29.10.14

Joseph Muscat għandu jieqaf jidħaq bin-nies.



Aħbar wara l-oħra qed tikkonferma kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed jidħaq bin-nies. Wara l-gidba b'rabta mal-bini tal-Power Station, meta baqa' jsostni sal-aħħar li kollox kien “on track”, issa Muscat se jkun qed jagħti 58c bħala żieda tal-għoli tal-ħajja.

Dan qalu l-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jieqaf jidħaq bil-poplu Malti u Għawdxi. “Huwa ta' insult li filli tgħid li l-ekonomija miexja tajjeb, u filli tħabbar li se tkun qed tagħti biss 58c lill-familji Maltin u Għawdxin,” qal Tonio Fenech. Hu fakkar li ċ-ċifra ta' 58c hija n-nofs tal-ammont li ngħata lill-poplu Malti u Għawdxi erba' snin ilu meta Joseph Muscat niżżel in-nies fit-toroq biex jiprotestaw.

Dwar dan, il-Ministru Fenech fakkar li l-Partit Nazzjonalista diġa' għamel appell lill-Gvern biex minnufih iraħħas dawn il-prezzijiet. Hu fakkar li l-prezz internazzjonali taż-żejt illum jinsab fl-istess livell li kien fih f'Settembru 2010. “L-uniku differenza hi li l-prezz li l-poplu Malti qed iħallas għad-diesel hu ta' 30c aktar, u għall-petrol 22c aktar. Din hija taxxa u għalhekk mhux aċċettabli, u l-Gvern għandu jraħħas dawn il-prezzijiet minnufih,” sostna Tonio Fenech.

Tonio Fenech spjega kif bejn l-2008 u l-2012, il-ħaddiema u l-pensjonanti Maltin ingħataw medja ta' 3.84 ewro fil-ġimgħa bħala żieda skont l-għoli tal-ħajja. Dan ifisser medja ta' 200 ewro fis-sena. Is-sena d-dieħla, għal kuntrarju, iż-żieda għall-għoli tal-ħajja se tkun biss ta' 30 ewro f'sena sħiħa.

Minn naħa tiegħu, l-Kelliem għall-Impjiegi u l-Persuni b'Diżabilita' Stephen Spiteri spjega kif bosta familji mhux qed ilaħħqu mal-ħajja u għalhekk, iż-żieda minima ta' 58c hija redikola. Hu spjega kif fl-aħħar xhur, il-bejgħ mill-ħwienet naqas sew u sostna li biex l-ekonomija terġa' tibda tirpilja hemm bżonn azzjonijiet aktar drastiċi.

Stephen Spiteri spjega kif filwaqt li l-poplu Malti se jkun qed jieħu biss żieda ta' 58c fil-ġimgħa, l-Gvern ta' Joseph Muscat introduċa numru ta' taxxi ġodda li jammontaw għal ferm aktar minn 58c fil-ġimgħa. Fost dawn wieħed isib iż-żidiet fit-tariffi tal-eżamijiet tal-MATSEC, iż-żidiet fit-tariffi tal-liċenzji tas-sewqan, iż-żidiet fil-prezzijiet tal-eżamijiet tal-liċenzji tas-sewqan, miżati fis-settur edukattiv, iż-żieda fil-prezz tal-gass, kif ukoll l-insistenza li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel jibqgħu għoljin meta l-prezz internazzjonali taż-żejt qed jitbaxxa u laħaq livelli baxxi ħafna. Hu esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li filwaqt li l-familji Maltin se jingħataw biss 58c fil-ġimgħa, l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi qed tingħata 3,250 ewro fl-istess perjodu.

Fl-aħħarnett, Tonio Fenech qal li l-Gvern, fil-budget li jmiss għandu jassigura li l-ħaddiema u l-pensjonanti ma jmorrux lura iżda 'l quddiem. “Dan jista' jagħmlu billi jnaqqas it-taxxa fuq id-dħul u jagħti kumpens rikorrenti lill-ħaddiema li ma jħallsux taxxa, kif ukoll lill-pensjonanti,” appella Tonio Fenech.

23.10.14

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...