27.11.14

Il-Gvern għandu jispjega għafejn il-GU Clinic mhix taċċetta testijiet ġodda



B’referenza għal dak li ġie rrapurtat f’diversi mezzi tax-xandir fejn jidher li l-GU Clinic fl-Isptar Mater Dei mhix qed taċċetta appuntamenti għal testijiet ġodda, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex jispjega x’inhi r-raġuni għalfejn mhux qed isiru dawn l-appuntamenti u kif seta’ jħalli funzjoni daqstant sensittiva mingħajr l-amministrazzjoni klinika neċessarja mingħajr ma jaħseb għal rimedju li jassigura l-kontinwità tas-servizz.

Minn dak li ġie rappurtat, s’issa jidher li persuni li qed jitolbu li jagħmlu testijiet marbutin mal-HIV/AIDS u l-Hepatitis fil-GU Clinic ta’ l-Isptar Mater Dei (li hi l-unikà faċilita li fiha jistgħu jsiru dawn it-tip ta’ testijiet) m’humiex jingħataw appuntamenti biex isirulhom dawn it-testijiet sensittivi u qed ikunu mitluba jħallu aktar minn xahar ieħor biex jerġgħu jippruvaw jagħmlu appuntament. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li din is-sitwazzjoni m’hijiex aċċettabbli f’sistema tas-saħħa żviluppata bħal ta’ pajjiżna u li l-Gvern għandu jaġixxi biex jindirizza l-problema mingħajr aktar dewmien.

Dan in-nuqqas ta’ servizz jikkuntrasta bil-kbir mad-direttivi u l-linji gwida tal-World Health Organisation li tqis l-iscreening u t-testijiet bħala mezz ewlieni fil-ġlieda kontra t-tixrid ta’ dan it-tip ta’ infezzjonijiet.

Minbarra li tagħmel dawn it-testijiet, din il-klinika għandha rwol importanti ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mal-counselling ta’ pazjenti u tal-qraba tagħhom, servizz li jidher li minħabba nuqqas ta’ riżorsi qiegħed jingħata b’limitazzjonijiet.

Din is-sitwazzjoni mhux biss qiegħda tnaqqar il-livell tas-servizz mogħti lill-pazjenti iżda wkoll qed toħloq ħafna pressjoni fuq il-ħaddiema fil-GU Clinic li jridu jiffaċċjaw it-tħassib u r-rabja tal-pazjenti li ma jistgħux jingħataw servizz daqstant sensittiv. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jappella lill-Gvern biex ma jħallix din is-sitwazzjoni tkompli għaddejja u jieħu azzjoni immedjata biex dan is-servizz jerġa’ jibda jingħata fuq il-livell li jixraq f’pajjiż żviluppat.

Claudio Grech
Kelliem għas-Saħħa


22.11.14

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...