18.10.14

Għamilna l-ġid.



1.      Ser fl-aħħar nibdew minn għada s-seduti parlamentari.  Hemm diversi liġijiet pendenti fuq l-aġenda li għad irridu naraw, niddibattu u nivvutaw fuqhom.  Dan il-Gvern għandu għad-dispożizzjoni tiegħu kwantità kbira ta’ xogħol li sar minn leġislatura preċedenti.  Ħidma li għandu l-għażla jew li jaħdem fuqha u jimxi ‘l quddiem, inkella li jħalliha fejn hi.  Niddejqu naraw diversi biċċiet jitkissru.  Nieħdu pjaċir naraw li jkompli jsir progress.  Hemm min fost l-Eżekuttiv li qiegħed japprezza dak li ħallejna.  Ħaddieħor moħħu biss biex ikerraħna.

2.      Il-propaganda li kienet qegħda ssir b’ħafna suċċess fil-bidu ta’ din il-leġislatura, illum qegħda titlef mis-sustanza tagħha.  Titlef għax f’dawn l-għoxrin xahar ta’ dan il-Parlament, il-poplu beda issa jqabbel bejn tmexxija u oħra.  Il-poplu li jaħseb, li jinfluwenza u jirraġuna jaf li ebda gvern ma jiġi u jagħmel biss ħażin u ieħor il-kontra.  Għalhekk kien hemm bażi li serviet lill-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li jipprova jiddemonizza dak kollu li sar minn gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista.  Dik il-karta ħadmet, però llum m’għadhiex tista’ għax fid-deċiżjonijiet li issa bilfors qed ikollhom jiġu meħuda hemm min issa jqis bejn il-kliem u l-fatti.

3.      Wieħed jifhem dejjem iktar li l-kampanji ddisprati li saru mill-Partit Laburista kienu għalihom neċessarji biex jippruvaw jagħmlu: l-ewwel, distinzjoni bejniethom u bejnna; u t-tieni, biex jipperswadu l-kontra ta’ dak li kien qiegħed isir.  Kien hemm min ma setax jitkellem fuq diversi miżuri tajba li kienu qed isiru biex il-Partit Laburista ma jkissirhomx bil-magna denigratorju li kien irnexxielu jibni.  Biss, altru dak li jingħad u altru dak li huwa, fuq żewġ livelli prinċipali.  L-ewwel, issa li l-Partit Laburista qiegħed fil-gvern qiegħed isib ruħu fid-diffikultà u l-kumplikazzjoni li jsarraf id-diskors, il-wegħdi u l-proposti bażati fuq il-ħolm li kien għamel mar-realtà tal-ġurnata.  It-tieni, għax dak li ngħad li l-istat tal-affarijiet hu, issa diversi qegħdin isibu li mhuwiex minnu.  Qalu li l-proposti li l-Partit Nazzjonalista kien għamel kienu ħżiena, mentri issa qed isibu li fil-fatt kellhom tort.

4.      Hemm diversi ministri li qegħdin f’din id-diffikultà.  Altru x’qal il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, u altru llum x’irid jiġi effettivament implimentat.  L-agħar f’dan mhuwiex tant din il-kumplikazzjoni li twieldet mir-realtà tal-kampanja tal-wegħdi jew ta’ “għid iva” għall-kontra, iżda aħna bħala partit fl-Oppożizzjoni x’qegħdin naraw.  Hemm ir-realtà li ħafna mill-ħidma li saret meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern kienet tajba.  Però l-propaganda li saret mill-partit oppost ġiebet diversi llum li jiddubitaw dak li sar jew emmnu dak li min ried ikerraħna qal.  Iktar ma jgħaddu l-ġranet, iktar qiegħed joħroġ li hemm ħafna xogħol li hemm bżonn li niddefendu u mhux aħna stess li għamilnieh narmuh jew niddubitaw minnu.

5.      Meta tara dak li hu għaddej u tifhem iktar ma’ dawk li jaħsbu, qed joħroġ ċar li ħafna qed joħorġu mid-diskors tal-Partit Laburista u jidħlu fir-realtà ta’ kull ġurnata.  Min għandu rasu fuq għonqu, anke jekk ma vvutax għalina jifhem dejjem iktar dan kollu.  Hawn issa reazzjoni li qed tifforma ruħha li aħna, bħala Partit Nazzjonalista, m’aħniex nirreaġixxu mill-ewwel għaliha.  Hemm deċiżjonijiet li ġew meħuda li ħafna jimmaġinaw li kienu ħżiena jew li huma hekk u ftit jagħtu l-opportunità jew l-ispazju biex wieħed ikun jista’ jispjegahom.  Ma konniex gvernijiet inkompetenti, wisq inqas traskurati jew non-professjonali.  Konna determinati nagħtu l-aqwa tagħna.  Nistudjaw u naqraw dak li hemm, niltaqgħu u niddiskutu ma’ kemm jista’ jkun persuni.  Dan għax konna u għadna rridu l-ġid lil dan il-poplu u lil dan il-pajjiż.  Filwaqt li ftit xhur ilu ma kellniex il-klima politika adatta biex nitkellmu, issa ngħid li mhux biss għandna, anzi għandna d-dmir li nagħmlu.  Għamilna l-ġid u dan hemm bżonn li jkun magħruf u spjegat għax fuqu jista’ forsi jinbena iktar u ma jitkissirx fix-xejn dak li huwa tajjeb.


No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...