8.9.13

Il-ġlieda għas-Sewwa.



1.                  Illum niċċelebraw jum mill-iktar importanti fl-istorja ta’ pajjiżna.  Ġurnata marbuta ma’ eventi nazzjonali li fihom ġejna kull darba liberati mill-oppressjoni, l-iskjavitù u d-dittarorjati.  Ġustament missirijietna, li għexu dawk il-mumenti u jafu minn xhiex għaddew, kellhom kull raġuni biex jiċċelebraw.  Aħna magħhom wara dawn is-sekli, wara dawn is-snin, m’għandniex għax niddubitawhom iżda għandna kull raġuni biex ningħaqdu magħhom.

2.                  Niċċelebraw f’din il-ġlieda eterna, kontinwa, ta’ kull ġurnata, tas-sewwa kontra dak li m’huwiex.  Missirijietna ġġieldu għas-sewwa.  Issieltu, u diversi taw ħajjithom, f’dawk il-kumbattimenti kontra t-Torok u kontra n-nażi-faxxiżmu.  Kull bniedem f’ħajtu jissejjaħ biex jagħti xiehda għas-sewwa.  Mhux kull wieħed minna jwieġeb kif għandu.  Uħud iċedu, oħrajn jaħarbu minnha fil-biża’ li twelled il-viljakkerija.  Twelled dawk il-bnedmin tad-daqqiet ta’ ħarta li lesti li jittradixxu biex, mingħalihom, javvanzaw u jirċievu xi vantaġġi materjali.

3.                  Fortunatament għalina, aħna d-dixxendenti ta’ bnedmin li għażlu li jkunu rġiel ta’ fibra.  Għażlu li jinżlu jikkumbattu kontra l-forzi kollha tal-ħażen.  Aħna ngawdu mid-demokrazija, mil-libertà u l-ġustizzja soċjali proprju għax kienu huma li żammew sodi fil-valuri sodi tagħhom.  Żammew fid-determinazzjoni li jikkumbattu darbtejn minn fuq is-swar u l-bastjuni tagħna.  L-ewwel kontra l-forza inkontrollabbli Ottomana, u wara kontra dik ta’ żewġ imġienen li, sfortunatament, għadhom isibu iktar imġienen bħalhom jaħsbu li kienu xi ħaġa.

4.                  It-8 ta’ Settembru 1565 u 1943 jfakkruna li kienu jiem determinanti għalina f’dawn il-gżejjer.  F’tal-ewwel it-Torok ħarbu u f’tat-tieni l-Italja ċċedi l-armi u parti sostanzjali mill-armata navali tagħha tiġbed biex tidħol fil-portijiet Maltin, lura mal-forza tas-sewwa kontra l-ħażen.  Ifakkruna li fiż-żewġ mumenti l-iktar ċari quddiem għajnejn id-dinja konna dawk li żammejna ruħna sodi.  Oħrajn waqgħu u aħna bqajna nxejru l-bandiera tal-libertà u tar-reliġjon tagħna.  It-Torok, li kienu sakemm waslu għandna, forza tant qawwija li ħadd ma kien irnexxielu qabilna jżommha.  Il-forzi nażi-faxxisti, li wkoll kienu kaxkru u farrku kull pajjiż ieħor, weħlu meta ġew għalina.

5.                  Dan huwa jum ta’ Vittorja għas-sewwa.  Huwa jum Provvidenzjali.  Meta, kif sewwa raw u fehmu ta’ qabilna, kien hemm intervent ta’ Ommna Marija għalina.  Dan huwa dokumentat.  Huwa fatt li għalkemm illum għandna min jipprova jiddubita, iċekken jew jiddisprezza, però fir-realtà seħħ.  Missirijietna batew dak kollu li gwerra ħarxa u li ma tagħtix nifs tagħti.  Raw diversi ħbieb, familjari jmutu, raw bini jiġġarraf, għaddew mill-ġuh, mill-għatx u xorta baqgħu jissieltu mingħajr ma qatt tilfu t-tama.  Qatt ma qagħdu lura mit-tama kontra kull tama li dak li kienu għaddejjin minnu kien ser jiqaf bi trijonf u liberazzjoni.

6.               Kull persuna huwa msejjaħ jiġġieled huwa wkoll it-taqbida għas-sewwa.  Daqqa mod u daqqa ieħor.  Mhux kull persuna twieġeb, u diversi jaħarbuha, biss aħna xxurtjati li ta’ qabilna ma ħarbux minnha, kienu ppreparati jaqilgħu d-daqqa, imma baqgħu hemm.  Ma kienux beżżiegħa, anqas ma kienu tradituri.  Ma abbandunawx pajjiżna.  Wisq inqas ma taw daqqiet f’dahar sħabhom għax hekk kien jista’ jaqblilhom.  Baqgħu jwettqu dmirhom, anke jekk dan kien ifisser it-telf ta’ ħajjithom.  Missirijietna setgħu ċedew għat-Tork jew għall-forza tal-lemin estrem, forsi kienu jmutu inqas nies, imma żgur ma konniex inkunu dak li aħna.

7.                  Aħna poplu sod u kburi bl-istorja tiegħu.  Wieħed Ewropew li daħal bħall-ħmira t-tajba biex nibqgħu dak li aħna.  Nibqgħu dawk li jagħżlu l-valuri u l-prinċipji nsara ferm iktar ‘il fuq minn konsiderazzjonijiet oħra.  Hemm diversi mudelli ta’ mġieba li l-bniedem it-tajjeb, dak li aħna nsejħulu “mimli bl-irġulija” jista’ jieħu.  Jista’ jkun dak li kien il-vjaġġatur Ulisse fl-immaġinazzjoni li Omeru jagħti.  Jista’ jkun dak li Sidna Ġesù Kristu hu fir-realtà tal-Vanġelu.  Missirijietna għażlu f’dawn iż-żewġ mumenti it-tieni triq.  Ir-rebħa tagħhom hija l-wirt lilna.  Wirt li għandna ngħożżu u nżommu.  Dan billi nieħdu ħsieb nidħlu ma’ kull jum favur il-forza tas-sewwa kontra dik tal-ħażen u l-ingann.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...