21.4.15

Telenovelas politiċi?



1.      Hawn fenomenu li kaxkar is-snin u s-sekli ta’ stejjer li ma jridux jispiċċaw.  It-telenoveli li spiss insibu fuq il-mezzi tax-xandir ma jonqsux, anzi l-kompetizzjoni hija soda bejn dawk li ilhom u dawk li għandhom qegħdin jitwieldu.  L-istorja tibda tinħema biċċa biċċa, taqbad it-triq ta’ dak li ma jridx jispiċċa.  Fejn konna mdorrija b’bidu u tmien, issa kibret iktar u iktar li bidujiet hemm ħafna u tmiem ma jridx jinqala’.  Fejn dak li jingħad u jitressaq, għalkemm tista’ wkoll taqtgħu minn qabel, xorta waħda jżomm uħud isegwu sabiex jaraw u jaqtgħu jekk dak li ħasbu jseħħx.  L-istorja tagħti l-impressjoni li qegħda timxi, biss it-taħliet bejn dak li għadda, dak li qed isir u dak li ġej huwa tant ordinarju fl-istraordinajru li l-ħsieb tal-bnedmin qiegħed jiġi kundizzjonat.

2.      Il-proċess loġiku tal-ħsieb, dak tal-mod ta’ kif wieħed jitkellem qiegħed isir iktar kumplikat u diffiċli biex tifhmu jew biex fuqu tieħu deċiżjoni.  Hawn ħafna li issa mit-telenovelas qed jibnu filosofija tal-ħajja u ta’ kif jaħsbu u jitkellmu.  Jekk ma tifhimx dan ma tistax tifhem diversi persuni fl-ambjenti kollha tal-ħajja.  Diġà għandek ħafna li jibdew ikellmuk b’mod li jippretendu li tifhem dak li ma jispjegawlekx.  Mhux biss dan, imma jaqilbu minn suġġett għall-ieħor u inti mistenni ssegwi u tifhem.  Sakemm dan isir fil-ħajja ta’ kuljum wieħed jifhem dan il-kundizzjonament.  Għax huwa punt, ippermettuli “ċentrali” tat-telenoveli li l-istorja tagħhom hija magħmula minn ħames jew sitt stejjer oħra, fejn fi ftit minuti trid taqbad it-truf tagħhom kollha.  Waħda qegħda tibda, oħra waslet fl-aqwa tagħha, oħra fi tmiemha, mentri dik li mietet issa reġgħet ħadet il-ħajja.  Biss meta dan jaqleb ukoll fil-politika, allura wieħed jimmeravilja ruħu.

3.         Proprju għax id-duttrina tat-telenoveli hija li jridu jkunu aċċessibbli għal kull persuna, dawk li jarawhom kull ġurnata u dawk li jidħlu darba, kif ukoll għax huma suppost ibbażati fuq linja li l-preżent ma jmurx kontra l-passat, ma jigdbux li hemm parallelliżmu qawwi bejn il-politika u t-telenoveli.  Ngħid dan għax ilni nara dan għaddej f’dawn l-aħħar xhur ta’ Gvern ġdid li qiegħed jagħmel proprju dak li l-antik ma kellux jagħmel.  Fejn ħarġu lura karattri, min minn passat politiku li ħafna kienu diġà nsew.  Fejn dak li ngħad li ma huwiex sejjer isir, qiegħed isir fid-dinja ta’ kull ġurnata.  Fejn dawk li kienu qed jagħmlu dmirhom tneħħew għal daħlu “maħbubin” ġodda li, fuq naħa jippretenduha u fuq l-oħra waqgħu għajnejn “qawwija” tal-protagonisti.  Anzi, aħjar, fejn dawk li jiddikjaraw li ma jaqblux ma’ ħaġa jagħmluha u dawk li jaqblu ma jagħmluhiex proprju għax qed jaqblu magħha.

4.         Il-labirint fil-loġika jwassal iktar u iktar sabiex il-politika tagħna tkompli ssir b’din l-istorja fejn il-protagonist/artist jispiċċa jista’ jagħmel li jrid u anzi jġib il-kunsens u l-approvazzjoni ta’ min qiegħed jarah.  Bħal ma għamilt, anqas issa ma jien ser nidħol fil-merti jew id-demerti tar-referendum li għadna kif għaddejna minnu.  Imma kienet veru tajba tara l-ewwel li dawk li ma kienux jaqblu jiddikjaraw għall-illoġika tagħna li ser jivvutaw favur proprju għax ma jaqblux; u t-tieni dawk li jaqblu jiddikjraw li ser jivvutaw il-kontra verament għax jaqblu.  Kellna l-Prim Ministru jgħid lil kulħadd li ser jivvota favur u proprju għax ried lil kull persuna tibqa’ fil-libertà assoluta tagħna li insista ma’ diversi li għandhom isegwu l-eżempju tiegħu u jivvutaw favur.  Mhux biss, imma kien kollu ftehim u ħlewwa qabel il-vot ma’ dawk li riedhom jivvutaw “iva” mentra sar kollu nar, pieni u tempesi preċiż wara r-riżultat.  Trid forsi tkun segwaċi akkanit tat-telenoveli biex tifhem dan.

5.      Dan huwa l-aktar li huwa reċenti però nafu b’affarijiet oħra li jressquna naħsbu iktar fuq dan is-suġġett verament interessanti.  Għax kellna dawk li jinsabu ħatja penalment u għax jinsabu hekk jiġu ppremjati.  Ta’ bnedmin li għax huma parti mill-istorja tat-telenovela jittrasformaw ruħhom fi rwoli ġodda.  Jitilqu bħala dawk li wettqu inġustizzja fil-konfronti ta’ oħrajn u minflok jiġu kkonsidrati li kienu huma dawk li sofrew inġustizzja.  Fuq l-istess linja, l-ministru li kien ilu għaddej jilgħab ma’ ħaġa u ma’ oħra, fejn storja ġdida tinħoloq u tidħol f’oħra, fejn tal-ewwel, tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ jikkumbattu għall-attenzjoni.  Daqqa waħda u daqqa oħra fejn kull min jara jibda jimmaġina li ntlaħaq il-massimu u minflok hemm ikun hemm dożi akbar.  Li jispiċċa jispiċċa u, proprju għax jispiċċa, jibdew jgħidu li ser jerġa’ jibda.  Fuq l-istil u l-prassi ta’ din it-telenovela, l-ispettaturi jindunaw li ser jiġri xi ħaġa ġdida proprju għax il-protagonisti jsiru dlonk suldati tal-azzar bis-siġill qawwi tal-mexxej.

6.      Inkella trid tkun verament fil-mitejn u wieħed u ħamsin puntata ta’ telenovela biex issib ruħek tara dawk li jidħlu għall-kuntratti li ma jidhrux, ta’ kawżi li jiġu ċeduti meta ma għandhomx, ta’ flejjes li jitħallsu fejn ma għandhomx jitħallsu, li wieħed jifhem iktar u iktar l-isfortuna ta’ dan il-kondizzjonament qawwi.  Ma’ kull jum jikbru aktar il-puntati u l-isfumaturi tagħhom bħala parti mill-proċess sħiħ tal-pjan telenovelistiku b’dawk li jsibu ruħhom konsulenti fuq dak li ma jifhmux jew li ma jiġux konsultati fuq dak li għandhom, imma proprju fuq il-kontra ta’ dak li għandhom.  Ta’ bnedmin li bħala parti sħiħa ta’ dan jiġu mqabbda bħala “persuni ta’ fiduċja” fuq kuntratti u ħatriet fejn ma hemmx kwistjoni ta’ fiduċja.  Hemm arti f’dawk li jibnu u jikkonċentraw li jkollhom telenovela għaddejja jum wara jeum, fejn il-puntati l-antiki jiġu mibdija mill-ġdid.  Biss, fil-politika dan ma huwiex f’postu.  Il-politika mibnija fuq  dan il-kunċett twassal biss sabiex dak li jidher li huwa magħluq jibda jiġi diskuss, fejn dak li suppost naslu fih nibqgħu għaddejjin lejh, fejn id-direzzjoni flok tkun ċara tispiċċa tieħdok f’tidwir li la jibda u lanqas jispiċċa.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...