15.3.12

Is-solidarjetà importanti

1.    Tul il-perjodu li fih ġejt inkarigat nara l-problemi u l-konsegwenzi li jitwieldu mill-immigrazzjoni irregolari u illegali, rajt tibdil fi ħdan l-Unjoni Ewropea.  F’dawn l-erba’ snin saru passi ‘l quddiem, li permezz tagħhom daħlu mekkaniżmi ta’ solidarjetà, li qabel ma kinux jeżistu.  Il-bidu prinċipali kien definittivament il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil li sar fit-tieni nofs tas-sena 2008 taħt il-Presidenza Franċiża.  Il-punt kruċjali kien marbut mal-introduzzjoni għall-ewwel darba ta’ klawsola ta’ solidarjetà, li permezz tagħha jinbena programm għar-rilokazzjoni ta’ persuni li huma rifuġjati jew protetti minn pajjiż għall-ieħor tal-Unjoni.

2.    Niftakar li fil-laqgħat li kelli ma’ numru ta’ uffiċjali għolja u Ministri, f’diversi mumenti kienu jaqtgħuli qalbi li qatt ser jirnexxi li Stat fl-Unjoni jassisti ieħor b’dan il-mod.  Biss b’ħafna impenn dirett, dak li kien jidher diffiċli, sar.  Mill-Patt, li sfortunatament diversi f’pajjiżna għamlu l-iżball li maqdru, imxejna ‘l quddiem.  L-ewwel, sar proġett pilota biex persuni jiġu meħuda minn pajjiżi oħra u jibdew ħajja ġdida hemm.  Mhux biss, imma parti mill-Patt stabbilixxa wkoll it-twaqqif tal-Uffiċċju Ewropew għas-Sostenn fil-Qasam tal-Ażil (European Asylum Support Office jew EASO) bħala għodda importanti f’dan is-settur.

3.    Fortunatament għalina, wara l-ħidma u l-impenn dirett tagħna, il-Kunsill tal-Ministri tal-UE, f’deċiżjoni unika għax ittieħdet mill-ewwel laqgħa, għażel lil pajjiżna sabiex dan l-Uffiċċju jiġi stabbilit fih.  Dak il-pass, illum, beda jservi tajjeb lill-Unjoni u lilna partikolarment.  Hawn issa għandna ċentru ta’ attività li qiegħed diġà jħaddem numru ta’ persuni li permezz tiegħu qed naraw ġid soċjali u ekonomiku.  L-EASO qiegħed avvjat fit-triq it-tajba li permezz tagħha dan is-suġġett, bil-kumplikazzjonijiet kollha tiegħu, jista’ jinstablu tarf.

4.    Il-proġett pilota ġie segwit minn ieħor li żviluppa fl-aħħar sena li għaddiet fl-isfond tal-kriżi Libjana.  Hekk li mxejna sabiex ikun hemm rilokazzjoni ta’ iktar persuni, mhux biss lejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni, imma anke ta’ oħrajn bħan-Norveġja, l-Isvizzera u l-Lichtenstein.  Għalhekk illum għandna quddiemna esperjenza li qatt qabel ma kellna u li fuqha nistgħu nibnu kapitoli ġodda fis-solidarjetà.  Ovvjament, mhux kull Stat jaqbel.  Hemm uħud li jaħsbu li dan iservi għar-raġunijiet żbaljati, però l-maġġoranza għandha opinjoni differenti.

5.    Proprju fuq dan li fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Intern li sar nhar il-Ħamis 8 ta’ Marzu, kien hemm qbil ġdid.  Il-Presidenza Daniża rnexxielha tasal għall-konklużjonijiet tal-Kunsill fuq dak li qed jissejjaħ bħala ‘Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar qafas komuni għal solidarjetà ġenwina u prattika lejn Stati Membri li qed jiffaċċjaw pressjonijiet partikolari fuq is-sistemi tal-ażil tagħhom inkluż permezz ta' flussi migratorji mħalltin’.  Waslu f’dikjarazzjoni ċara li hemm bżonn li jkomplu jiġu meħuda linji ta’ ħidma biex is-solidarjetà f’dan is-settur delikat u diffiċli jiġu ssudati.

6.    Dawn il-konklużjonijiet qegħdin, għal darb’oħra, jistabbilixxu prinċipji f’dokument tal-Unjoni Ewropea li għandna nkomplu naħdmu fuqhom fis-snin li ġejjin.  Għalhekk qed naraw, fost l-oħrajn, solidarjetà f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, f’mekkaniżmi ta’ koperazzjoni, fl-aspetti finanzjarji, fir-rilokazzjoni, fir-ripatriju ta’ persuni li m’għandhomx status ta’ rifuġjati u fil-koperazzjoni ta’ pajjiżi ta’ oriġini u transitu u li fihom isiru l-ewwel applikazzjonijiet għall-ażil.  Determinanti f’dan ser ikun ħidmet l-aġenziji FRONTEX u EASO.  Għalina, id-dokument huwa kollu importanti u, f’ħafna sens, tweġiba għall-ħidma li ilna nwettqu kostantement f’dan is-settur.  Is-solidarjetà hija importanti però altru titkellem dwarha u altru tfassal pjan ta’ ħidma għaliha.  Hawn qed nimbarkaw iktar ‘il quddiem fuq programm interessanti li minnu pajjiżna għandu jibbenefika sew.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...