29.9.13

Pożizzjoni ċara



1.         Tul dawn l-aħħar erbgħin sena, pajjiżna żamm rabta speċjali mal-pajjiż ħabib tagħna ċ-Ċina.  Minn dawn il-ħamsa u għoxrin sena, kien il-Partit Nazzjonalista fit-tmexxija tal-poplu Malti kollu li ħa ħsieb li jissoda din il-ħbiberija.  F’ebda mument ma abbandunajna lil xulxin iżda assigurajna, bi ftehim bilaterali u koperazzjoni sħiħa, li mmorru lejn tkattir ta’ pediment.  Toroq fid-dinja kulturali, soċjali, edukattiva, ta’ sigurtà, ekonomika, fejn imxejna sew ‘il quddiem.  Hemm sensiela twila ta’ ftehim ta’ koperazzjoni li ġew iffirmati minn numru ta’ ministri Nazzjonalisti, jien inkluż.

2.         Iċ-Ċina hija art kbira u ġeneruża.  Waħda li hija miftuħa għall-koperazzjoni u żvilupp.  Dan aħna ilna li fhimnih u ma qagħdniex lura milli naħdmu biex inkattru dak li jista’ jikber għall-benefiċċju taż-żewġ popli.  Irridu lkoll nammettu li r-rabtiet bejn iż-żewġ popli kibru sew.  Iktar Maltin marru ċ-Ċina u iktar bnedmin fin-negozju daħlu f’rabtiet li minnhom kibru s-swieq tat-tnejn.  Fl-istess ħin, iċ-Ċina appoġġjat u apprezzat ferm iktar il-pożizzjoni tagħna fl-Unjoni Ewropea.

3.         It-twaqqif ta’ Ċentru Kulturali fil-Belt kien u jibqa’ sinjal mill-iktar evidenti ta’ dan kollu.  Post mill-isbaħ li fih hemm, għad-dispożizzjoni tagħna, l-opportunità li nifhmu iktar dan il-pajjiż kbir, b’kultura mill-isbaħ, x’jista’ joffrilna.  Tul dawn l-aħħar snin sar fil-fatt żvilupp ekonomiku u soċjali verament impressjonanti.  Aktar ma wieħed jaqra, aktar ma jsegwi, iktar jinduna li dan huwa poplu li l-ħin kollu qiegħed jissupera lilu nnifsu.  Poplu li huwa bieżel u determinat li jimxi sew ’il quddiem.

4.         Irid jingħad b’mod mill-iktar ċar li l-Partit Nazzjonalista żamm, tul dan il-perjodu, rabta diretta u speċjali mal-poplu Ċiniż.  Mill-ewwel viżta tal-partit fiċ-Ċina sal-lum ma naqset b’ebda mod.  Żammejna kuntatt dirett magħhom u huma magħna mingħajr diffikultà.  Fiż-żmien qasir li qiegħed inkopri d-dekasteru tal-Affarijiet Barranin, dan nista’ nixhdu personalment.  Kelli x-xorti niltaqa’ mal-Ambaxxatur preżenti, kif ukoll li nkun flimkien mal-Kap tal-Partit Simon Busuttil nhar it-Tlieta filgħodu f’laqgħa miegħu.  Fiż-żewġ okkażjonijiet, nista’ nixhed għar-rabtiet ta’ ħbiberija li għandna.

5.         Aħna determinati li nibqgħu fuq din il-linja u ma nippermettux, bla ebda mod, li xi ħadd jipprova jittrasforma lil dan il-pajjiż li huwa ħabib tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, f’ballun politiku Malti.  Ngħid dan għax l-aġir tal-Gvern f’dawn l-aħħar ġimgħat kien mill-iktar żbaljat u kundannabbli.  Kien hekk, l-ewwel, għax il-Prim Ministru pprova jagħti l-impressjoni li huwa qiegħed jagħti aktar attenzjoni lir-rabtiet li għandna ma’ dan il-pajjiż milli konna qed nagħtu aħna.  It-tieni, bil-mod żbaljat ta’ kif mexa biex jiffirma ftehim għal koperazzjoni futura.

6.         Il-Gvern preżenti qiegħed jibni fuq dak li ħallejnilu.  Sab sodda mifruxa waħda u tajjeb.  Sab għad-dispożizzjoni tiegħu l-fatt li ċ-Ċina kienet u baqgħet rikonoxxenti lejna li rnexxielna nassistu lil madwar ħamest’elef ċittadin tagħha joħorġu mill-gwerra ċivili Libjana.  Naf x’kienet tfisser għax kont involut direttament fiha u ma kenitx ċajta.  L-Ingliżi jgħidu: “A friend in need is a friend in deed” u għandhom raġun.  Ħallejna ċertament għal din l-amministrazzjoni l-ogħla livell ta’ ħbiberija possibbli.

7.         F’din il-pożizzjoni għalhekk, kien mill-iktar żbaljat li l-Gvern jipprova juri li għamel xi akkwist ikbar milli fil-fatt huwa.  Fir-realtà, beża’ fix-xejn milli jgħid x’attwalment fih il-ftehim li għad irridu nkunu nafu pubblikament id-dettalji tiegħu.  Dan fih innifsu huwa kundannabbli għal żewġ raġunijiet.  L-ewwel, fil-konfront tal-poplu Malti li għandu dritt li jkun jaf; u t-tieni, lejn l-istess Gvern Ċiniż li ddejjaq żgur li jiddaħħal f’din il-linja ta’ politika mill-iktar immatura.  F’ċirkostanzi simili, gvern serju kien jieħu ħsieb: l-ewwel, jinforma ‘l-Oppożizzjoni b’dak li ser iwettaq; u t-tieni, iħabbar pubblikament id-dettalji.

8.         F’dan kollu, il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hija ċara u diretta lejn it-trasparenza.  Trasparenza li fuqha tista’ tibni, għax il-verità u s-sewwa huma l-pedamenti ta’ kull pass progressiv.  Biss, f’ebda mument ma aħna ser innaqqsu jew inbiddlu fir-rabta speċjali li aħna għandna mal-poplu Ċiniż.


No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...