22.3.12

Parti mir-riforma

1.    In segwitu għall-emendi li ġew konklużi fil-Kunsilli Lokali permezz tal-Att XVI tal-2009, permezz tal-Avviż Legali 63 tal-2010 daħal fil-seħħ il-Bord tal-Gvernanza Lokali.  F’dak l-Att, daħlu fis-seħħ numru ta’ punti li permezz tagħhom eventwalment saru passi f’direzzjonijiet differenti.  Bħala Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali, bdejt niltaqa’ ma’ numru ta’ persuni li lkoll, b’xi mod jew ieħor, ġew effettwati minnhom.  Uħud jitkellmu u jagħtu l-esperjenzi pożittivi u negattivi tagħhom, oħrajn tifhem minn azzjonithom l-opinjonijiet tagħhom fejn qegħdin.  Il-maġġoranza huma però pożittivi u dawk li mhumiex, ħafna drabi jiftħulek għajnejk fuq dak li jista’ jinġieb ‘il quddiem u jiġi mtejjeb.

2.    Mhux kull min huwa fis-settur jaf li, mill-2010 daħlu fis-seħħ numru ta’ regolamenti li qegħdin jagħtu rimedji ġodda liċ-ċittadini tagħna.  Illum, minn sentejn ‘l hawn, beda jopera dan il-Bord ta’ Gvernanza li permezz tiegħu wieħed jista’ jirrikorri b’sempliċi ittra biex jingħata rimedju minn aġir kif definit fl-Avviż Legali, bħala amministrazzjoni ħażina.  Dan għax dan il-Bord ingħata l-poter li jagħti, fejn jidhirlu, deċiżjoni fuq ilmenti varji li jaslu għandu.  Minn meta daħal fis-seħħ l-Avviż Legali ġew reġistrati 65 każ, li minnhom ġew deċiżi 60, b’5 għadhom pendenti.

3.    Skont l-artikolu 5, l-Bord tal-Gvernanza għandu l-funzjoni li jistħarreġ u jiddeċiedi fuq kull kwistjoni mressqa lilu dwar, l-ewwel, allegat abbuż jew deċiżjoni jew amministrazzjoni ħażina magħmulin minn rappreżentant elett, Segretarju Eżekuttiv jew xi uffiċjal ieħor, meta dak l-għemil ħażin ma jkunx wieħed ta’ xorta kriminali; it-tieni, kull ksur allegat tal-Kodiċi ta’ Etika għar-rappreżentanti eletti li jkun fis-seħħ fil-perjodu tal-ksur allegat; it-tielet, li kullilment minn xi membru tal-pubbliku fil-konfront ta’ xi rappreżentant elett, Segretarju Eżekuttiv, jew xi uffiċjal dwar xi amministrazzjoni ħażina; ir-raba’, kull ilment minn xi uffiċjal pubbliku jew entità pubblika jew privata fil-konfront tal-aġir ta’ xi rappreżentant elett, Segretarju Eżekuttiv, jew xi uffiċjal dwar xi amministrazzjoni ħażina u, il-ħames, li kull ilment minn xi membru tal-pubbliku, uffiċjal pubbliku jew xi entità pubblika jew privata fil-konfront ta’ xi deċiżjoni ta’ xi Gvern Lokali li permezz tagħha min jagħmel l-ilment iħares li b’xi mod tkun saret irregolarità, inġustizzja jew abbuż li ma jkunux ta’ xorta kriminali.

4.    L-Avviż Legali jindika wkoll b’mod ċar x’inhija amministrazzjoni ħażina.  Din hija definita bis-segwenti mod: “amministrazzjoni ħażina” tinkludi deċiżjonijiet minn rappreżentanti eletti jew uffiċjali ta’ xi Kumitat Reġjonali, Kunsill Lokali jew Kumitat Amministrattiv li jieħdu tul ta’ żmien mhux raġjonevoli mingħajr ebda ġustifikazzjoni, proċeduri li ma jkunux konsistenti addottati f’ċirkostanzi simili, l-għoti ta’ informazzjoni jew dokumentazzjoni żbaljata, jew deċiżjonijiet li ma jkunux skont il-liġi jew proċeduri statutorji, xi azzjoni li fl-implimentazzjoni tagħha toħloq inkonvenjent bla ħtieġa jew xi abbuż ta’ diskrezzjoni.

5.    Għalhekk, permezz ta’ dan l-Avviż Legali nbdiet triq kompletament ġdida marbuta ma’ settur tal-ġustizzja amministrattiva.  Infakkar li waħda mir-riformi li ġibna fis-seħħ tul din il-leġislatura kienet dik li permezz tagħha daħħalna liġi ġdida li bniet prinċipji ġodda.  Għalhekk din hija wkoll kontinwazzjoni ‘l quddiem tal-bżonn li wieħed jipprovdi rimedji għal sitwazzjonijiet u kumplikazzjonijiet li jinqalgħu minn deċiżjonijiet amministrattivi.  Meta Kunsill Lokali jieħu pożizzjoni fuq x’għandu jsir f’lokal, iċ-ċittadin għandu jkollu mod ta’ kif iressaq għall-konsiderazzjoni kif intlaqat u jitlob li jiġi mogħti rimedju.

6.    Il-proċess tar-riforma fil-Kunsilli Lokali m’għadux wieqaf imma jrid ikompli għaddej, dejjem jekk irridu nassiguraw li jkollna istituzzjonijiet demokratiċi li jservu sew lill-poplu.  M’għandux jiġi dubitat li dak li sar ftit tas-snin ilu kien fuq it-triq it-tajba.  Dan il-Bord ta’ Gvernanza huwa xiehda oħra ta’ dan, però kif jiġri, ħaġa taqla’ oħra.  Għalhekk hemm lok li nżommu l-proċess tal-bidla għaddej b’mod li s-sistema tista’ tlaħħaq miegħu.  Il-Bord tal-Gvernanza diġà għamel il-ġid u tajjeb li nesploraw kif nistgħu ntejbu l-operat tiegħu, bħal li d-deċiżjonijiet meħuda minnu jiġu pubblikati.  Dan huwa għall-futur li għandna kontinwament nippreparaw għalih għax hekk inkomplu nagħmlu dak li huwa sewwa.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...