26.3.12

Ħidma siewja - Il-Korp tal-Pulizija

1.    Hemm ħidma kontinwa, għaddejja l-ħin kollu, li ftit persuni jafu biha u dawk li jafu mhux dejjem japprezzaw biżżejjed.  Il-Korp tal-Pulizija wasal biex jagħlaq mitejn sena minn meta twaqqaf.  F’dawn is-snin għadda minn diversi mumenti fl-istorja ta’ pajjiżna.  F’kull sena, f’kull taqlib fil-ħajja soċjali u storika, kien hemm preżenti, jagħti s-servizz tiegħu.  Għodda importanti f’kull Stat sabiex tiġi kontrollata l-kriminalità.  Il-Korp mhux dejjem ġie użat kif kellu, però dak iż-żmien fortunatament għadda u mar.

2.    Il-Korp huwa illum organizzat ferm iktar milli kien.  Hemm ħidma li ssir il-ħin kollu, mhux biss fl-għases varji, iżda wkoll f’postijiet oħra.  L-iżvilupp tal-Korp mexa id f’id ma’ dak li qiegħed isir barra fil-ġlieda u l-kuntrast għad-delinkwenza.  Illum il-kriminalità hija ferm iktar differenti u sofistikata milli kienet fi żminijiet oħra.  Illum il-ġurnata, il-kriminalità hija organizzata, taħdem f’pajjiżi differenti u fl-istess ħin tuża teknoloġija moderna.

3.    Dan jidher evidenti fit-traffikar tad-droga, li hu mifrux mal-pajjiżi kollha tad-dinja u li jħalli qliegħ sostanzjali lill-persuni li jaħdmu fid-delinkwenza.  Għalhekk hemm kontinwament il-bżonn li wieħed jara li jikkuntrasta dan b’iktar preparazzjoni u attenzjoni.  Hawn il-Korp huwa nvolut, sija fil-kuntrast u l-interċettazzjoni ta’ persuni li jippruvaw idaħħlu d-droga f’pajjiżna, kif ukoll fl-intern tagħna.  Ta’ kull ġimgħa nisimgħu kemm persuni jitressqu quddiem il-Qrati tagħna akkużati b’delitti marbuta mad-droga.  Dan ix-xogħol ma jieqafx, imma jibqa’ għaddej il-ħin kollu.

4.    Il-ġlieda kontra l-kriminalità li ssir tant tajjeb u b’sagrifiċċju personali ta’ diversi uffiċjali u membri tikber iktar meta l-poplu jassistiha.  Diversi drabi, il-poplu jara delitti jitwettqu u fuq l-informazzjoni li jgħaddu jinqabdu dawk li wettqu aġir illegali u kriminali.  Il-kollaborazzjoni hija tajba, però hemm dejjem lok sabiex tiżdied.  Ħafna mumenti anke biċċiet żgħar ta’ informazzjoni jgħinu sabiex tingħalaq stampa u min iwettaq delitt jinqabad.  Il-Korp jaħdem, ma hemmx dubju, però l-għajnuna taċ-ċittadin tgħin biex din il-ħidma tikber aktar.

5.    Il-Korp huwa mpenjat mhux biss fil-ġlieda kontra d-droga.  F’dawn is-snin, għalkemm rajna tnaqqis ġenerali fid-delinkwenza – li huwa tajjeb ħafna komparat ma’ dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra – xorta hemm żviluppi oħra li jimmeritaw attenzjoni.  Is-serq minn postijiet frekwentati mit-turisti huwa wieħed minn dawk li ra ċaqliq ‘il fuq, bħal ma huwa anke dak marbut mas-serq tal-mobile phones.  Biss il-bidla fil-kurrenti tad-delinkwenza ġġib magħha wkoll tibdil fl-istrateġija li l-Korp juża biex jikkumbattiha.

6.    Kull meta jkun hemm delitt, inkwiet, imġieba ħażina u attivitajiet pubbliċi, il-Korp ikun fuq il-post sabiex jassisti u jikkontrolla.  Għalhekk, il-ħidma li ssir hija waħda varja u siewja.  Il-membri tal-Korp, għalkemm ikun hemm min jittanta jmaqdarhom, fir-realtà jagħmlu xogħol imprezzabbli.  Hemm l-eċċezzjonijiet, però dawn hekk jibqgħu u ma jsirux ir-regola.  Huwa faċli ħafna li tipprova ċċekken u toskura.  Artikolu, rappurtaġġ f’gazzetta mhux dejjem iridu ħafna enerġija u għalhekk ikun hemm min ma tantx jitqanqal biex jgħaddi rimarki żbaljati.  Biss, ir-realtà hija kompletament differenti.

7.    Illum il-Korp tal-Pulizija għandu ferm iktar apparat modern biex jaħdem bih.  Għandu wkoll taħriġ ferm aħjar milli kellu qabel, li jsir f’Malta għal dawk li huma stazzjonati hawn u f’Għawdex għal dawk li huma stazzjonati hemm.  Daħħal is-sistema li kull sena jiftaħ kors ħdid ta’ tnax-il xahar għar-rekluti l-ġodda.  Mhux biss, imma diversi membri jsiefru barra fl-Unjoni Ewropea biex jattendu għal korsijiet u laqgħat.  Hemm ferm iktar li jista’ jsir, ma hemmx dubju, però dan m’għandux inaqqas mill-valur tal-ħidma siewja li kontinwament issir.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...