14.4.15

Sentejn f’għajnejn il-ħniena



1.      Għaddew diġà sentejn minn meta d-dinja kattolika bdiet tgħaddi minn proċess ta’ bidla qawwija.  It-terrimot beda bl-aħbar li l-Papa Benedittu XVI kien qiegħed jirriżenja l-pożizzjoni.  Diversi kienu dawk li tħassbu b’dak l-att volontarju uniku.  X’kien ser iġib dan iċ-ċaqliq li ma konniex imdorrijin bih, salv li nistennew il-bida meta jkun hemm is-sejħa lura f’idejn il-Ħallieq tagħna lkoll.  Diġà konna għaddejna mill-esperjenza ta’ Ġwann Pawlu t-Tieni.  Il-Pollakk enerġetiku, rivoluzzjonarju, dinamiku kien issielet sal-aħħar snin ta’ ħajtu mingħajr il-forza fiżika li konna mdorrijin bih.  Għadda minn dak li għadda u l-Knisja Kattolika kienet il-ħin kollu miegħu.  Miegħu fit-tamiet u x-xewqat ta’ proċess li jkompli jibdel u jċaqlaq ‘il quddiem ‘l-insara.  Forsi din l-esperjenza sħiħa mexxiet lil Benedittu biex jaqbad it-triq li qabad.

2.      Hu x’inhu l-bniedem, bil-limitazzjonijiet tiegħu, jista’ jressaq raġuni jew oħra.  Biss, ilkoll nafu li xejn ma jiġri ta’ xejn fil-ħajja tagħna u tal-komunità li ngħixu fiha.  Diffiċli li naċċettaq dan aħna li llum imdawrin b’kultura li taħseb li tista’ tikkontrolla l-preżent u l-futur.  Biss, min jaħseb u jirrifletti fuq dak li għadda f’ħajtu jagħraf li hemm forza tajba, ta’ sewwa li tmexxina ‘l quddiem.  L-intelliġenza tagħna ma tistax titqabbel ma’ din il-forza qawwija.  Sentejn ilu ma fhimniex.  Stajna biss naċċettaw u nemmnu.  Illum qed naraw il-bidu, ir-riżultati ta’ dik id-deċiżjoni.  Bejn Franġisku u Benedittu ma kienx hemm, u anqas hemm, kwistjonijiet, rivalità.  Hemm biss kontinwazzjoni vera.  Dak li sar minn wieħed jitkompla, jiġi ssudat u jippermetti li jinbnew parti u kapitoli ġodda.

3.      Il-Papa Jorge Mario Bergoglio f’sentejn għamel diġà l-marka tiegħu.  Dan fuq numru ta’ livelli.  Il-Knisja qabdet b’iktar forza u enerġija l-vokazzjoni tagħha favur dawk li huma minn taħt.  L-ordnijiet tiegħu kienu ċari: iktar attenzjoni għall-opri tal-ħniena, iktar ftuħ għal dawk li jiddikjaraw ruħhom atei, kif ukoll ir-reliġjonijiet l-oħra.  Dan il-papat, f’ħafna sens u sustanza dar biex imur lura lejn dak li l-ewwel Papa San Pietru kellu fl-aġenda tiegħu.  Il-fqar, it-tfal, dawk li romlu issa daħlu lura b’iktar saħħa milli kien hemm qabel.  Ħadu post kwistjonijiet oħra li kienu qed jokkupaw il-moħħ u l-linja ta’ kuljum ta’ wħud fil-Knisja.  Il-kwistjoni ta’ persuni fl-ordnijiet sagri li ġiebu ruħhom kif qatt ma kellhom ma’ tfal kienet saret ossessjoni.  Battalja ta’ kull ġurnata, fejn it-tajjeb li l-Knisja Kattolika għamlet u għadna twettaq kien qiegħed jintilef u jindifen.

4.      Għażel l-isem “Franġisku” intenzjonalment.  F’dak waħdu hemm programm ta’ ħidma.  Diversi marru lura fis-sekli biex jiftakru f’Papa ieħor li f’ħolma kien ra lill-fqajjar ta’ Assisi jżomm lill-Knisja Kattolika f’idejh.  Il-bidliet franġiskani ta’ dak iż-żmien għadhom magħna.  Għad għandna l-eżempju ta’ bniedem li għex verament il-kliem tal-Vanġelu.  Dan l-Arġentin jaf xi jrid u qednaraw dak li huwa determinat li jwettaq.  Sejħa għall-għeruq veru tagħna li aħna nippruvaw kull ġurnata nkunu parti minn din l-istorja u ħidma.  Parti minn proċess li qiegħed iktar u iktar iwieġeb għar-realtà li żviluppat.  L-Ewropa bil-ħmerijiet tagħha, bl-affluwenza li għandha, bis-suppervja u bin-nuqqas ta’ umiltà li ħarġet milli tibqa’ ċ-ċentru ta’ dak li kienet tirrappreżenta qabel għall-Knisja Kattolika.  L-importanza u s-saħħa tagħha sejrin lejn żoni mondjali ġodda.  L-Afrika, l-Amerika ta’ Isfel u ta’ Fuq, l-Indja, il-Korea ta’ Isfel u issa iktar u iktar lejn iċ-Ċina qed jibdlu dak li qabel ma konniex naċċettaw.

5.      Il-Knisja Kattolika bdiet proċess li fih il-Papa huwa l-ewwel li jagħti l-eżempju.  Qata’ ħafna mill-ispejjeż li soltu kienu jintefqu fuqu.  Ħa ħsieb li jara li iktar ħidma u riżorsi jmorru direttament lejn dawk li għandhom bżonn.  Kull pass huwa importanti għalih.  Kull wieħed huwa magħmul bi ħsieb.  Dawk li ma għandhomx, dawk li qegħdin fit-toroq, dawk li jħossuhom emarġinati, dawk li ma jsibux solidarjetà, imħabba jew ħniena fis-soċjetà individwalista sabuh.  Sabuh lest li mhux biss jitkellem iżda fuq kollox jaġixxi għalihom.  F’dinja fejn il-kapitaliżmu qiegħed jerġa’ jiġi adurat fuq l-artali tal-allat foloz, kliem Franġisku huma sejħa kostanti għas-sewwa u għall-ġustizzja soċjali.  Ma tgħaddix ġurnata li ma nirċevux messaġġ qsajjar qsajjar fuq il-famuż Twitter li jsejjaħ lilna lkoll naħsbu.  Sustanza, veloċi, teknoloġikament avvanzata u kapaċi tbiddel.  Ebda kelma li toħroġ ma taqa’ fuq widnejn torox jew li ma tkunx xprun ta’ frott.

6.      Il-Knisja f’pajjiżna hija wkoll għaddiet, fuq skala differenti iżda importanti, minn proċess ta’ bidla franġiskana.  Il-ġenerożità tal-Isqof Pawlu Cremona, li fetaħ it-triq għall-issa Charles Scicluna turi li qed niġu effettwati wkoll.  Fi Knisja li qegħda toħroġ iktar idejha biex issejjaħ iktar kardinali minn truf id-dinja, bħal ma rajna l-ewwel Malti u reċentement wieħed mill-art il-bgħid ta’ Tonga, aħna wkoll qed immissu ma’ din il-bidla.  Franġisku qiegħed iċaqlaq mill-ġdid kleru li serva u għadu jservi.  Kleru Malti u Għawdxi li huwa żgur mutur qawwi ta’ għerf u bidla li qiegħed jirċievi mill-ġdid sejħa għal iktar azzjoni.  Kull bniedem f’din il-Knisja Kattolika huwa  msejjaħ sabiex ikun parteċipant attiv ta’ proċess li jibqa’ jibdel dak li ħaqqu lejn is-sewwa.  Jingħad x’jingħad kontra tagħha, il-Knisja Kattolika tibqa’ forza li tibdel is-soċjetà għas-sewwa, li tibdel is-soċjetà billi tassigura li tkun dejjem iktar vuċi għall-ġustizzja u l-ħniena.  Miserandu atque eligendo huma l-kliem li għażel fl-arma tiegħu, u hekk aħna ilna sentejn f’għajnejn il-ħniena magħżula.






No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...