18.12.23

WAQQFU DAL-MASSAKRU

1. Mexxejja politiċi varji jiġu u jmorru fiż-żmien. Uħud jinfluwenzaw fis-sewwa, oħrajn il-kontra. Daqqa narawhom parti minn proċess sħiħ ta’ żvilupp u daqqa narawhom għaddejjin bħala forzi ta’ distruzzjoni. Min jibda naħa, kif ħafna drabi turi l-istorja, jkompli fiha u ma ġġibux biex ikun differenti. Aktar u aktar meta l-mewġa żbaljata tiergħu tiġi tfisser għalih tisħiħ tal-poter jew sempliċement iż-żamma tiegħu. Ikomplu għaddejjin fejn m’għandhomx għax jaħsbu li għandhom parti mill-elettorat warajhom jew volontarjament jew passivament. F’isem dawn il-politiċi nsibu li ħafna drabi, sfortunatament, jitwettqu atroċitajiet li jgħaddu kemm jgħaddu sekli xorta jibqgħu jimmarkaw popli u eżistenzi.

Sejħiet varji

2. F’dan il-proċess li qed naraw għaddej fil-preżent ġewwa Gaża, tammira għalhekk lil dawk li jappellaw għall-forza tar-raġuni. Dawk li kontra l-kurrenti, flok jibqgħu siekta jitkellmu biex juru li ma jaqblux ma’ dak li huwa għaddej. Dak li seħħ fis-7 ta’ Ottubru f’Iżrael jibqa’ f’dan ċertament kundannabbli fl-ogħla grad possibbli. Dak li seħħ m’għandu ebda forma ta’ ġustifikazzjoni. Imma issa, wara xahrejn kontinwi ta’ attakki f’din il-parti tad-dinja minn forza militari b’saħħitha u superjuri, m’għandhiex tkompli għaddejja. Kienu x’kienu l-objettivi oriġinali, sija politiċi u militari li l-Gvern ta’ Benjamin Netanyahu daħal għalihom, illum nafu x’inhuma l-effetti tagħhom fir-realtà tal-ħajja. Aktar minn sbatax-il elf maqtula li huma bnedmin, fil-maġġor parti tagħhom, mhux membri tal-organizzazzjoni kriminali u terroristika tal-Ħamas.

Massakri


3. Kienu x’kienu l-miri strateġiċi li ġew imħabbra, huwa ċar li issa qed jintilfu mill-piż morali f’kull forma ta’ ġustifikazzjoni tiegħu u qed jiżdiedu dawk biex dan l-attakk imdemmi jieqaf. Wieħed jistaqsi kemm għad fadal bnedmin innoċenti jew inqas biex jitilfu ħajjitom biex l-ostilitajiet jieqfu. Kemm għad irridu naraw tifrik f’post li huwa abbandunat mid-dinja u li jbati sew biex iżomm ruħu għaddej? F’liema mument ser ikun hemm min jirrealizza li dak li għaddej qiegħed huwa wkoll jiżra’ ż-żerriegħa ta’ iktar mibgħeda ħarxa u intransiġenti? Jekk qabel il-pożizzjoni kienet diġà ikkumplikata issa ser issir ferm u ferm iktar hekk. Kif jingħad tajjeb fl-editorjal prinċipali ta’ The Economist ta’ din il-ġimgħa: “If you want to understand how desperately Israelis and Palestinians need peace, consider what would become of them in a state of perpetual war.” (Jekk trid tifhem kemm l-Iżraelin u l-Palestinjani huma ddisprati għall-paċi, ikkunsidra biss x’jiġri minnhom jekk jgħixu fi stat kontinwu ta’ gwerra). Kliem li jitilqu biex jippruvaw iżidu d-doża ta’ dawk li huma kontra l-kontinwazzjoni ta’ dak li huwa għaddej mingħajr waqfien.

Massakri

4. Fil-jum tas-7 ta’ Ottubru, il-Ħamas ċappas idejh bid-demm innoċenti li ma jistax jiġi maħsul lura. Il-poplu Palestinjan mhuwiex il-Ħamas, imma d-dinja trid toqgħod attenta li mhix ser tkompli tixħtu f’ħoġorhom. Hemm vuċijiet varji li qed jitkellmu kontra dak li hu għaddej. Dak li qiegħed jidher ċar li biċċa biċċa qed jitlef il-ġustifikazzjoni li seta’ kellu fil-bidunett. Dibattitu li għaddej b’saħħa f’Iżrael u barra. Kif tkellem tajjeb riċentement l-istoriku Omer Bartov, awtur ta’ diversi kitbiet dwar dawk l-atroċitajiet li seħħew fit-Tieni Gwerra Dinjija. F’artiklu tas-7 ta’ Diċembru fil-gazzetta Haaretz, fost punti varji jgħid hekk: “Israel can rightly claim that its actions were in self-defence. What it cannot claim is that massacre justifies massacre.” (Iżrael jista’ ġustament isostni li għandu dritt għal-leġittima difiża. Li ma jistax isostni hu li massakru jiġġustifika massakru ieħor.)

Lejn fejn sejrin

5. Waqt li aħna spettaturi, ħafna drabi passivi, waqt li m’aħniex niġu nfurmati sewwa u nibqgħu maqsuma f’min jiġbed naħa u min oħra, hemm traġedja għaddejja. Kienet deċiżjoni f’postha tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Antonio Guterres li jinvoka parti mit-Trattat, l-artiklu 99, sabiex ikun hemm waqfien fl-attakk. Hemm pożizzjoni ċara li qiegħed jieħu quddiem sitwazzjoni li qegħda tikkumplika dejjem iktar ruħha. Id-dinja ma tistax tibqa’ wieqfa u ma tasalx f’pożizzjoni ċara quddiem dak li ġara u li għaddu għaddej fil-preżent. Għandu jkun hemm iktar sforzi ċari u sostnuti sabiex ikun hemm waqfien, kemm jista’ jkun malajr, mill-ġlied. Hemm diversi ostaġġi meħuda inġustament, li qed jiġu ssugrati f’dan it-taħwid li l-vjolenza ġġib magħha. Hemm il-futur ta’ ġenerazzjonijiet ta’ bnedmin li ser ikomplu jgħixu fir-riskji ta’ attakki oħra mdemmija. Jista’ ma tkunx il-Ħamas, għax tinqered, imma b’dak li hu għaddej jafu jitwieldu oħrajn.

F’dan il-mument storiku

6. Waqt li għada ngħaddu biex niċċelebraw Festa Nazzjonali, dik li tfakkarna li sirna Repubblika fit-13 ta’ Diċembru 1974, għandna nżommu quddiemna dan kollu. Pajjiżna għandu pożizzjoni unika fi ħdan il-Ġnus Magħquda u bħalissa iktar importanti. Pajjiżna m’għandux jieqaf milli jkompli jsostni l-pożizzjoni li ħa sa issa, li nibqgħu ninsistu sabiex jieqaf il-ġlied u b’hekk forsi nibdew il-proċess lejn il-paċi vera. Jekk is-Segretarju Ġenerali ddeċieda li waħdu għandu jikteb lill-Kunsill tas-Sigurtà fejn aħna preżenti membri, dan ifisser li qiegħed jara inqas ħeġġa minn oħrajn li jiċċaqilqu. Ninsistu għas-sewwa ta’ żewġ popli viċin tagħna u dawk li ma narawx xi futur sħiħ fil-Mediterran mingħajrhom. Għandna storja li tagħmlilna l-ġieħ f’dan li rridu nassiguraw li ma noqogħdux lura u nabbandunaw. Għalhekk aħna li aħna fid-dimensjoni partikolari u speċjali tagħna.

Meta fl-aħħar

7. Hemm sejħa li għandna nkomplu nwieġbu għaliha b’iktar intelliġenza u dożi qawwija ta’ diplomazija. Hemm sejħa li kapaċi nwieġbu għaliha. Meta t-trab li qed tqajjem id-distruzzjoni jieqaf u jinġabar id-dinja ddur lura fuq dawk li ħadu d-deċiżjonijiet it-tajba minn dawk li le. Fuq dawk li ħabirku għall-paċi u dawk li le. Nappoġġjaw aktar ħidmet Guterres. Proprju għalhekk li f’dawn il-jiem li fihom nifhmu u napprezzaw id-demokrazija, il-paċi u l-libertajiet li ngawdu għandna ninsistu. Ninsistu li l-partijiet għandhom jibdew il-ħidma għal ftehim fit-tul. Ninsistu proprju f’dan kollu li wasal il-mument li wieħed jieqaf minn dan il-massakru.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...