6.3.12

Ir-riħ qiegħed idur?

1.    Il-ġimgħa li għadha kif għaddiet ingħalqet fid-dawl tal-laqgħa tal-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ġewwa Brussell.  Il-pożizzjoni qegħda biċċa biċċa tinbidel għall-aħjar.  Anzi, hemm indikazzjonijiet ċari li jista’ jkun li dalwaqt ser nibdew perjodu ta’ stabilità ekonomika fl-Unjoni, li għandu jmexxi lis-soċjetà lura fit-triq it-tajba.  Fis-snin li għaddew ġew meħuda diversi deċiżjonijiet, uħud f’lokhom, però oħrajn preludji għal dak li qiegħed isir illum.  In-nuqqasijiet tal-passat, speċjalment fil-linja tal-politika ekonomika, ħallasna bil-qares għalihom ilkoll.

2.    Kull Stat forsi qiegħed jifhem li jrid iħares sew l-ekonomija tiegħu.  Irid iwaqqaf iktar strutturi li jirregolaw u jibni l-ħitan li m’għandhomx jinqabżu.  Persuni fil-kummerċ jifhmu li aktar ma jkun hemm serjetà u attenzjoni iktar jistgħu jkollhom moħħhom mistrieħ.  Mhux kull min hu qiegħed f’dan is-settur għandu l-istess abbiltajiet.  Hemm min hu kapaċi joħlom, jibni u jħares sew ‘il quddiem u hemm min le.  Biss, ħidmet l-Istat demokratiku trid tibqa’ ffukata biex tipproteġi lil dawk li jaħdmu b’intenzjonijiet tajba għad-differenza ta’ dawk li jridu japprofittaw ruħhom illegalment minn oħrajn.  F’dawn is-snin jidher ċar li din il-lezzjoni kontra ċerti teoriji ekonomiċi daħlet sew fis-sistema.

3.    Dan il-Kunsill Ewropew, fir-realtà qiegħed jerġa’ jafferma l-importanza tad-djalogu u d-diskussjoni interna.  Biex wasalna f’din il-pożizzjoni llum, dik marbuta mal-programmi li wrew l-importanza tal-EFSF/ESM (European Financial Stability Facility u l-European Stability Mechanism) inbniet fi ħdan l-Unjoni l-kultura tal-użu tal-metodi demokratiċi.  Mhux bil-politika tar-rikatt.  Dik hija sorpassata sew, speċjalment fi ħdan l-istess Unjoni.  Fl-esperjenza tagħna fi ħdanha huwa ċar u evidenti li l-użu tar-raġuni hija l-għodda li twassal għas-sewwa.  Twassal lejn deċiżjonijiet li jiġu bażati fuq il-verità u mhux fuq il-perċezzjonijiet.  Fejn wieħed jista’ jidħol fid-dettall neċessarju biex isolvi l-problemi.

4.    Ir-riflessjonijiet li qed isiru llum fl-Unjoni sabiex issir analiżi tal-makro-ekonomija fl-Istati, marbuta mal-istrateġija li għandha tkompli tiftaħ il-bibien tal-kompetittività u tal-konsolidazzjoni fiskali li ma toqtolx l-iżvilupp u t-tkabbir soċjali u ekonomiku, huma essenzjali.  Huwa mument uniku li għandna napprezzaw.  Pajjiżna għandu sehem dirett f’dan il-proċess, kif ukoll li jieħu benefiċċju minnu.  Id-deċiżjonijiet Ewropej f’dawn l-aħħar snin ma kienu faċli xejn, però kienu jkunu aktar iebsa għalina li kieku ma konniex Membri.  Il-parteċipazzjoni diretta tal-Prim Ministru u tal-Ministru tal-Finanzi assigurat li l-impatt tad-deċiżjonijiet, li żgur li dejjem kienu ser jolqtuna, tkun ferm u ferm inqas.  Il-kalma u l-għarfien li kull dettall huwa importanti wasslu sabiex nutilizzaw għall-ġid tal-pajjiż dan il-vantaġġ.  Pajjiżna qiegħed illum jinfluwenza l-politika ekonomika Ewropea direttament.

5.    Għalhekk, l-iffirmar tat-Trattat ta’ Stabilità (Fiscal Compact) kien pass dovut, però wieħed li wasalna għalih b’diskussjoni u mhux b’impożizzjoni.  Dan il-patt ngħarfu li huwa bażi importanti u, f’ħafna sens, determinanti għall-futur tat-tkabbir Ewropew.  Li pajjiżi oħra jkunu b’saħħithom u qed jaraw tkabbir ekonomiku għandu relevanza għalina.  Jekk l-Unjoni timxi iktar fid-dħul tagħha, tiġbed lilna awtomatikament magħha f’diversi programmi, inizjattivi u ħidmiet.  Iċ-ċittadin Ewropew li preżentement qiegħed f’sitwazzjoni ekonomika u soċjali diffiċli, appena jdur ir-riħ, għandna nibbenefikaw aħna wkoll minnu.

6.    Dan hu li qiegħed jiġi prospettat għal tul din is-sena.  Mhux ser tkun faċli u għad irridu naraw diffikultajiet u kumplikazzjonijiet.  Għad irridu naraw iktar laqgħat, b’iktar parteċipazzjoni, partikolarment tal-Ministru Tonio Fenech.  Però jidher li almenu bdejna t-triq twila lura.  Triq lejn it-tħaddim u t-tfassil ta’ politika favur il-poplu tagħna u dak Ewropew.  M’għandix dubju li kull min qiegħed jaħdem f’din id-direzzjoni apprezza dak li għaddejna minnu.  Għoġobni però l-kumment tal-President rikonfermat Herman Van Rompuy: “Continuing this work for Europe in such decisive times is a privilege, and a great responsibility.”

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...