7.4.15

ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-KODIĊI TA’ ORGANIZZAZZJONI U PROĊEDURA ĊIVILI - ABBOZZ NRU 73



ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Sur President, ħadt pjaċir nisma’ d-diskors tal-kollega tiegħi l-Onor. Francis Zammit Dimech fuq dan l-Abbozz ta’ Liġi għax verament jimmerita attenzjoni u nittama li l-Ministru li qiegħed hawn preżenti – fil-fatt ħaqqu tifħir li qiegħed hawn preżenti għal dan l-Abbozz ta’ Liġi li qed iressaq - jieħu l-kummenti li qed tagħmel din il-Kamra fi spirtu tajjeb u mhux fi spirtu negattiv. 

Nitlaq minn dan il-punt ta’ partenza, billi ngħid li meta wieħed jagħti dawn il-poteri ta’ eżekuzzjoni qawwija lill-organi tal-Istat, wieħed ma jkollux kontroll minn hawn ġew għal każijiet jew għar-raġunijiet li mbagħad l-uffiċjali tad-diparitment se jużaw fil-Qorti.  Il-Ministru jippermettili, għax bħal President ta’ din il-Kamra u l-Onor. Francis Zammit Dimech, jien ukoll ħdimt għal ħafna żmien fil-Qorti, u lkoll nafu li ċerti drabi dawn it-tip ta’ sistemi jafu jarrekaw dannu u inġustizzja lil ċerti nies li huma f’ċerti faxex u kategoriji tas-soċjetà li jsibu lilhom infushom f’ċirkostanzi fejn jew għax irċevew din l-ittra jew għal xi raġuni oħra, il-liġi tiġi applikata fuqhom mingħajr ma jkunu jistgħu jiddefendu ruħhom. 

Il-punt magħmul mill-Onor. Zammit Dimech huwa validu.  Hawnhekk għandek diġà numru ta’ liġijiet li huma għad-dispożizzjoni tad-diparitment, jiġifieri l-kapitlu 228 dwar l-iżgumbrament mill-artijiet kien sar fl-1972 u kien sar apposta biex wieħed isolvi dawn it-tip ta’ problemi.  Però, barra dan il-kapitlu 228, għadekk ukoll dispożizzjoni oħra li hemm fl-artiklu 167 tal-Kodiċi ta’ Proċedura li huwa marbut mal-kawżi tal-giljottina.  Il-kawżi tal-giljottina jistgħu jsiru kemm għal meta wieħed ikollu dejn ċert likwidu u dovut, kif ukoll meta jkollok każijiet li huma marbuta ma’ żgumbrament ta’ nies minn fondi urbani u rurali. 

Dan ifisser li diġà għandna għad-dispożizzjoni tagħna żewġ mekkaniżmi li, wieħed huwa ordinarju imma fil-Qorti huwa kkonsidrat bħala straordinarju meta tintuża l-giljottina, imbagħad hemm il-poteri qawwija li hemm fil-kapitlu 228.  Sakemm din il-liġi tidher li qed tirregola dak li hemm fil-kapitlu 228, żgur mhux forsi li wieħed jaqbel magħha, però l-mod kif inhi fformulata din il-liġi, minflok ma qed tiċċara s-sitwazzjoni, tidher li se tikkomplika s-sitwazzjoni ulterjorment.  Naħseb li l-ewwel ħaġa li rridu nifhmu huwa l-għan prinċipali għaliex qed issir din il-liġi.  Din il-liġi qed tiddaħħal b’mod tant miftuħ għal kwalunkwe tip ta’ każ, jiġifieri jekk xi ħadd għandu garage x’imkien fiż-Żejtun li huwa tal-Gvern, din il-liġi se tkun applikabbli għalih ukoll.  Jekk qed issir għax wieħed jara li għandna problema b’dawn it-tip ta’ każijiet, wieħed ikun jista’ jillimita ftit aħjar il-liġi nnifisha, però l-poteri li qed jingħataw hawnhekk huma tant qawwija li, wieħed jibża’ li meta jiġu applikati, minflok mhu se jkunu strument ta’ sewwa u ta’ ġustizzja, se jkunu strumenti ta’ inġustizjza. 

Din il-liġi hija magħmula b’mod fejn l-oneru tal-prova diġà nqaleb fuq min irid jiddefendi ruħu.  Jien li nirċievi l-ittra uffiċjali, irrid mill-ewwel niddefendi ruħi b’mod li nipprova lill-Qorti, jekk għandix titolu - din hija ħaġa normali - imma mbagħad irrid nipprova wkoll li jien ma ksirtx id-dispożizzjonijiet ta’ xi kuntratt li jien stajt iffirmajt mal-Gvern jew ma’ xi entità tal-Gvern u hawn fejn qed jinqalbu l-affarijiet. 

Naħseb li l-Ministru li, għandu esperjenza tal-Qorti, jirribella li n-nies f’dan il-pajiż isibu lilhom infushom f’pożizzjoni ta’ żvantaġġ fil-konfront ta’ xi awtorità tal-Istat.  Aħna rridu nipproteġu lil min qiegħed ’l isfel fis-soċjetà u lil min qiegħed f’pożizzjoni żvantaġġjata, għax jien nibża’ li b’din il-liġi se nkunu qed nagħtu wisq poteri li, fir-realtà, m’għandniex bżonnhom għax diġà jeżistu.  Forsi li hemm aħjar huwa l-fatt li l-Ministru abbraċċa l-mekkaniżmu tal-20 ġurnata għax din hija ħaġa tajba.  Niftakar li meta jien kont Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja, konna għamilna l-ittra uffiċjali eżekuttiva u kienu qamu l-irwiefen kollha.  Fortunatament din kienet ħadmet, - setgħet marret ħażin – u nirringrazzja lill-Bambin li ħadmet.  Ma nistax ngħid li ma kienx hemm sitwazzjoni li fiha din l-ittra eżekuttiva ħadmet perfettament f’kollox però, fil-maġġorparti, meta wieħed jikkonsidra li llum hemm madwar 30,000 ittra uffiċjali li ġew preżentati l-Qorti u allura ffrankajna madwar 30,000 kawża, naħseb li dik kienet miżura tajba. 

Meta wieħed jitkellem, pereżempju, fuq subartiklu (4) li jgħid: 

“F’każijiet ta’ xorti urġenti, il-Qorti tista’, wara li jsirilha rikors minn xi waħda mill-partijiet, tqassar kull żmien perentorju bħalma hu previst f’dan l-Artiklu bil-mezz ta’ digrit li jiġi notifikat lill-partijiet.” 

Ovvjament, min qed jiddefendi ruħu m’għandu ebda interess li l-kawża ssir u li l-proċedura ssir b’urġenza.  Dan huwa mekkaniżmu li se jingħata lill-Gvern li, mhux biss jagħmel din l-ittra uffiċjali imma li jagħmel speeding u jibgħat il-messaġġ li qed nirrumblaw fuq min qed jiddefendi ruħu.  Naħseb li bid-difetti kollha tas-sistema li għandna, jibqa’ l-fatt li bniedem dejjem irid jingħata l-opportunità biex jiddefendi ruħu.  Ma ninsewx li diġà għandna l-mekkaniżmu tal-giljottina tal-Artiklu 167.  F’Artiklu 167 għandek ġabra ta’ esperjenza li akkumulat u hemm ukoll bilanċ u difiża.  Issa forsi wieħed jista’ jgħidli li, dan huwa limitat għal postijiet rurali.  Jien ngħid li għandu raġun, għalhekk ngħid lill-Ministru biex jestendi dan l-Artiklu.  Dejjem se jkollok każijiet partikolari kif semma l-Onor. Zammit Dimech meta rrefera għal kapitlu 228.  Jekk taqbad Artiklu 3 - niftakar iċ-ċirkostanzi li fih sar dak l-Att partikkolari - għandek kważi l-istess raġunijiet li inti qed tiċċita fl-ewwel subaritklu ta’ dan l-Artiklu, jiġifieri li proprjetà jew art tkun okkupata minn persuna mingħajr titlu validu jew li tkun mogħtija skont it-termini tal-encroachment.  Żgur naqblu dwar dan kollu imma dawn huma l-istess każijiet li diġà għandek f’kapitlu 228.  Għalhekk l-ewwel mistoqsija li tiġi awtomatikament hija:  X’qed jaħdem ħażin dan il-kapitlu 228 li l-Gvern qed iħoss il-bżonn li jagħmel dan l-Abbozz ta’ Liġi?  It-tieni mistoqsija: Huwa posibbli li namalgamaw dan il-kapitlu 228 ma’ dan l-Abbozz ta’ liġi, biex forsi nnaqqsu ftit mid-doża ta’ kapitlu 228? 

Irrid nagħmel din il-premessa lill-Ministru li, illum, għalkemm għandek numru ta’ uffiċjali li jtellgħulek il-problemi li hawn u m’hawnx, imbagħad għandek għoqda ta’ kwestjoni ta’ kostituzzjonalità.  L-Onor. Zammit Dimech tkellem fuq il-kwestjoni tal-proporzjonalità.  Barra mill-proporzjonalità, għandek sitwazzjonijiet oħrajn li l-Qrati kostituzzjonali jistħgu jimirħu fihom.  Nibża’ li, bl-intenzjonijeit tajbin kollha li fiha din il-liġi, wieħed irid jifhem ftit aħjar, għal xiex qed nindirizzaw dan l-Abbozz ta’ Liġi.  Se jkun hemm sitwazzjonijiet fejn jitqajmu numru ta’ kwestjonijiet kostituzzjonali għax wieħed iħoss li hemm it-tendenza li wieħed jirrombla fuq il-parti l-oħra.  Naħseb li kulħadd jirvilla għal din is-sitwazzjoni.  Mhux qed ngħidu li l-każijiet li jimmeritaw żgumbrament, dan m’għandux iseħħ, imma l-mod ta’ kif inhu fformulat dan l-Abbozz ta’ Liġi, qed jagħti x’jifhem li qisu hemm xi kwestjoni li evolviet u li qed tħabbat lil dan id-dipartiment tal-artijiet jew xi dipartiment ieħor biex hemm bżonn ta’ dawn il-poteri daqshekk straordinarji li qabel ma kenux hemm.  Naħseb li, fuq ċerti każijiet, wieħed irid joqgħod ultra attent għax imbagħad il-każijiet l-oħra ordinarji, huma x’inhuma, bħal pereżempju, kirja ordinarja ta’ garage, kamra x’imkien, jew post li qiegħed jintuża għal raġuni partikolari u f’daqqa waħda tibgħat ittra uffiċjali, apparti l-komplikazzjonijiet tal-ittra uffiċjali.  Irrid ngħid ukoll li l-ittra ufiċjali m’għandhiex tikkostitwixxi sentenza tal-Qorti, imma titolu eżekuttiv.  Aħna l-avukati, fil-Qorti nagħmlu differenza bejn sentenza u tiltolu eżekkuttiv, mentri f’dan l-Abbozz ta’ Liġi qed naraw li din l-ittra uffiċċjali qed ikollha effett daqslikieku kienet ġudizzju ta’ Qorti kompetenti. 

Din hija liġi li, jekk hemm bżonnha, wieħed irid jagħmel ir-ring fencing għaliha u jqiegħda fil-kategorija partikolari tagħha, però, il-fatt li se tifniftħu din il-liġi b’mod daqshekk qawwi, jien nibża’ li se jintlaqat min mhux kapaċi jiddefendi ruħu jew min m’għandux ir-riżorsi biex jiddefendi ruħu.  Din hija l-aktar ħaġa li tinkwetani għax se jkollok nies li għandhom sitwazzjonijiet partikolari f’ħajjithom fejn isibu lilhom infushom mingħajr mezzi, jew inkella jsibu lilhom infushom f’pożizzjoni fejn ma weġbux għall-ittra uffiċjali u f’daqqa waħda l-ħajja tagħhom tikkollassa.  Jekk jippermettili l-Ministru, naħseb li l-warning li qed tingħata trid tkun ferm aktar ċara u spjegata.  Jekk immorru per anoloġija għal dak li konna għamilna fl-ittra uffiċjali eżekuttiva, hemm ċar dak li għandu jidħol bħala warning fil-parti ta’ quddiem tal-ittra uffiċjali li issa ġejja eżekuttiva. 

Hemm ukoll ċerti dispożizzjonijiet li jridu ftit aktar irfinatura u kjarezza.  Ngħid dan għax, meta taqbad subartikli (4), (5), (6) u (7) kif ukoll f’ċerti ċirkostanzi (8), għandek sitwazzjoni fejn il-konkatinaġ ta’ ħaġa għall-oħra mhuwiex ċar.  Hemm affarijiet li daħlu f’xulxin, pereżempju, subartikli (4) u (5) qishom qegħdin flimkien għar-rigward ta’ kwestjonijiet ta’ urġenza però, subartiklu (6) qisu qed jidħol f’ subartikli (4) u (5), meta subartiklu (6) m’għandu x’jaqsam xejn mal-kwestjoni tal-urġenza.  Għalhekk, hawnhekk qed tiġi kreata żona ta’ instabilità għax għandek sitwazzjonijiet ta’ nies li wirtu ċerti pożizzjonijiet u li qegħdin f’sitwazzjoni fejn għamlu ċerti ftehim ta’ allokazzjoni, sulakazzjoni u measurement agreemetns li issa se jkollhom kwestjoni ta’ interpretazzjoni, cjoe’ li wieħed jgħid li m’għandhom ebda titolu validu fil-Liġi, mentri fir-realtà, dawn għandhom titolu validu fil-Liġi.  F’din il-Liġi għandek problemi ta’ kostituzzjonalità, proporzjonalità u instabilità.  Naħseb li huwa tajjeb li nibagħtu messaġġ hemm barra li, min m’għandux titolu u min ma ħaqqux joqgħod x’imkien, għandu joħroġ ’il barra, imma din il-Liġi hija fformulata b’mod li l-Gvern se jkollu poteri wiesgħa wisq. 

Hawnhekk, jien ninkwieta ruħi.  F’każ li inti tibgħat ittra uffiċjali u xi ħadd iwieġeb għaliha u jgħid li, mhux veru li huwa m’għandux titolu u s-sitwazzjoni tieqaf hemm, jien m’għandix xi diffikultà partikolari anzi hija estenzjoni tajba li tista’ ssolvi numru ta’ każijiet.  Però mbagħad li inti telabora interjorment billi tibgħat ir-rikors, l-individwu jerġa’ jwieġeb għar-rikors, tiġi appuntata, imbagħad wieħed forsi ma jifhimx għax pereżempju, f’Artiklu 5 għandek:

“Il-Qorti għandha tiddeċiedi wara li tappunta r-rikors tas-smigħ ...”

Jiġifieri qed nifhem ir-rikors tas-smigħ għall-urġenza.

“... wara li tisma’ kull xhieda li jidhrilha xierqa u dan fl-iqsar żmien possibbli iżda mhux aktar tard minn erba’ xhur mill-ġurnata li l-partijiet ikunu ġew debitament notifikati.”

Jiġifieri każ ta’ urġenza huwa meta l-Qorti għandha tingħata erba’ xhur biex tiddeċiedi jekk hemmx urġenza jew le.  Jista’ jkun li kif issa dawn l-artikoli ġew fformolati, ma jorbtux ma’ xulxin, issa jekk l-5 ma jorbotx mal-4, jiġifieri l-artiklu li qed jitkellem fuq l-urġenza, allura wieħed irid jara s-sitwazzjoni ftit aktar fid-dettall.  Wieħed jifhem il-fatt li l-Qorti tiddeċiedi fuq jekk hemmx raġunijiet ta’ urġenza jew le, però jien tinkwetani l-kelma “sommarjament” għaliex qed tibgħat il-messaġġ li din qisha xi kawża tad-distrett li trid issir malajr.  Il-Ministru jaf li fil-Qorti, aktar ma tipprova tagħfas il-gass, aktar se ssib nies li jagħfsulek il-brake, u allura wieħed irid iħalli l-kawża li timxi bil-perkors normali tagħha u jekk hemm urġenza, il-Ministru jaf li jekk wieħed jagħmel talba għall-urġenza, - hi x’inhi l-kawża, pereżempju kawża fuq debitu - il-Qorti se tismagħha u se tiddeċiedi sommarjament, anzi ħafna drabi, il-Qorti tara r-rikors ta’ naħa, ir-risposta tan-naħa l-oħra u tagħti digriet kameralment.  Jiġifieri dan il-vantaġġ f’dan l-Abbozz qiegħed jiġi ulterjorment komplikat.  Għahekk naħseb li l-intenzjonijiet tajbin li jista’ jkunu xprunati, f’dan l-Abbozz ta’ Liġi qegħdin jikkumplikaw ruħhom fix-xejn. 

Issa anke Artiklu 6 jgħid li:

“Il-Qorti għandha tilqa’ r-rikors, kemm-il darba tkun sodisfatta wara li tisma’ l-ispjegazzjonijiet mogħtija lir-rikorrenti mingħajr il-preġudizzju għad-deċiżjoni finali li tingħata skont is-subartikolu 8, għandu difiża valida x’iqajjem kontra t-talba għal żgumbrament.” 

Jien naħseb li ladarba xi ħadd għandu difiża valida, allura l-proċedura trid issir b’kawża normali bħalma jsir illum.  Jiġifieri jien li ħadt proprjetà tal-Gvern qiegħed fi żvantaġġ meta jien nkun ħadt proprjetà mingħand il-privat.  Il-kontra, min hu proprjetarju fil-privat għandu żvantaġġ li l-Gvern bħala proprjetarju pubbliku m’għandux.  Naħseb li mhijiex l-intenzjoni ta’ din il-Liġi li jinħolqu dawn l-iżbilanċi, però sfortunatament din il-liġi qegħda tikkrea dawn l-iżbilanċi u tikkomplikahom ulterjorment. 

Hemm ukoll komplikazzjonijiet ulterjuri kif elabora l-Onor. Zammit Dimech għar-rigward tal-Artiklu 468 A, li jirrigwarda l-kwestjoni tal-garanzija.  Fl-opinjoni tiegħi, il-kwestjoni tal-garanzija hija wkoll żejda.  Qed ngħid dan għax kulħadd jaf li, fil-Qorti nistgħu noħorġu mandat ta’ sekwestru, ngħidu li se jiġi arrekat id-dannu, ngħidu li inti se titlef il-kirjiet jew li diġà tlift il-kirjiet jew li inti qed tokkupa l-post meta mhux suppost tokkupah u allura hemm dannu x’jiġi likwidat kif fil-fatt l-istess Artiklu 167 - dak tal-giljottina - jgħid : 

“For the eviction of any person from any urban or rural tenement with or without a claim for ground rent or any other consideration due by way of damages for any compensation up to the date of the surrender of the tenant.” 

Dan ifisser li llum kulħadd jista’ jagħmel mandat ta’ żgumbrament, allura m’hemmx għalfejn indaħħlu l-kwestjoni tal-garanzija.  Il-garanzija, f’daqqa waħda, qisha saret garanzija bankarja.  Hawnhekk qed nżidu t-tul li, fl-opinjoni tiegħi, huwa żejjed għax m’hemmx bżonn ta’ din il-garanzija, li qed tgħid:

“F’każ li jiġi impost l-għoti tal-garanzija, din għandha tibqa’ sseħħ sa xahar wara l-azzjoni tal-Kummissarju tal-Artijiet tinqatà b’mod definittiv.” 

Hawn qegħdin ngħidu li mela noħroġlok garanzija bankarja li inti diġà qed timponi f’xahar żmien wara l-res judicata, meta din tista’ ssir b’mod differenti u meta għandek il-vantaġġ ta’ mandat ta’ sekwestru li fih, kif inhi s-sistema sal-lum, il-flus jiġu ddepożitati ġor-reġistru tal-Qorti u allura wieħed ikollu moħħu mistrieħ.  Issa jien nibda’ ninkwieta ruħi meta nara dawn l-affarijiet.  Jien għamilt diversi emendi f’dan il-Parlament, permezz ta’ diversi liġijiet u nibda ninkwieta li hawnhekk minflok ma qed nagħmlu xi ħaġa għas-sewwa – anke jekk nagħti l-kredtu lill-Ministru li qed jipprova jagħmel dan - qed immorru travers; kif jgħidu l-Ingliżi: the road to hell is paid with good intentions.  Hawnhekk qisu għandek pazjent li għandu bżonn jieħu aspirina għar-riħ u minflok, qed tagħmel liġi li tista’ tibgħat lill-pazjent l-isptar biex jieħu t-trattament sħiħ ta’ antibiotics bid-drip u bl-affarijiet l-oħra kollha.  Naħseb li, il-bomba li qed tinxteħet permezz ta’ dan l-Abbozz ta’ liġi hija kbira wisq għax il-poteri li qed jingħataw huma kbar wisq. 

Jien qed nibża li, fl-aħħar tal-ġurnata, din il-Liġi se tkun strument ta’ inġustizzja, aktar milli strument ta’ ġustizzja.  Illum il-poter mogħti lill-Gvern f’soċjetà demokratika jrid jingħata b’attenzjoni kbira.  Meta kont Ministru, nista’ ngħid li kelli pressjoni - mhux fuq din partikolari - għal poteri oħrajn li jien dejjem irreżistejt għax ħarist lejn l-effett ta’ inġustizzja soċjali li l-poteri li jingħataw lil ċerti organi tal-Istat, jipproduċu fl-aħħar tal-ġurnata.  Fuq din il-kwestjoni, il-Gvern mhuwiex ikun sensittiv biżżejjed għal dak li kull ċittadin komuni jista’ jsib lilu nnifsu fih.  L-ewwel nett, Allaħares niġu fi stat fejn il-Gvern jgħid li huwa għandu traġedja fid-Dipartiment tal-Artijiet għax ma jistax jieħu ħsieb il-każijiet ta’ nies li qed jokkupawlu postijiet mingħajr titolu validu fil-liġi.  It-tieni nett, allaħares ukoll li l-Gvern għandu xi problema ma’ min tah proprjetà on encroachment terms.  Allaħares l-Istat Malti wasal f’din is-sitwazzjoni li biex joqtol nemusa għandu bżonn bomba atomika.  Fl-aħħar tal-ġurnata, hawn qed nitkellem bħala rappreżentant tal-poplu imma wkoll fil-vesti ta’ persuna li nsib lili nnifsi niddefendi lil diversi nies il-Qorti minn sitwazzjonijiet fejn isiru kawżi kontra tagħhom, anke permezz ta’ ittra uffiċjali u għandhom diffikultà biex jiddefenfu lilhom infushom.  L-Istat għandu jkollu poteri, però l-Istat ma jistax jirrombla minn fuq iċ-ċittadin.  Fl-opinjoni tiegħi, din il-liġi għandha riskju kbir li tkun bieb miftuħ għal dawn it-tip ta’ affarijiet.  Ngħidu x’ngħidu, illum il-poter qiegħed hemm, aħna nagħtuh lin-nies u n-nies, għax qed nagħtuhom dan il-poter, ħafna drabi, ma jeħdux il-konsiderazzjonijiet li nieħdu aħna meta nkunu qed namministraw il-poter imma kulħadd jaqbad u jużah kif irid.  

Jien ma rridtx naħseb li hemm xi każ partikolari li qed iħabbat tant lill-Gvern li l-Gvern irid jaqbad u jġib dawn il-poteri biex ikun jista’ jkaxkar kollox.  Naħseb li l-Gvern irid iżomm saqajh mal-art għax fl-aħħar tal-ġurnata, nistgħu nsibu li dawn it-tip ta’ każijiet se jikkreaw effetti li jkunu irrimedjabbli u li jkissru u jfarrku l-ħajja tan-nies, speċjalment ta’ dawk li qegħdin ’l isfel fis-soċjetà Maltija.  Naħseb li din hija xi ħaġa li lkoll kemm aħna għandna noqogħdu attenti għaliha.  Żgur mhux forsi li fl-istadju ta’ Kumitat, wieħed irid jara kif jittempra aħjar din il-Liġi għax l-effetti tat-tħaddim tagħha mhux se jkunu faċli għan-nies ta’ pajjiżna.  Qed ngħid dan speċjalment meta l-Gvern qiegħed jintroduċi dan l-Abbozz apparti dak li diġà hemm fil-kapitolu tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni Ċivili għar-rigward kawżi ta’ giljottina u kapitolu 228.  Issa ladarba l-Gvern ħalla f’idejh l-libertà tal-kapitlu 228, li hu kawża ta’ giljottina, naħseb li l-povru ċittadin għandu d-dritt li jkun jaf x’inhi l-proċedura li qiegħed jiddefendi ruħu minnha.  Nsibu li ħafna nies ikollhom ċerti diffikultajiet meta jirċievu ċerti atti tal-Istat li ma jiddefendux lilhom infushom biżżejjed fuqhom, imbagħad ikun hemm il-konsegwenzi tagħhom.  Naħseb li żgur mhux forsi, iż-żewġ naħat tal-Kamra m’għandniex l-intenzjoni li nagħmlu ħsara lin-nies b’dawn it-tip ta’ każijiet.  Il-Liġi kif inhi titwieled minn xi ħaġa tajba fejn qed tgħid li, il-Gvern f’kapitlu 228 għandu l-poter jaqbad u jagħmel ħafna affarijiet, imma issa dan l-Abbozz qed jgħid li se jagħti 20 ġurnata lill-individwu biex iwieġeb bħalma jiġri fl-ittra uffiċjali jew eżekuttiva normali u anke l-ittri uffiċjali li l-Gvern jibgħat biex oriġinarjament jiġbor id-debiti.  Però mbagħad naħseb li ħadd ma jrid il-komplikazzjonijiet li joħorġu minn dan l-Att.  Finalment din hija prorogattiva tal-Gvern x’jagħmel u ma jagħmilx, biss nibża li jekk kemm-il darba tgħaddi din il-Liġi, l-effett tagħha se jkun iebes fuq iċ-ċittadin komuni speċjalment fuq dak iċ-ċittadin li m’għandux ħafna riżorsi finanzjarji biex jiddefendi lilu nnifsu.  Għalhekk nappella lill-Kamra biex fi stadju ta’ Kumitat, isiru numru ta’ emendi biex jikkontrollaw dawn il-poteri li, fl-opinjoni tiegħi, huma qawwija ħafna.  Li kieku dan l-Abbozz tal-Liġi qiegħed isir mingħajr kapitlu 228, forsi wieħed jifhem l-introduzzjoni tiegħu, imma bil-preżenza diġà tal-kapitlu 228, wieħed ma jistax jgħid li din hija Liġi bilanċjata, li hija neċessarja jew li qegħda finalment tipproteġi liċ-ċittadin onest fl-affarijiet tiegħu.  Nirringrazzjak.


                        

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...