7.4.15

Aggornament- Mibki Onor. Michael Refalo- Medjazzjoni

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI: Nirringrazzjak. Sur President, xtaqt nibda dan l-aġġornament billi nikkommemora l-memorja tal-Ex Ministru Michael Refalo.

L-Ex Ministru Michael Refalo kien bniedem affabbli mill-aħjar; bniedem li għamel ħafna xogħol u ddedika ħafna mill-ħin tiegħu lil dan il-Parlament.  Għamel 28 sena jservi lill-poplu, 28 sena li jiġi hawn f’dan il-Parlament jistaqsi l-mistoqsijiet parlamentari, jagħmel l-interventi tiegħu u jagħmel diversi diskorsi interessanti.  Kien bniedem li jaf l-affarijiet tiegħu, bniedem onest, ħawtiel u bniedem li ħalla ħafna wirt lil pajjiżna.  Lill-mibki Michael Refalo niftakru jaħdem il-qorti.  Niftakru bħala avukat idur il-kurituri bit-toga. Niftakru jdur ma’ nies ta’ kwalitajiet differenti. Għalkemm hu kien jitla’ mid-disa’ u l-għaxar distrett, kellu għal qalbu nies ġejjin minn liema area ġejjin tas-soċjetà. Kien bniedem li kellu għall-qalbu dawk li huma batuti daqskemm ieħor dawk li kienu iktar fakultużi. Kien jaqbeż għal dawk li ħaqqhom li huwa jagħtihom is-servizz tiegħu. Kien jagħmilha bl-iktar mod onest u bl-iktar b’mod b’saħħtu, dejjem konvint li l-klient tiegħu huwa l-persuni li f’dik il-kwestjoni għandu raġun biex ibigħ.

Kien bniedem eżemplari u kellu ħafna għall-qabu dak li kien qed jagħmel.  Minkejja ż-żmien li kien qatta’ hawn ġew, qatt ma naqas mill-entjużażmu politiku u mill-entjużjażmu biex ibiddel l-affarijiet.  Jien niftakru hawnhekk speċjalment fil-leġislatura bejn l-1998 u l-2003, li fiha huwa okkupa l-kariga ta’ ministru għat-turiżmu u niftakar il-viżjoni ċara li huwa kellu fis-settur tat-turiżmu. Niftakru jitkellem, speċjalment meta kont nokkupa s-siġġu ta’ chairman of committees, waqt id-diskors tal-baġit.  Hu kien iwieġeb għall-kritika li kienet issirlu minn dak iż-żmien shadow minister Karmenu Vella. Kien iwieġbu punt punt, jispjega punt punt dak li qed jagħmel u kien jindika b’mod ċar li huwa kien jaf x’qiegħed jagħmel. Kellu viżjoni u kien kuljum kien jieħu ħsieb li jqiegħed il-pedament neċessarju biex f’pajjiżna jiżdied it-turiżmu, però jiżdied it-turiżmu ta’ kwalità. Fost id-dibattiti li ħa sehem fihom kien hawn dawk marbuta mat-twaqqif tal-Awtorità dwar it-Turiżmu. Il-Liġi dwar l-Awtorità kien ippilotaha hu, kien ġabha fis-seħħ, kien ħaddimha u permezz tagħha assigura li dan is-settur, li sar vitali u determinanti għall-pajjiż tagħna, ikun wieħed minn dawk li jibqa’ jrendi u jagħti lil pajjiżna.

Kien hu li mexa fl-istrateġija li jgħolli ‘l fuq il-livell tad-diversi hotels u stabilimenti li għandna f’pajjiżna. Meta kont tisimgħu jitkellem fil-bidu meta kien għadu segretarju parlamentari kont tgħid: Dan jaf x’inhuwa jgħid? Illum il-ġurnata, meta nduru mal-pajjiż u naraw il-kwantità kbira ta’ hotels li għandna four u five star, irridu nagħtu mertu lill-Onor. Michael Refalo. Kien hu li kellu ħarsa fit-tul lejn dak li hemm bżonn, lejn is-servizz li hemm bżonn, lejn dak li qed joffri ħaddieħor biex naraw  dak li aħna għandna bżonn noffru biex nibnu niċċa li permezz tagħha tibqa’ tħabbat il-qalb tal-pajjiż.

Għalkemm wieħed jaqra fil-gazzetti dwar diversi politiċi tal-lum li jiftaħru fuq l-istastika li hawn illum, wieħed ma jistax ma jgħidx li jekk irid ikun ġust irid ukoll jagħti mertu għall-viżjoni tiegħu. Jien illum ngħid li r-rankatura li huwa ta baqgħet hemmhekk u għadha hemmhekk sal-ġurnata tal-lum. Jekk naraw l-affarijiet sewwa, inqisu żgur li diversi mill-affarijiet li huwa għamel, ħaddieħor bena fuqhom u ma żarmahomx.  Kull ministru tat-turiżmu li ġie wara Michael Refalo sab l-affarijiet f’posthom. Mhux biss, imma sab l-affarijiet f’pożizzjoni li jista’ jkompli jtella’ sulari oħra fis-settur tat-turiżmu u m’għandu bżonn li jħott xejn minn dak li huwa bena.

Illum ħassejt li għandi nibda billi nikkommera lill-Onor. Michael Refalo proprju għax waħda mill-affarijiet li ftit jissemmew dwaru, però li jiena tajtu diġà kredtu u nħoss illum li għandi nkompli nagħtih kredtu quddiem dan il-Parlament, huwa fejn għandu x’jaqsam is-settur legali. Michael Refalo kien għamel perijodu qasir bħala Ministru tal-Ġustizzja. F’dak il-perijodu qasir għamel żewġ passi importanti. L-ewwel kellu fuq ħoġru l-Abbozz ta’ Liġi Nru 25 tal-1994, li kien ġie pilotat oriġinarjament mill-Ministru Joe Fenech li kien hu Ministru tal-Ġustizzja. Fit-tibdil tad-dekasteri l-ġustizzja misset lil Michael Refalo li kellu l-obbligu, d-diffikultajiet u d-dmir li dawk id-diversi miżuri li saru jitqiegħdu fis-seħħ. Imbagħad ħareġ pass verament importanti fejn witta t-triq biex wieħed jibda jaħdem fuq dak li aħna nsejħu bħala alternative dispute resolutions. L-alternative dispute resolutions huma bażikament ta’ żewġ kwalitajiet, l-ewwel l-arbitraġġ u t-tieni l-medjazzjoni.  Michael Refalo kien il-bniedem li ddeċieda li wasal il-mument li jibdel is-sistema li aħna kellna fuq l-arbitraġġi.  Preċedentament l-arbitraġġi kienu parti mill-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.  Kien hemm ftit artikli.  L-arbitraġġ ftit kien jiġi utilizzat u ftit kien jiġi implimentat.  Michael Refalo kellu l-viżjoni li jwaqqaf  ċentru tal-arbitraġġ f’Malta għax ħass li ma kellhiex tibqa’ iktar parti mill-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.  Din kienet parti importanti u parti li mmarkatu u tibqa’ timmarkah bħala l-persuna responsabbli f’din it-triq għax għalkemm l-Onor. Joe Fenech, il-Ministru preċedenti, għamel kwantità kbira ta’ emendi lill-Kodiċi li kienu ilhom biex isiru żmien u huwa kellu l-kuraġġ li jagħmilhom, però din l-emenda fuq l-arbitraġġ kien Michael Refalo nnifsu li daħal għaliha. Jien, li okkupajt il-kariga fis-settur tal-ġustizzja bħala segretarju parlamentari u ministru, kelli wkoll ix-xorti li naqra l-file dipartimentali li fih kien hemm il-proċess sħiħ li Michael Refalo daħal għalih biex idaħħal f’pajjiżna dan iċ-ċentru ta’ arbitraġġ.  Dan il-pass immarkana bħala parti mill-pajjiżi l-iktar żviluppati fl-Ewropa biex ikollna sistema legali u ġudizzjarja li hija ferm iktar avvanzata minn ta’ pajjiżi oħra.  Bl-Att II tal-1996 Michael Refalo, f’dan il-Parlament beda u għadda liġi li permezz tagħha bena qafas ta’ abitraġġ li ma kienx marbut sempliċement mal-arbitraġġi ta’ kawżi domestiċi, ta’ każijiet li jqumu l-qorti u flok ma wieħed jagħmel kawża jagħmel arbitraġġ.  Huwa bena qafas fil-liġi li l-ewwel kien hemm dak li huwa sejjaħ domestic arbitration, imbagħad l-international commercial arbitration.  Mhux biss għamel dawn il-passi, mhux biss għamel iċ-ċentru tal-arbitraġġ, pero’ kien fiha biċċa xogħol ukoll biex fil-pajjiż tagħna jsiru l-ewwel passi li permezz tagħhom aħna bħala avukati li nipprattikaw il-liġi naċċettaw li jkun hemm dan il-post separat mill-qorti li fih wieħed ikun jista’ jmur biex jiġu deċiżi kwestjonijiet bejn iċ-ċittadini.

Kull min jokkupa l-kariga ta’ ministru tal-ġustizzja jaf li l-ikbar diffikultà li kull riforma u tibdila hija l-kultura legali. Id-diffikultà biex iċċaqlaq ‘il quddiem il-kultura legali hija kbira ħafna. Michael Rafalo, b’intelliġenza kbira – u għal min jinteressah jista’ jaqra d-dibattitu li saru hawnhekk bejnu u bejn dak iż-żmien il-Kap tal-Oppożizzjoni Karmenu Mifsud Bonnici, fejn it-tnejn li huma kkolaboraw biex din timxi ‘l quddiem -  fl-istess liġi ħa ħsieb li mhux biss jibni s-settur internazzjonali billi sempliċement isemmih jew jagħmel qafas tiegħu, imma wkoll ħa ħsieb li fid-diversi skedi li hemm annessi mal-Att idaħħal dak li aħna nsejħu l-UNCITRAL model law. Hu daħħal ukoll il-protocol on arbitration causes ta’ Geneva  u l-Convention on the Recognition and Enforcement of Foreign Arbitral Awards. 

Bena wkoll qafas ġdid li fih fetaħ beraħ dan il-post. Proprju din il-ħidma lili ppermettietli li meta nsir segretarju parlamentari fl-2003, indaħħal biċċa importanti. Il-ħsieb oriġinali taċ-ċentru kien li jkun post alternattiv, però l-viżjoni kienet li wieħed jipprova jġib arbitraġġ internazzjonali.  L-affarijiet ma baqgħux f’idejn Michael Refalo; u daħal ħaddieħor għalihom, però din il-parti, kemm taħt l-amministrazzjoni Laburista ta’ bejn l-1996 u l-1998, kif ukoll sussegwentament bejn l-1998 u l-2003 ma ħadmitx.  Allura fl-2003 ħadt id-deċiżjoni, fuq id-dibattiti li kien hemm bejn Karmenu Mifsud Bonnici u Michael Refalo, li mmorru għal dak li jissejjaħ bħala arbitraġġ mandatorju, fejn taqbad setturi min-natura tal-kawżi li jmorru l-qorti, u tibagħathom direttament fiċ-ċentru. Ovvjament oriġinarjament ma tantx kienet niżlet tajjeb ħafna anzi, wieħed irid jgħid li kienet waħda mill-iktar affarijiet li kien hemm resistenza għaliha inkluż b’kawżi kostituzzjonali konfliġġenti. Finalment illum però, wieħed irid jgħid li l-arbitraġġ mandatarju li daħħalna f’numru ta’ setturi marbuta prinċiparjament ma’ inċidenti tat-traffiku fejn bniedem ma jweġġax u jkun hemm ċertu capping fid-danni, għamlet il-ġid. Illum il-ġurnata, mill-2004 sal-lum, f’għaxar snin daħlu madwar 4,200 arbitraġġ.  Dawn l-4,200 arbitraġġ ħolqu xogħol ġdid u solvew problemi ġodda, għax il-maġġoranza tal-arbitraġġi jinqatgħu malajr u hemm diversi nies li l-kwestjonijiet tagħhom inqatgħu iktar malajr bi prezzijiet u spejjeż inqas.  Hawn Malta għandna għall-ewwel darba ċentru tal-arbitraġġ b’saħħtu li jiffunzjona, bi staff li jaf l-affarijiet tiegħu u chairman li jaf l-affarijiet tiegħu. Mhux biss, imma bix-xogħol li għamilna, illum nistgħu ngħidu li daħlu wkoll mal-25 arbitraġġ ta’ natura internazzjonali. L-arbitraġġi huma determinanti f’pajjiżna, huma importanti, u illum qed nitkellem biex l-ewwel nagħti meritu għal din il-viżjoni li kellu Michael Refalo u nirrikonoxxi dak li għamel u fl-istess ħin ukoll biex infakkar li mill-2004 sallum għaddew għaxar snin ta’ ħidma tajba, għaddew għaxar snin li fiha rnexxielna noħolqu niċċa ġdida għall-avukati biex jaħdmu fiha.

L-alternative dispute resolutions mhumiex biss marbuta mal-arbitraġġ. Waħda mill-ittri li kien irċieva l-imsemmi, Alla jagħtih il-ġenna, Michael Refalo, kienet ta’ kostitwent tiegħi li qallu li kif kien qed idaħħal l-arbitraġġ, jitħajjar ukoll biex jagħmel ċentru ta’ medjazzjoni. Hemm qisu nota li hija tajba, hija proposta tajba, però l-ewwel nagħmlu ċentru tal-arbitraġġ, imbagħad immorru għal ċentru ta’ medjazzjoni. Fl-2004 kont sibt diġà l-qafas lest allura fl-2004 daħħalna wkoll fis-seħħ liġi ta’ medjazzjoni.  Irrid ngħid li bl-Att 16 tal-2004, fil-21 ta’ Diċembru 2004, daħħalna ċ-ċentru tal-medjazzjoni. Pajjiżna b’hekk ġie in line ma’ pajjiżi iktar avvanzati minn tagħna biex joffri l-alternative dispute resolution. Il-medjazzjoni huwa kamp li bħall-arbitraġġ, għad għandu fejn jespandi u għad għandu fejn jikber. Żviluppa ħafna fil-Qorti tal-Familja. Fil-Qorti tal-Familja kien hemm reżistenza fil-bidu, però llum il-ġurnata nirrikonoxxi li l-ħidma li qed issir mill-medjaturi hija imprezzabbli.  Illum il-ġurnata, li għandi x-xorti li mort lura naħdem il-qorti u li għandi x-xorti wkoll nidher f’seduti ta’ medjazzjoni, irrid nirrikonoxxi li s-sistema ħadmet,  ħadmet tajjeb u qiegħda taħdem tajjeb. Hemm kwantità kbira ta’ nies, ta’ koppji quddiem dan iċ-ċentru   fuq raġunijiet varji . Fil-fatt hemm madwar 25,000 każ li mar fiċ-ċentru tal-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja, li permezz tiegħu koppji kellhom l-opportunità li jew jirrikonċiljaw jew inkella li jaslu li jinnegozzjaw ftehim, li kull naħa tifhem x’inhija tagħmel meta qiegħda tiftiehem.  Anzi rrid ukoll nesprimi s-sorpriża tiegħi li tant il-medjaturi huma kapaċi, li hemm każijiet fejn saħansitra n-nies imorru b’kunfidenza fil-Qorti tal-Familja, jitkellmu mal-medjatur mingħajr il-preżenza tal-avukati u ħafna drabi jaslu bejniethom fuq kif se jagħmlu s-separazzjoni u l-avukati jidħlu iktar tard biex jagħmlu l-kuntratt ta’ separazzjoni.

Illum, wara għaxar snin irridu nimmarkaw li fil-medjazzjoni sar żvilupp imporantanti. Dan l-iżvilupp importanti ġie triggered oriġinarjament minn dak li jissejjaħ il-“Woolf Report” ta’ Lord Woolf fl-Ingilterra, li fl-1996 kien għamel rapport fuq l-istat tal-qrati Ingliżi. Hemmhekk kien wasal għal ċerti konklużjonijiet fosthom li fil-kawżi m’hemmx ugwaljanza bejn il-partijiet, anzi min għandu ħafna flus għandu vantaġġ fil-kwestjonijiet legali. Ikkonkluda wkoll li hemm inċertezza u hemm kumplikazzjonijiet żejda, li l-proċeduri fl-Ingilterra huma frammentati u huma wisq bi ġlied bejn il-partijiet.  Kien ippropona li tiġi varata l-medjazzjoni  għax l-Ingilterra m’għandhomx liġi fuq il-medjazzjoni u m’għandhomx ċentru tal-medjazzjoni.  Aħna għandna ċentru tal-medjazzjoni li fortunatament l-Istat baqa’ jħallas. Hija ħaġa tajba li l-Istat jibqa’ joħroġ il-flus għall-medjazzjoni. Hija ħaġa tajba għax tagħti lin-nies l-opportunità li jiltaqgħu bejniethom u jirranġaw il-kwestjonijiet.

Hawnhekk ukoll qamet il-kwestjoni tal-mandatarju jew le. Fil-medjazzjoni, s-sitwazzjoni hija differenti mill-arbitraġġ. Fil-medjazzjoni inti qiegħed tagħti lin-nies opportunità u mekkaniżmu legali biex isolvu l-kwestjonijiet tagħhom.  Jekk iridu jsolvuha, jekk huma kapaċi, jistgħu jaslu madwar medja b’assistenza ta’ medjatur.  Il-medjatur ikun speċi ta’ sensar li jwassal il-partijiet għal ftehim. Ikollok kwestjoni fejn wieħed qed jippretendi xi ħaġa u l-ieħor qed jippretendi ħaġa oħra u wieħed isib it-triq tan-nofs. Fid-dinja kollha nstab li l-medjazzjoni hija mekkaniżmu veloċi, mekkaniżmu li ma jiswiex ħafna flus, mekkaniżmu li jieħu ħsieb li ma tkissirx il-kummerċ.  Huwa magħruf li meta n-nies jidħlu l-qorti kontra xulxin, jispiċċaw jaqtgħu r-relazzjonijiet kummerċjali minn xulxin mentri fil-medjazzjoni l-affarijiet jimxu ‘l quddiem. Allura, a kuntrarju tal-arbitraġġ, il-fatt li wieħed jagħti din l-opportunità ta’ medjazzjoni lin-nies, kif tajna fil-Qorti tal-Familja huwa att ta’ ġustizzja soċjali u huwa att li permezz tiegħu dak li jkun għandu opportunità li jiddeċiedi hu jekk jasalx jew le u mhux ħaddieħor jiddiċiedi jekk il-każ huwiex f’pożizzjoni li l-partijiet jaslu. Fil-Qorti tal-Familja s-sitwazzjoni ħadmet. 
Sur President, illum hemm ukoll teżijiet ta’ studenti universitarji dwar dan is-suġġett għax għandi wkoll is-sodisfazzjon ngħid li llum għandna gradwati fil-medjazzjoni.  Għandna nies li ħadu masters course fil-medjazzjoni. Dawn in-nies niżżlu fit-teżijiet tagħhom, mid-domandi li għamlu, li ħafna nies jirrikonoxxu li mnalla kien hemm is-sitwazzjoni tal-medjazzjoni mandatarja li permezz tagħha waslu. Jiena din insejħilha opportunità.

Il-medjazzjoni però trid ukoll li jkollha s-saħħa ta’ ċertu drive.  Ovvjament fl-aħħar leġislatura saru wkoll numru ta’ liġijiet fejn il-medjazzjoni ttieħdet bħala forma ta’ policy tal-Gvern.  Fil-fatt daħħalniha fl-Att dwar il-Ġustizzja Reparatriċi.  Meta wieħed jikkommetti delitt, daħħalna l-possibilità, kif hemm f’diversi pajjiżi oħrajn, li min wettaq id-delitt jiltaqa’ mar-rappreżentant tal-Istat u jekk irid, jiltaqa’ wkoll mal-vittma tar-reat u għandu dik l-opportunità biex jifhem sewwa sew għaliex seħħu ċertu affarijiet u biex min għamel ir-reat jieħu fuqu r-responsabilità. Għandna wkoll emendi li kienu saru bl-Att X tal-2010 għal Kapitlu 504 marbut mal-MEPA. Hemmhekk ukoll daħħalna provvedimenti marbuta mal-medjazzjoni. Sfortunatament dawn id-dispożizzjonijiet għadhom ma ġewx fis-seħħ u forsi wasal iż-żmien li wieħed idaħħalhom fis-seħħ.

L-istess għamilna fil-kunċett tal-Malta Consumer Affairs Authority, kif ukoll fil-Volontary Organisations Act.  Dawn huma passi importanti  għax il-medjazzjoni hija att ta’ ċivilità. Soċjetà timmarka ruħha minn oħra proprju għax ikollha dawn il-mekkaniżmi.  Il-kwestjonijiet bejn in-nies mhux bilfors iridu jiġu maqtugħa b’sentenza tal-qorti. M’hemmx bżonn lanqas li l-medjazzjoni titqiegħed bħala xi forma biss ta’ alternattiva għal qorti, jiġifieri biex innaqqsu l-backlog tal-kawżi allura għandna l-medjazzjoni. Il-medjazzjoni hija tajba fiha nfisha, hija tajba għas-soċjetà Maltija u huwa tajjeb li tibqa’ tiġi koltivata b’saħħa.  Jien ħadt pjaċir nara li fir-rapport li sar mill-Imħallef Bonello u l-Imħallef Sciberras, mill-Professur Aquilina u mid-Dottoressa Romana Frendo l-medjazzjoni hija msemmija b’importanza però naħseb li issa wasal iż-żmien li fuq l-esperjenza li ġbarna fil-Qorti tal-Familja għandna nħarsu wkoll lejn jekk kemm-il darba għandniex indaħħlu l-medjazzjoni f’ċerti tipi ta’ kawżi li inti, meta tmur l-qorti, tmur l-ewwel għall-medjazzjoni. 

Irrid ngħid ukoll li fir-Rules of Court kien hemm diġà u ilhom hemmhekk mill-2008 regoli li jgħidu li l-qorti, fl-ewwel seduta trid tara jekk kemm-il darba l-partijiet humiex f’pożizzjoni li jaslu għal medjazzjoni.  Sfortunatament din id-dispożizzjoni, minn dak li qed nara bħalissa l-qorti, mhijiex qiegħda tiġi implimentata u applikata.

Għalhekk, qed nieħu din l-opportunità biex l-ewwel ngħid grazzi lil Michael Refalo għax-xogħol li għamel. Ngħid li b’meritu tiegħu jien stajt nibni affarijiet oħrajn. Bnejt fl-arbitraġġ mandatarju li kellu suċċess, għamilt il-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja u għamilna wkoll iċ-ċentru tal-medjazzjoni però hemm bżonn li ‘l quddiem isiru iktar affarijiet.  Hemm bżonn li wieħed jieħu iktar on board il-possibilità li jibni l-medjazzjoni b’saħħa.  Jiena mhux ngħid dan mhux b’xi forma ta’ kritika, għax m’għandhiex tkun xi forma ta’ kritika, anzi qed nagħmel użu minn dan il-post biex inqajjem iktar għarfien, speċjalment man-nies li huma l-poplu in ġenerali, li jkollu l-kwestjonijiet tiegħu, kif ukoll aħna l-avukati biex aħna nsolvu l-kwestjonijiet iktar malajr. Jien ċert li l-maġġoranza kbira tal-avukati, iktar ma jeħilsu l-kwestjonijiet tal-klienti tagħhom malajr, iktar jieħdu pjaċir.


Finalment irrid ngħid li dawn kienu tnejn mid-diversi miżuri li aħna għamilna fis-settur tal-ġustizzja biex ċaqlaqnih ‘il quddiem. Hemm diversi affarijiet oħra li għada pitgħada, f’aġġornamenti bħal dan, ikolli l-opportunità biex infakkar lil dan il-post ix-xogħol tajjeb li sar fil-passat. Dawn l-affarijiet infakkarhom ukoll biex ikun hemm il-possibilità u l-opportunità li wieħed ikompli jibni fuqhom biex ikompli jgħin lis-soċjetà li qiegħda tiżviluppa, lill-populazzjoni li qiegħda tikber u biex ikollha sistema ġudizzjarja li teħles l-affarijiet iktar malajr, mingħajr ma tintilef il-ġustizzja jew mingħajr ma tintilef l-opportunità li tasal fi ftehim bejn il-partijiet.  Nirringrazzjak.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...