4.9.13

Tmermir tad-demokrazija.



1.                  Ħadd ma jista’ jmeri l-fatti.  Il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali għadda ‘l-pajjiżna lil dan il-Gvern demokrazija soda u ekonomija soda.  Dak li rċevejna mwaqqa’  u mkisser aħna fl-1987 għaddejnih lura mimli benefikati.  Dan però ma jfissirx li ser jibqa’ jiġi apprezzat minn min daħal issa jokkupa s-siġġu tal-poter.  Ma’ kull jum, dan il-Gvern qiegħed jaġixxi ħażin u beda proċess ta’ tmermir tad-demokrazija u l-ekonomija tagħna.

2.                  Dan il-Gvern, li llum ma baqax  il-ġdid imma sar antik f’kull sens, daħal biex proprju jmur ‘il-kontra ta’ dak li kien iddikjara.  Fl-aħħar snin qal kemm ser ikun aħjar mill-gvernijiet ta’ qablu.  Qal li huwa ferm iktar kapai u kemm ser jieħu ħsieb jimxi skont il-liġi u s-sewwa.  Diversi għażlu li jemmnuh.  Uħud illum diġà qed jaraw id-differenza bejn dak li ntqal u dak li qed jitwettaq.

3.                  L-isbaħ fost ir-ringiela twila ta’ żbalji perfetti li diġà saru kienet dik li ħallewna biha fl-aħħar seduta parlamentari.  Il-Kabinett għażel dik il-ġurnata sabiex jippreżenta d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu proprju biex, mingħalih, ma jaqax fil-kritika tagħna.  Id-dikjarazzjonijiet tal-assi huma neċessarji f’soċjetà li trid tkun trasparenti, fejn kollox jidher quddiem il-pubbliku.

4.                  Kull Ministru, kull Segretarju Parlamentari huwa obbligat li  jagħmel dan skont il-Kodiċi tal-Etika li kien daħħal fuqu nnifsu l-Partit Nazzjonalista.  Kien daħħal dan għal żewġ raġunijiet.  L-ewwel għax huwa fl-interess tal-poplu li jkollu quddiemu stampa ċara tal-assi ta’ dak il-membru fl-Eżekuttiv; u t-tieni, fl-interess tal-istess Ministri għax ħadd ma jkun jista’ jakkużahom, għada pitgħada, li ħaxxnu bwiethom.

5.                  Kull votant jaf kemm huma l-beni ta’ Ministru meta beda u tul iż-żmien li huwa okkupa kariga.  Mekkaniżmu sempliċi, dirett u li jagħmel ġieħ lil kull min irid iservi b’onestà u dinjità fid-dinja tal-politika.  Dawn il-lezzjonijiet demokratiċi ċari li jbegħdu l-korruzzjoni u jħeġġu għat-trasparenza dan il-Gvern, li kien iddikjara ruħu progressiv, ma ħadhomx.  Diversi mill-Ministri tiegħu, flok iddikjaraw x’għandhom u x’qalgħu, għamlu ħilithom biex jaħbuhom.

6.                  Is-suspett fil-poplu, ġustament, kiber.  Hawn f’daqqa waħda kriżi tal-fiduċja li l-politiċi għandhom igawdu.  Dan għal żewġ raġunijiet.  L-ewwel, diversi baqgħu mistagħġba fuq kemm huma sinjuri dawn ir-rappreżentanti tal-partit li fiż-żmien kien jiftaħar li huwa tal-klassi tal-ħaddiema.  Il-listi twal ta’ proprjetajiet, ta’ flus investiti, saħansitra maħżuna fid-djar tagħhom għadhom sal-ġurnata tal-lum fuq fomm in-nies.  Ħafna skandalizzati, oħrajn jitmejlu li ser imorru jissellfu mingħajr imgħax mingħand il-Ministri.

7.                  It-tieni, ħafna fehmu li diversi Ministri u Segretarji Parlamentari riedu b’xi mod jaħbu lill-poplu u direttament lill-eletturi tagħhom x’għandhom u kemm qalgħu flus fis-snin li għaddew.  Għal ħafna, deher iktar ovvju li dawn ir-rappreżentanti kienu qed juru mod, mentri kienu ieħor.  Iktar u iktar meta ma setgħux jagħtu spjegazzjoni ċara u kredibbli ta’ kif għandhom dik il-proprjetà kollha fuq il-ftit dħul li kienu qed jiddikjaraw.

8.                  Il-Kodiċi tal-Etika huwa protezzjoni kontra l-korruzzjoni u garanzija ta’ mġieba korretta minn Ministri li qegħdin f’dan is-seklu u mhux ta’ żminijiet oħra.  Dawn ir-regoli, però, il-Prim Ministru mhux talli ma japprezzahomx, talli għal darb’oħra qed iċekkinhom.  Bħalma rajnih jippermetti membri tal-Eżekuttiv jaħdmu, issa qed jippermettilhom jippreżentaw dak li m’huwiex minnu.  Dan ma hemmx bżonn tkun professur biex tifhem li huwa każ ċar ta’ tmermir tal-pedament demokratiku ta’ pajjiżna.



No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...