27.11.14

Gvern: għaliex dan il-ħabi kollu?




1.      Mhux ser nipprova nipperswadikom fuq kemm huwa vitali għal pajjiż demokratiku, modern, progressiv u Ewropew li jkollu Gvern li ma jaħbix u jgħid il-verità.  Ċert li lkoll ser taqblu miegħi fuq dan.  Ċert ukoll li ma tapprovawx minn min irid jaqbad din it-triq żbaljata.  Għalhekk ħassejt li għandi nikteb dan l-artiklu.  Mhux biex ningħata raġun, għax dan hemm qiegħed, imma sabiex inħajjar lill-Gvern tal-ġurnata jifhem li għandu jibdel triqatu.  Jibdel dan il-mod, dan l-eżempju żbaljat.

2.      Hemm verament differenza bejn li taħbi u ma tgħidx il-verità.  Meta taħbi, almenu ma tkunx qiegħed tigdeb.  Ma tkunx qiegħed tgħid il-kontra ta’ dak li ġara, però xorta f’soċjetà fejn għandha tirrenja t-trasparenza u anzi fejn huwa dritt fundamentali ta’ kull ċittadin li jkun jaf il-verità, is-sitwazzjoni għandha l-istess gravità.  Wisq drabi, li issa bdew jakkumulaw sew, qed jiġu għal widnejna u għajnejna każijiet li l-Gvern ma jrid jgħid xejn dwarhom, anzi jrid jaħbihom taħt it-tapit.  Dan huwa stramb ħafna.

3.      Huwa stramb għax ħafna ma jifhmux x’valur hemm fi Gvern li tela’ b’ħafna saħħa, b’ħafna kaxxi ta’ wegħdi, li joqgħod lura milli jgħid il-verità.  Gvern immexxi minn Prim Ministru daqshekk żgħir fl-età, u sa issa fl-esperjenza, għandu l-bżonn li jmur għal din it-tattika antika?  Meta gvern jibda jaħbi l-fatti, l-istatistika, il-poplu jispiċċa jinqabad fl-istess nassa.  Eżempju ħażin iġib eżempji ħżiena oħra u jibda huwa stess jiddeċiedi fuq fatti li m’humiex korretti, b’konsegwenzi żbaljati.  U hawn għandna numru ġmielu ta’ każijiet.

4.      Issa jekk hemm uffiċċju li għandu jkun iċ-ċavetta u l-garanzija tal-fatti huwa dak tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.  Garanzija għall-pajjiż kollu fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra.  Hekk kien sa issa, imma dan il-Gvern iddeċieda li ma jġeddidx il-kuntratt tad-Direttur Ġenerali mingħajr ebda forma ta’ raġuni valida.  Direttur Ġenerali li qeda dmiru sewwa, għandu esperjenza kbira u ma ċċaqlaqx taħt ebda forma ta’ pressjoni politika taħt żewġ amministrazzjonijiet.  Allura għalfejn dan il-Gvern, tant b’saħħtu, għandu jaġixxi b’dan il-mod żbaljat?  Għalija dan huwa indikazzjoni ċara li issa l-Gvern irid jibda jbagħbas anki bil-figuri tal-istatistika għall-konvenjenza tiegħu.  Mhux biss jaħbi l-fatti, iżda issa jibda jittanta ruħu jħassar u jibdel il-figuri.

5.      Dan huwa iktar evidenti għax tul din il-ġimgħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni ċċita kif kien kellu l-figuri indipendenti u imparzjali tal-istess uffiċċju fuq kemm hemm persuni li daħlu jaħdmu mal-Gvern f’dawn ix-xhur, u l-figura telgħet issa għal 4,420.  Figura li nċaħdet b’formoli matematiċi tal-gabrijoli.  Għal diversi nies huwa mill-iktar ovvju li l-Gvern ma jridx ‘il-poplu jkun jaf x’qiegħed jagħmel u ddeċieda li jieħu l-passi neċessarji biex l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jsir issa Uffiċċju tal-Istatistika Mbagħbsa, skont dak li jaqbillu l-Partit Laburista.

6.      Mhux biss dan, imma anke l-kwistjoni tal-Casino.  Għala l-Gvern qeigħed jerġa’ jaħbi l-affarijiet u ma jippubblikax ir-rapport magħruf bħala “Valenzia”.  Anki l-kwistjoni tal-Gozo Connect: għala sibna ruħna naraw fil-Parlament logħba ta’ tqassim tal-ballun min-naħa għall-oħra, minn ministru għal ieħor, sakemm fl-aħħar sirna nafu parti mill-affarijiet?  L-istess jgħodd għal dak li seħħ fil-kwistjoni tal-irtirar tal-kawża tal-Australia Hall, inkella dik marbuta mal-kuntratt tal-Cafѐ Premier.  Domandi fuq domandi li l-Gvern ma jweġibx, jaħrab minnhom u fl-aħħar ipoteżi jgħid il-kontra.


7.      Fl-aħħar ta’ dan tiġi d-domanda: għala l-Gvern qiegħed iħoss tant il-bżonn li jaħbi?  Quddiem sitwazzjoni politika, ekonomika u soċjali li hija fit-triq tan-niżla, il-Gvern baqagħlu karta waħda f’idejh: jaħbi, ma jgħidx il-fatti kif inhuma u allura jibda l-proċess ta’ propaganda politika biex jipperswadi li kollox huwa tajjeb fuq l-istatistika mbagħbsa tiegħu.  Dan huwa żbaljat.  Il-poplu għandu dritt għall-verità u dan il-Gvern għandu jgħidhielu.  Fuqha biss jista’ jibni politika tajba.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...