25.9.13

L-Elezzjonijiet Ġenerali



1.                  Ġie f’idejja l-ktieb li għadha kif ħarġet il-PIN, Pubblikazzjonijiet Indipendenza, dwar l-elezzjonijiet ġenerali f’pajjiżna ta’ Michael Schiavone.  Kitba ta’ persuna li huwa mimli b’esperjenza politika.  Ngħiduha, min ma jafx jew ma semax b’Michael?  Bniedem li serva fi ħdan il-gazzetti tal-partit għal snin twal.  Serva f’karigi varji.  Jien niftakru b’mod partikolari bħala editur ta’ “il-mument”.  Niftakar li kont miegħu u bil-paċenzja tiegħu nippreparaw ma’ kull ħarġa tal-Ħadd il-paġna tal-Moviment Żgħażagħ tal-partit.  Kien jaf x’inhuwa jinkiteb.  Konxju ta’ dak li gazzetta li dak iż-żmien kienet għadha tibda riedet biex tibda ssib postha u tinbiegħ.  Mingħajr dubju kien irnexxielu jġibha ‘l quddiem u bdejna narawha fl-idejn.  Tinxtara mid-diversi li kienu jippreferu jaqraw bil-lingwa nazzjonali u allura jmorru għat-“Torċa” li kienet b’saħħitha ħafna.  Beda jitkisser monopolju u ġiet stabbilita bħala vuċi li trid tinstema’ u tingħata attenzjoni.

2.                  Issa, għal min isegwi u min jinteressawh l-elezzjonijiet ġenerali jaf li Michael beda proċess verament utli u tajjeb: dak li jiġbor il-fatti, l-istatistika, il-kurżitajiet u l-iktar punti saljenti ta’ kull elezzjoni.  Diversi studenti, politiċi u akkademiċi sabu dan ix-xogħol tajjeb ħafna għal idejhom.  Hemm kurrenti, ideat, opinjonijiet li jinħarġu mir-rappurtaġġ tar-riżultati elettorali.  Kollox  beda għoxrin sena ilu meta daħal għal dan il-proġett enormi li jiġbor b’attenzjoni min ġie elett, kif, fejn u min laħaq f’kariga jew oħra.  L-ewwel edizzjoni għamlet suċċess kbir.  Għal diversi snin żammejtu ħdejja u naf diversi oħra li għamlu l-istess.

3.                  L-iktar punt importanti li għamel dan il-volum enormi kien li ġieb għad-dawl b’mod ċar li d-demokrazija hija parti vitali mill-ħajja u s-soċjetà Maltija. Huwa dikjarazzjoni qawwija li l-elezzjonijiet, il-programmi elettorali, il-partiti politiċi ma tweldux il-bieraħ imma ilhom għaddejja sa mis-snin għoxrin tas-seklu li għadda.  Iktar ma taqra, iktar tifhem li għandek storja qawwija ta’ bnedmin li servew fil-ħajja pubblika u għamlu impatt fuq l-istorja u l-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ dawn il-gżejjer.

4.                  F’din il-pubblikazzjoni wieħed isib l-ismijiet tal-kandidati kollha li ħarġu, ta’ dawk li ġew eletti u dawk li ma ġewx, inklużi r-ritratti ta’ kull min kien elett, anke f’elezzjonijiet każwali, spjegazzjonijiet ċari u dettaljati ta’ dak li seħħ tul kull leġislatura, il-ħidma mill-partiti tal-kampanji elettorali u ta’ dawk li sabu ruħhom maħtura membri tal-Eżekuttiv.  Il-ħatriet tal-Presidenti tar-Repubblika, l-iSpeaker, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni.  F’ċerti ċirkostanti wkoll diskussjonijiet dwar mozzjonijiet ta’ ċertu importanza u r-riżultat tal-votazzjonijiet.  Kull kapitlu jinkludi wkoll statistika dwar ir-riżultati distrett b’distrett, bil-persentaġġi nklużi.  F’żewġ appendiċi li hemm f’dan il-volum hemm minjiera varjata ta’ statistiċi li wieħed jikkonkludi minn dawn l-elezzjonijiet b’listi twal tad-dekasteri kollha mill-1921 ‘l hawn, u bijografiji tal-mexxejja ewlenin ta’ pajjiżna.

Qabel dan kollu, f’żewġ kapitli oħra, l-awtur ħadna lura lejn l-1800, meta missirijietna tqabdu biex pajjiżna akkwista, l-ewwel, forma ta’ kostituzzjoni fl-1849, u l-bidu tal-partiti politiċi u l-iżvilupp ta’ dawn kif nafuhom illum.

5.                  Ma hemmx dubju li dan kollu huwa mill-iktar utli.  Iktar u iktar b’din l-aħħar pubblikazzjoni.  Dan l-aħħar volum ta’ Michael huwa ferm aqwa mill-volum oriġinali pubblikat fl-1992.  B’tipa u preżentazzjoni aħjar, stampat u llegat b’ferm iktar attenzjoni milli kien l-ewwel wieħed.  Mhux biss huwa aġġornat sal-aħħar elezzjoni ġenerali ta’ Marzu ta’ din is-sena, imma hemm ukoll preċiżjonijiet u żidiet ta’ informazzjoni li qabel ma kienx hemm.  Hemm ferm iktar ritratti, ferm iktar kummenti u osservazzjonijiet li jżid fil-kwalità u l-preżentazzjoni tiegħu.  Listi ta’ fatti li billi ssibhom hemm tista’ tagħmel użu minnhom.  Tużahom biex twassal messaġġ imma iktar minn hekk biex tifhem x’ġara u x’seħħ biex tħares ‘il quddiem u tifhem aħjar dak li pajjiż, politiċi  jkunu għaddew minnu.  Aktar persuni jifhmu x’seħħ sewwasew u l-iktar, li bejn dak li jingħad u dak li huwa verità, tirbaħ tat-tieni.

6.                  Mhux biss, imma hemm issa l-fatt li tnaqqas l-iskuża ta’ dawk li jaqbdu u jfajru artikoli bi kwistjonijiet, insinwazzjonijiet u addirittura miżinformazzjoni.  Tneħħi l-opportunità ta’ dawk li ma jwettqux dmirhom kif għandhom jew intenzjonalment.  An il-volum enormi jokkupa verament parti sostanzjali tal-ixkaffa tiegħek, biss huwa minjiera ta’ informazzjoni.  Ngħid, mingħajr tlaqliq, li kull ġurnalista, kull membru politiku u kull min irid jagħti servizz fil-ħajja pubblika għandu jkollu dan il-volum f’idejh.  Mhux biss, imma iktar minn hekk, huwa iktar tajjeb li jiġi konsultat u moqri mhux għax għandna xi punt partikolari, imma għax ħafna minnu għandu jkun magħruf.  Parti mill-formazzjoni politika li kull politiku għandu jkollu.

7.                  Fl-aħħar mill-aħħar, dan huwa volum li huwa eċċellenti.  Wieħed li nirrakkomanda għal dawk li jridu jkunu politiċi tajba u ta’ servizz.  Ta’ dawk li ma jerġgħux jidħlu fl-iżbalji passati, imma jimxu ‘l quddiem.  Ta’ dawk li japprezzaw ferm iktar dak li għaddew minnu diversi mexxejja politiċi biex asserew ruħhom u l-prinċipji li riedu jġibu.  Il-kisbiet politiċi tal-Indipendenza, tar-Repubblika, tad-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.  Dak li qiegħed tħallas għalih, ħamsin ewro, huwa żgur ferm u ferm iktar bilanċjat ma’ dak li qiegħed takkwista.  Mingħajr dubju li l-awtur ħaqqu prosit, tal-ktieb, tal-paċenzja u tal-okkażjoni li wieħed jista’ jġib kollox f’idejh.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...