25.10.14

Fejn ser nispiċċaw?



1.      Il-pożizzjoni politika f’dawn l-aħħar ġimgħat kompliet tinbidel.  Sfortunatament is-sitwazzjoni għal pajjiżna mhix bl-istess saħħa u direzzjoni tajba.  Il-Gvern immexxi mill-Partit Laburista issa qiegħed imiss mar-realtà tal-affarijiet u qiegħed jidħol għall-eżamijiet li l-eventi jqegħduh fihom.  Hemm uħud li għadda minnhom, però hemm uħud oħra li weħel fihom.  Weħel b’mod u manjiera li wieħed fuq naħa jinkwieta ruħu għalihom u fuq in-naħa l-oħra serjament jittama li jinbidlu.  Dan huwa l-pajjiż tal-Maltin u l-Għawdxin kollha u naħdmu u naqdfu lkoll biex nimxu ‘l quddiem.  Il-fatt li aħna fil-bank tal-Oppożizzjoni ma jfissirx li aħna ma ngħinux biex isir is-sewwa, u wisq u wisq inqas li ser nieħdu pjaċir b’dak li huwa żbaljat.  Dak li qiegħed isir ħażin illum ma jinbidilx għax ma jibqax l-istess gvern, iżda b’miżuri oħra li lkoll nafu kemm jafu jkunu diffiċli u kumpliikati biex iseħħu.

2.      Xogħolna skont il-Kostituzzjoni jibqa’ dak li nidhru man-nies sabiex nuru dak li għaddej ħażin.  Naħdmu fil-Parlament u barra sabiex dawk li jistgħu jibdlu, jibdlu fit-triq it-tajba.  Jekk hemm min qiegħed jieħu għalih mhux qiegħed jifhem li dak huwa dmirna.  Dak li ngħidu, dak li nwettqu mill-Oppożizzjoni qiegħed isir biex il-pajjiż jimxi kif għandu.  Ninkwetaw meta naraw li diversi mill-wegħdiet elettorali li saru mhux talli mhumiex iseħħu, talli qiegħed iseħħ il-kontra tagħhom.  Hemm parti sw mill-poplu li qed tħoss ir-realtà ekonomika u soċjali tal-ġurnata li qed tweġġagħha.  Nafu dan minn dawk li huma fil-parti t’isfel jew dak li jħossuhom niżlin ‘l isfel fis-soċjetà.

3.      Gvern ma jistax ikun perfett però jżid fl-impreċiżjonijiet tiegħu meta għalkemm ikollu stat mhux tant tajjeb f’idejh, flok jipprova jirranġa, jwebbes rasu.  Iwebbes rasu f’żewġ toroq: l-ewwel, milli jibda jaħrab mill-problema u jikkonvinċi ruħu li dak li hemm ma jeżistix; u t-tieni billi jagħlaq kull bieb għal xi forma ta’ djalogu kostruttiv.  Ngħid dan għax għada fil-Parlament nibdew u ngħalqu dibattitu importanti dwar dak li l-Gvern qiegħed jgħid fuq is-settur tal-enerġija elettrika.  Saru diversi wegħdiet u ngħad ħafna diskors fuq dak li kien ser iwettaq u jagħmel qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali u wara li issa jidher ċar li mhuwiex sejjer isir.  Għalkemm hemm min jista’ jaħseb li dan qiegħed isir fuq is-sempliċi raġuni li l-Gvern qiegħed imur lura mit-termini li intrabat huwa stess li jżomm, fir-realtà id-dibattitu jmur ferm iktar ‘il bogħod minn dan.  L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ser tkun qed tiffoka fuq is-settur kollu.  Ser tħares u tistaqsi f’dibattitu liberu u kostruttiv dak li sewwasew qiegħed jiġri.

4.      Il-Gvern jidher ċar li ħa deċiżjonijiet varji.  Deċiżjonijiet li ma ġewx spjegati.  Daħal fi ftehim li ma ppubblikax.  Ħeba u għadu qiegħed jaħbi dak li minflok għandu jersaq quddiem u jispjega.  Ma’ kull ġurnata qed niskopru problemi li qabel ma kienx hemm.  Qed naraw li hemm mossi li flokser iwasslu sabiex ikollna sigurtà u moħħna mistrieħ minn dak li ġej għalina bħala pajjiż, ser insibu l-kontra.  Huwa minnu li hemm il-gravità li kien il-Prim Ministru nnifsu li daħal fin-nofs u diġà hemm min qiegħed jinnota diskrepanzi bejn dikjarazzjonijiet tal-bieraħ u dak ta’ llum, però f’dan il-mument il-prijorità hija t-trasparenza u informazzjoni ċara.  Dak li huwa ħażin ser ngħiduh u nippretendu li l-Gvern jieħu l-passi neċessarji sabiex jibdlu u fl-istess ħin ikun proattiv u dak li jidher li qed imur lura jġibu ‘l quddiem.

5.      Diversi fil-pajjiż qed jibdew jistaqsu, ġustament, fejn aħna sejrin.  Għandna din il-kwistjoni tal-power station li ġiet posposta u kkumplikata fix-xejn.  Għandna t-trasport pubbliku li qiegħed il-ħin kollu jikkumplika ruħu fin-nuqqasijiet ta’ kull ġurnata f’mobilità u telf ta’ ħin tax-xogħol.  Hemm diversi li qed jistaqsu sewwasew x’qiegħed isir fil-MEPA, b’Awtorità li baqgħet ma nfirditx, b’politika li ġiet waħda ta’ approvazzjoni ta’ kollox.  Hemm ukoll il-fatt li bqajna ma ċċaqlaqniex għall-bini tal-Parlament il-ġdid bil-kumplikazzjonijiet legali kollha li ġejjin.  Biex wieħed ma jsemmix ukoll dak li għaddej fl-Airmalta, b’persuni ta’ kmand jibgħatu messaġġi li huma dijametrikament opposti.

6.      Nifhmu li l-burdata hemm barra mhix waħda li ser ittellef lill-Gvern il-maġġoranza li għandu.  Però hemm iktar u iktar mill-elettorat ta’ kull naħa li qiegħed jistaqsi x’inhuwa jiġri.  Il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jiġġieled ma’ diversi setturi, però almenu kien kapaċi jmexxi ‘l quddiem l-affarijiet ġenerali tal-Istat.  Kien kapaċi jamministra ferm aħjar minn dak li qiegħed jiġi amministrat illum.  It-tama tagħna kienet li dan il-Gvern Laburista jieħu t-tajjeb li għamilna u jibni fuqu.  Minflok qed naraw li sfortunatament beda billi kisser kollox u llum flok qed jibni fuq dak likien hemm, hemm jibni mill-ġdid ħażin.  Waqt li qed naraw dawn l-affarijiet iseħħu quddiemna, ta’ Oppożizjoni responsabbli bilfors nistaqsu x’qed jiġri sewwa u fejn ser nispiċċaw finalment.  Nittamaw għas-sewwa, għalkemm fil-preżent qed naraw kompletament il-kontra.


No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...