kemm għandu poter f’idejh ma jistax jaħseb li t-tmexxija demokratika qegħda f’idejh biss.

2.      Id-dibattitu li beda nhar it-Tnejn fil-Parlament dwar il-kuntratt tal-Power Station, li suppost ġejja ġewwa Dellimara, beda jagħti sinjali ċari ta’ dak li ilna dawn l-aħħar xhur nosservaw quddiemna.  Il-Gvern jidher ċar li tilef triqtu f’dak li qal u ser iwettaq meta jkun fil-poter u dak li attwalment qiegħed jirnexxilu jagħmel.  Hemm sinjali evidenti li min għandu l-poter ikkonċentrat f’idejh inqata’ waħda u sew minn żewġ partijiet determinanti fil-ħajja politika.  L-ewwel inqata’ mill-poplu li vvutalu b’maġġoranza daqshekk qawwija; it-tieni mill-istess komponenti sħaħ tal-Partit Laburista.  Il-fatt li hemm maġġoranza elettorali daqshekk qawwija, il-fatt li hemm maġġoranza parlamentari daqshekk sproporzjonata qed iwasslu għal uħud biex jaħsbu li għandhom dritt divin imexxu u mhux qegħdin hemm għax qegħdhom il-poplu.

3.      Id-demokrazija parlamentari titlob dejjem li jkun hemm mexxejja li jħarsu ‘l quddiem, li għandhom il-kapaċità li jgħaqqdu u jservu.  Ma titlob però li jkollok persuna waħda jew ftit li jmexxu waħdehom u għal rashom mingħajr il-kunsens tal-bażi u tal-membri l-oħra.  Hawn iktar minn qabel mhux biss it-tendenza, iżda iktar minn hekk l-eżerċizzju tal-poter demokratiku minn  min qiegħed jimmaġina li għandu forma ta’ renju monarkiku.  Il-kawża interna ta’ dan qed nagħrfuh, però issa qed naraw aktar fil-beraħ l-effetti tagħha.  Id-dibattitu parlamentari wassal għal żewġ punti.  L-ewwel il-Gvern li ma jibżax jiċħad il-verità u anzi li jgħid il-kontra ta’ dak li huwa.  It-tieni li jagħżel b’mod iktar gravi li jidħol f’kampanja ta’ attakki vili u personali fuq il-membri tal-bank tal-Oppożizzjoni.  Huwa sintomu perikoluż tal-monarkiji li meta ma jkollhomx raġun u dahrom ikun mal-ħajt jirrikorru għal dawn il-metodi.

4.      Il-poplu matul din il-ġimgħa għamel numru ta’ domandi li l-Gvern preżenti qiegħed jaħrab milli jwieġeb.  Domandi li hemm bżonn li jingħataw risposti għax id-demokrazija hija bażata fuq il-verità tal-fatti.  Hija bażata fuq it-trasparenza ta’ dak li huwa għaddej u dak li qiegħed iwassal lill-Gvern biex jimxi fi triq jew oħra.  Aħna bnedmin mhux magni u huwa min-natura tagħna stes li l-affarijiet ma jiġux jew ma jsirux kif wieħed irid.  Biss hemm bżonn l-umiltà, l-għarfien u l-konoxxenza li wieħed jieħu żball u kull ma jrid huwa li jammettih, jistqarru quddiem u f’isem min qiegħed imexxi l-pajjiż.  Ngħid dan għax il-Gvern, mexxej politiku jikber mhux b’kemm għandu poter ikkonċentrat f’idejh, iżda bil-mod miftuħ li jersaq lejn il-problemi u wara jispjega lill-poplu.

5.      Il-pajjiż bilfors li jagħti każ tal-Power Station għax kien il-Partit Laburista stess li ġibidlu kontinwament l-attenzjoni.  Tlaqna b’kemm l-affarijiet ser isiru aħjar ladarba jkun fil-gvern għax ser jibnu l-Power Station.  Wara qalulna li t-tanker tal-gass huwa meħtieġ ġewwa l-port ta’ Marsaxlokk għax inkella ma jitlestiex fil-ħin il-proġett.  Wara ġejna infurmati li l-Electrogas u l-konsorzju Ċiniż, it-tnejn li huma ingħataw x’jifhmu li ser ikun tagħhom.  Wara, li l-Power Station li saret mill-BWSC u li tħammeġ hija lura u ser jaraw kif jibdluha.  Messaġġi li jikkuntrastaw lil xulxin.  Dak li sar mill-BWSC illum huwa aċċettat mill-istess Gvern li ma jħammiġx, ma huwiex magna tal-kankru, anzi huwa fattur li għen sabiex jiġu ffrankati l-ispejjeż li l-Gvern qiegħed jonfoq fil-ġenerazzjoni tad-dawl u huwa r-raġuni determinanti li ser iwassal għall-għeluq tal-Power Station l-antika tal-Marsa.

6.      Il-klima politika preżenti qegħda twassal sabiex is-sitwazzjoni dwar l-enerġija mhix ċara.  Il-messaġġi u d-dikjarazzjonijiet varji li saru mill-Gvern f’dawn l-aħħar sentejn skorruti ħawdu l-atmosfera sew.  Ħawduha għax illum ma nafux, l-ewwel, il-Gvern x’ser verament iwettaq, f’kelma oħra ser jibniha?  It-tieni, ma nafux meta ser iwettaq dan jekk ser tinbena.  It-tielet, ma nafux x’inhuma jew x’ser ikunu l-vantaġġi għalina f’bini ta’ power station ġdida.  Kien hemm kumplikazzjonijiet u konfużjonijiet li kontroversja politika ġġib qabel l-aħħar elezzjonijiet.  Il-poplu fehem li dak li sar mill-Partit Nazzjonalista kien ħażin, qed ikun kaġun tat-tnaqqis fis-saħħa tan-nies, li kien fattur ta’ żieda fil-kontijiet tat-tnaqqis tal-kontijiet tad-dawl.  Illum, sforz il-ħidma li saret mill-Oppożizzjoni qiegħed jirriżulta kompletament il-kontra.  Il-proġett Nazzjonalista kien u għadu tajjeb tant li ħaddieħor irid jixtrih, mhuwiex jikkaġuna ħsara fis-saħħa tal-bnedmin u qiegħed jiffrankalna b’miljuni tajba fil-konsum tad-dawl.  Il-poplu għandu dritt għall-verità.  Il-Partit Nazzjonalista, bħala wieħed li jemmen fid-demokrazija, huwa determinat li dan iseħħ għax il-gidba hija anti-demokratika.




1 comment:

charles b spiteri said...

Pajjiżna għandu sistema legali. Naturalment kollox jibda bil-Qorti... tal-Maltin għall-Maltin. L-ilsien li jintuża, bi dritt,hu l-Malti. Fl-istess ħin għandna Universita' li niftaħru li hi awtonoma, li tgħallem kollox bl-Ingliż u ma tippermettix il-Malti. Ir-raġuni: mhemmx ponn Professuri li jafu l-Malti sew u ma jħossuhomx komdi jitkellmu, jiktbu u jaqraw bi lsien pajjiżna. Imbagħad l-istess studenti dojoq tal-liġi, jridu u ma jridux,ikollhom 'il quddiem jidhru l-Qorti biex jiddefendu lill-klijenti tagħhom u jitkellmu bil-Malti. Allura din x'sistema legali hi?

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...