13.11.14

Tħassib għan-nuqqas ta’ trasparenza fl-NSO.



Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib kbir tiegħu għall-fatt li kellha tkun il-media li tiżvela li d-Direttur-Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika, is-Sur Michael Pace Ross, ma iġġeddidlux il-kuntratt tiegħu fl-aħħar ġimgħat. Fir-rispett tas-serjetà u tat-trasparenza, wieħed kien jistenna li l-Awtorità tal-Istatistika tippubblika stqarrija b’dan l-iżvilupp u, tinforma b’mod formali lill-pubbliku u lill-aġenziji internazzjonali, fosthom il-Eurostat, b’din l-aħbar u tagħti l-informazzjoni meħtiega dwar min qed jokkupa din il-kariga sakemm tintagħżel il-persuna li ser tokkupa din il-kariga.

Il-kariga ta’ Direttur Ġenerali hija funzjoni importanti li hi mistennija li tkun indipendenti mill-Gvern tant li tirrispondi lil Awtorità Superviżorja u mhux lill-Gvern. Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iċ-ċirkostanzi riċenti li jistgħu jkunu wasslu ghal din id-deċiżjoni, deciżjoni li inżammet mistura għal gimghat sħaħ. Il-PN jittama li l-Gvern mhux jindaħal f’din l-istituzzjoni li jeħtieġ li tibqa’ indipendenti.

L-indipendenza tal-istatistika ppubblikata minn dan l-Uffiċċju, hi kruċjali biex pajjiżna jibqa’ jżomm ir-rispett tal-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali. L-istatistika tal-NSO hija għodda importanti ħafna għal policymakers għaliex tagħti stampa tal-isfidi u l-opportunitajiet li għandu pajjiżna, u għalhekk huma kruċjali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Awtorità biex tassigura li il-perjodu ta’ tranżizzjoni ikun wieħed qasir għal ġid tal-Uffiċċju u tal-kredibilità tieghu. Għandu jkun assigurat li l-Uffiċċju tal-Istatistika jibqa’ jgawdi r-rispett u l-istima mhux biss f’pajjiżna iżda wkoll tal-Istituzzjonijiet Internazzjonali, fosthom il-Eurostat. Il-PN jistenna l-għażla tal-persuna mill-Awtorità jsir b’mod independenti mill-Gvern u b’osservanza għal Code of Practice tal-Eurostat innifsu.Ikun mill-aktar perikoluż jekk il-Gvern jipprova jinfluwenza l-għażla tad-Direttur Ġenerali u jipprova jibdel l-NSO f’xi Dipartiment ieħor taħt il-kontroll tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li waħda mir-raġunijiet li waslet għall-kollass tal-Greċja kienet proprju n-nuqqas ta’ indipendenza tal-uffiċju tal-istatistika, li kien qed jgħatti d-dejn ta’Gvernijiet suċċessivi minhabba direzzjoni politika. Dan għandu jservi ta’ tagħlima biex il-Gvern jieqaf immedjatament jinterferi fil-ħidma tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, u jiżgura l-indipendenza u t-trasparenza assoluta tiegħu.


1​2.11.2014

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...