7.4.15

Mozzjoni Nru 221: Estimi ta' Dħul u Nfiq tal‑Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għas‑Sena 2015.


           

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Sur President, nitolbok  tgħidli kemm għad fadalli ħin, jekk jogħġbok,  biex nitkellem, jekk mhux se ndaħħlek f’xi somma matematika.

MR SPEAKER:  Mela le!  Onor. Mifsud Bonnici, fadallek 23 minuta.

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  M’hemmx extra time. 

MR SPEAKER:  Jiddispjaċini, dawk huma. 

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:   Sur President, dan huwa suġġett verament interessanti u qed nieħu pjaċir li qegħdin nitkellmu dwar l-estimi, għax naħseb li l-estimi ta’ din l-awtorità għandhom iservuna biex wieħed jipprova jirrifletti u jħares ‘il quddiem u jipproġetta dak li għandha tagħmel din l-awtorità fis-snin li ġejjin.  Jiġifieri jkun hemm min ikun hemm responsabbli ta’ din l-awtorità naħseb li għandna opportunitajiet tad-deheb li nħarsu ‘il quddiem biex permezz tagħhom inkunu nistgħu ntellgħu iktar ‘il quddiem, inressqu aktar ‘il fuq is-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.  Naħseb li l-ħajja tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol għalina taż-żewġ naħat tal-Kamra għandha tkun priorità.   Aħna ma naqblux li dan huwa settur li fih is-suq jirregolah, is-suq hawn ma jirregolahx.  Aħna rridu nirregolaw dan is-settur u nieħu pjaċir li jsiru regolamenti li fihom setturi differenti tax-xogħol li żviluppaw qabel u dawk li qegħdin jiżviluppaw, inkomplu nirregolamentawhom b’iktar avviżi legali.  Dan mhuwiex xi settur partikolari li jitħalla jiċċaqlaq waħdu u hawnhekk hawn prinċipju fundamentali ta’ politika, politika li trid tħares iktar lejn min qiegħed ‘l isfel fis-soċjetà  u ma tafdax fit-tħaddim tal-ekonomija jew tal-istrutturi ekonomiċi li s-settur kapitalista sfortunatament f’ċerti postijiet fid-dinja jiġi fdat bihom.  Hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq settur importanti li jixraqlu u għandu bżonn direzzjoni politika, anzi hawnhekk għandna l-vantaġġ li għandu direzzjoni politika doppja u allura billi hawn direzzjoni politika doppja wieħed jippretendi u jistieden – ħalli ma ngħidx jippretendi – li wieħed iħares ferm iktar ‘il quddiem biex jibni strutturi aħjar għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol.  Jiena qrajt ir-rapport li ġie ppreżentat, huwa ovvjament rapport li, bejn wieħed u ieħor, isegwi ħafna minn dak li kien qed isir fis-snin ta’ qabel u ovvjament għandu l-limitazzjonijiet tiegħu ta’ riżorsi finanzjarji u riżorsi umani u dan ilkoll nafuh.  Però hawnhekk hawn settur ta’ corporate social responsibility li fih irridu naċċentwaw, nissodaw żewġ affarijiet, l-ewwel nett nissodaw iktar l-obbligu legali u morali ta’ min iħaddem u t-tieni nett nagħtu aktar saħħa lill-ħaddiem fil-parteċipazzjoni tiegħu biex jipproteġi u jiġġieled għall-post tax-xogħol tiegħu.  L-ewwel waħda, il-corporate social responsibility għandha l-effett tagħha, però il-parteċipazzjoni tal-ħaddiem fid-dinja tax-xogħol hija xi ħaġa essenzjali u naħseb li f’dan id-dibattitu għandu jitla’ ‘il quddiem.  Jiena ħadt pjaċir nara li f’paġna 61 tar-rapport hemm  diskussjoni fuq l-aspett legali u hemm attenzjoni għall-Freedom of Information Act, tajjeb li ġie ndirizzat dak il-punt, fis-sens li aħna wkoll accountable li dak li qed isir fl-awtorità xi ħadd jista’ jitlobna informazzjoni.  Però hawn punt li xtaqt li nissenjala lin-naħa l-oħra u nitlob li forsi wieħed jaħdem fuqha, naf li għadha novella, imma l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Informazzjoni l-Whistleblower Act, l-kapitlu 527 huwa att li huwa prinċipalment indirizzat biex il-ħaddiem jiddefendi l-post tax-xogħol tiegħu.   Issa f’dak l-istess Kap hemm x’inhuma l-prattiċi mhux xierqa li l-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol jista’ jirrapporta fuqhom.  U fosthom hemm b’mod ċar is-saħħa u s-sigurtà ta’ xi individwu kienet qegħda jew x’aktarx se tkun fil-periklu.  Issa jien nifhem li dan l-enpowerment għadu ma sarx, li l-klassi tal-ħaddiem, dawk li jaħdmu fuq il-post tax-xogħol għadhom m’għandhomx biżżejjed awareness tagħha.   U hemm bżonn li minn hawn anke nagħtu bekkata lill-unions ta’ pajjiżna li jikkonċentraw huma wkoll biex iġibu lill-ħaddiem fil-post tax-xogħol sija jekk huma unionized, sija jekk mhumiex biex jipproteġu l-post tax-xogħol tagħhom.  Naħseb li dan huwa punt ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol li f’dan ir-rapport mhux qiegħed nara enfasi għalih.  Infakkar li l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Informatur inbniet apposta biex verament ikun hemm struttura li tirċievi l-ilmenti, struttura li trid tagħti informazzjoni fuq dak li għamlet, trid tieħu passi fuq dak li għamlet u min qiegħed jiżvela huwa protett.  Infakkar li daħħalna ġo dik il-liġi mekkaniżmi speċjali, apposta uniċi biex nassiguraw li min jmur jagħmel dmiru u jgħid: isma’ fuq il-post tax-xogħol hemm it-tali materjal li m’għandux ikun hemm, jew dawn qed jagħmlu t-tali prattika li m’għandix tkun, jew dak mhux qed ikollu l-protections u s-safety shoes tiegħu, l-affarijiet l-oħrajn tiegħu .... hemmhekk hemm bżonn li nagħtu iktar u iktar mportanza għal dan is-settur biex nieħdu ħsieb. 

Naħseb li jekk kemm-il darba tittieħed on board b’edukazzjoni, b’informazzjoni, pubbliċità li hawn fuq affarijiet oħrajn tagħmel differenza.  Aħna qisna f’din l-awtorità ġejna ftit mingħajr ma nweġġà lil ħadd, ġiet qisha sitwazzjoni ta’ cat and mouse,  mela jekk l-inspector qabdet mela saret xi ħaġa, jekk ma qabdikx kompli agħmel li trid.  Jew inkella kollox jiddependi : ma bagħtux l-inspector.  Mela ma bagħtux l-inspector allura wieħed hu ġustifikat li jkompli jħawwad u jgerfex.  Dik is-sitwazzjoni naħseb li kienet u jien għalija kienet dak iż-żmien meta kont Ministru u ktibt din il-liġi xi ħaġa ta’ mportanza kbira biex permezz tagħha l-klassi tal-ħaddiem verament tassiguralhom post tax-xogħol li jkun tajjeb, ta’ saħħa u dawn l-affarijiet kollha u fl-istess ħin tassiguralhom li jibqa’ tajjeb għall-futur tagħhom bħala ħaddiem fuq il-post tax-xogħol.  Meta xi ħadd fuq post tax-xogħol ma jeħux ħsieb ir-regolamenti tas-safety u hawn rajt li ttieħdu passi, l-Qorti u l-kumpanija teħel multa.  Dik il-multa x’qegħda tagħmel?  Qegħda tidħol fir-revenue tal-Gvern.  Imma x’sodisfazzjon għandna?   Qisna aħna għax żidna din ir-revenue, m’għandniex dan is-sodisfazzjon pero tnaqqas mill-kapital attiv ta’ dik il-kumpanija, tnaqqas mill-possibilità li dik il-kumpanija setgħet timpjega lil xi ħaddieħor, tnaqqas mill-profit jew mill-possibilita li l-kumpanija tiżviluppa ‘l quddiem.  U hemm ħaddiem għandu interess li dik il-kumpanija li jaħdem fiha tibqa’ tippompja tajjeb il-flus u tibqa’ jkollha qalb tajba fl-affarijiet.  Naħseb li l-Whistleblower Act qisha ħadet biss t-tinge li se taqbad lin-nies kollha korrotti li  hawn ġo dan il-pajjiż u allura dan is-settur determinanti, fundamentali għaliha tħalla lura.   Allura nifhem d-diffikultajiet, nifhem li għandek problemi li jistgħu jkunu però li wieħed jibda fuq din it-triq, jien nappella lid-direzzjoni ta’ din l-Awtorità biex wieħed jimxi ‘l quddiem.  Din l-interazzjoni li trid issir bejn il-ħaddiem u bejn il-unions u bejn l-Awtorità huwa fl-opinjoni tiegħi determinanti allura qed nieħu ħsieb li nressaqha hawn. 

Rajt ukoll fil-paġna 45 dwar ir-riformi leġislattivi u nieħu pjaċir nara li l-Awtorità tħares ‘l quddiem li kemm jista’ wieħed jimxi ‘l quddiem speċjalment bid-dħul tagħna fl-UE.   Naħseb li l-fatt li dħalna fl-Unjoni Ewropa ovvjament għamel ħafna ġid lill-klassi tal-ħaddiem però naħseb li hawn forsi mill-aspett leġislattiv wieħed jista’ jgħolli ftit iktar il-livell u jdur ftit iktar l-avviżi legali varji li għandna għax uħud minnhom ma ngħidx li huma antikwati però qed iħarsu lejn dinja tax-xogħol li lum mhux qed tispiċċa però m’għadhiex iċ-ċentru tad-dinja tax-xogħol.  Illum għandek is-settur finanzjarju, għandek is-settur tal-computers, għandek is-settur tal-gaming, għandek setturi varji fejn hemm nies jaħdmu li għandhom il-komplesitajiet ġodda li ċerti drabi ngħid li l-unions li għandna f’pajjiżna mingħajr ma ħadd joqgħod jieħu għalih, qegħdin jifhmu din ir-realtà.  Il-unions li għandna f’pajjiżna qegħdin jirreaġixxu tajjeb?  Aħna bħala klassi politika qegħdin nwieġbu tajjeb għal din ir-realtà ta’ din id-dinja ġdida tax-xogħol li l-ħaddiem Malti qiegħed isib lilu nnifsu fiha?  U hawn naħseb li l-Awtorità tagħmel tajjeb li tkompli ttellà ‘l fuq il-kwalita tal-leġislazzjoni għar-rigward l-UE però aħna nafu wkoll bħala ex-Ministri li servejna lil dan il-pajjiż b’umiltà li aħna għandna l-possibiltà li aħna wkoll nkunu xprun li fl-Unjoni Ewropea ssir tibdil leġislattiv importanti biex jipproteġi lil dawn il-ħaddiema.   In-nies li jaħdmu fis-settur teknoloġiku jew s-setturi varji mhumiex nies li qegħdin hawn Malta biss, qegħdin mal-Ewropa kollha. U hemm realtaijiet oħrajn.  

Issa ejja nmorru fuq in-naħa l-oħra tal-munita, jiġifieri x’qiegħed isir ma’ min iħaddem l-ħaddiem biex jifhem l-importanza li joqgħod attent għal dawn ir-regolamentazzjonijiet.  Issa jien nifhem li hemm ċerti affarijiet ta’ policy li wieħed irid jieħu fl-Awtorità biex jibgħat messaġġ tajjeb hemm barra.  Pereżempju, ġie dibattut kemm-il darba l-kapitlu 241, l-Att dwar l-Assikurazzjoni Obbligatorja għar-responsabiltà ta’ min iħaddem.  Kellna dibattitu ftit tas-snin ilu fuq il-kwestjoni tal-emendi għall-liġi tad-dannu u kien hemm l-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien li għamlet enfasi biex dan l-Att jiġi fis-seħħ.   Kien hemm min qalli: isma ma nbiddlux is-sistema tad-dannu f’pajjiżna, ma ndaħħlux id-dannu morali, ma ndaħħlux il-konċetti ġodda li konna pruvajna ndaħħlu qabel ma dan l-Att jidħol fis-seħħ.  Mhux se nidħol fil-kwestjoni jekk għandux jidħol fis-seħħ dan l-Att jew le, dak irid jarah il-Gvern tal-ġurnata.  Però naħseb li għandha tkun tir u prijorità kbira tal-Awtorità li tgħid: isma’ inti qiegħed fuq il-post tax-xogħol inti trid tieħu ħsieb, jekk inti qiegħed tħaddem trid tieħu ħsieb li tgħolli l-livell tal-assikurazzjoni għall-ħaddiema ta’ taħtek.  Irrid infakkar li aħna konna biddilna l-liġi fuq l-assikurazzjoni fuq il-ħajja.  Jien waħda mill-affarijiet li nieħu pjaċir li għamilt bħala Ministru kienet li daħħalna fis-sistema legali tagħna l-life insurance u hemmhekk hemm klawsoli ġodda, hemm sistema kompletament ġdid li kienet intenzjonata daparti tiegħi biex tiftaħ u tifrex iktar l-possibilità ta’ iktar assikurazzjonijiet differenti, iktar varjati, iktar b’saħħithom għall-klassi tal-ħaddiem.  Allura aħna bħala parlament, bħala Gvern se jkun hemm bħala policy din l-importanza għar-rigward l-assikurazzjoni fuq il-ħajja?  Se jkun hemm enfasi fuqha din jew mhux se jkun hemm enfasi fuqha?  Naħseb li għandu jkun hemm din l-enfasi għax illum il-ġurnata nifhem li jibqa’ jkollok każijiet ta’ nies li jkunu mweġġà fuq il-post tax-xogħol, ...Se tgħidli inti se jirnexxielek tiġi f’dik is-sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm infortuni fuq il-post tax-xogħol, ma jkunx hemm nies li jbatu fuq il-post tax-xogħol.  Naħseb li nkunu prużuntużi però rridu f’dawk l-eventwalitajiet ndaħħlu ċertu mekkaniżmi, żewġ mekkaniżmi, l-ewwel mekkaniżmu li ħaddiem kif weġġà fuq il-post tax-xogħol jitħallas indipendentement mill-kwestjonijiet legali li jqumu.   Għadni kif irċevejt ittra ħaddiem weġġà fuq il-post tax-xogħol u hu qed jgħid li weġġà għax ma kienx hemm is-safety, l-kumpanija qed tgħid li tort tiegħu għax hu ma qagħadx attent fl-affarijiet.  Hemm realtà li għahd aqed tiżviluppa li tweġġa’ lill-ħaddiema u tweġġgħu f’żewġ dimensjonjiet.  L-ewwel, id-dimensjoni tal-gvern.  Taf li għandna sistema taħt il-liġi tas-sigurtà soċjali li tieħu ċertu persentaġġ .  Illum, wasal iż-żmien li bħala Awtorità jinbena qafas ġdid ta’ kif wieħed jitħallas ftit iktar milli kien qed jitħallas fl-1947 jew fis-snin 50?  It-tieni, wasal iż-żmien li wieħed jibni mekkaniżmu li l-ħaddiem jitħallas somma bażika t’a dak li jkun sofra bħala dannu fuq il-post tax-xogħol u jkollu protezzjoni aħjar, indipendentment jekk kellux tort jew le?  Jekk weġġajt fuq il-post tax-xogħol, għandek ikollok almenu xi ħaġa tal-flus li f’dak il-perjodu fejn qiegħed bis-sick leave, vejn għandek diffikultajiet biex terġa’ tidħol lura fuq il-post tax-xogħol, il-familja tiegħek mhijiex qed tbati?  Dawn huma r-realtajiet li l-klassi tal-ħaddiem tbati u għadha qed tbati kuljum.  Naħseb li l-Awtorità għandha din il-kapċità li tibgħat hemm barra messaġġ li huwa importanti.  Mhux qed nippretendi l-mirakli, jiġifieri ara ma jmurx xi ħadd jaħseb li qed nippretendi imma jekk wieħed jista’ jippjna għal futur.  Nifhem li hemm ir-restrizzjonijiet, ħafna drabi l-parti l-kbira tla-baġit tkun fuq ir-rikorrent, jiġifieri fuq salarjji eċċ. imma dawn huma niċeċ ta’ affarijiet li fir-realtà ma jiswewx ħafna, jiswew biss li wieħed jitkellem fuqhom.  Hemmhekk hemm ċertu exposure li l-Awtorità għandha tieħu u għandha exposure doppja, hemm il-Ministru u hemm iċ-chairman tal-Awtorità li huma t-tnejn politiċi.  Ejja nipprovaw nieħdu l-vantaġġ ta’ din il-ħaġa billi nagħmlu exposure aħjar. 

Għandek sitwazzjonijiet ioħrajn li għadhom mhumiex kristalizzati.  Il-kwestjoni tas-self employed, il-kwestjoni tal-part-timers, il-kwestjoni ta’ dawk li aħna qegħdin insejħulhom bħala l-prekarjat, dawk li għandhom sitwazzjonijeit ta’ kuntratti li, għalkemm huwa tajjeb dak li ntqal fil-baġit ta’ kif se naffrontawhom, imma hemm realtà ta’ ħaddiema li għadhom fil-prekarjat u għadhom f’din is-sitwazzjoni u rridu nkunu saqajna mal-art li ma tistax issolvi l-problemi kollha b’bakketta maġika jew b’soluzzjoni waħda imma b’xi ħaġa li titlbo attenzjoni għas-setturi varji li jitolbu atenzjoni ferm ikbar milli aħna nistgħu nifhmu, ir-realtà tas-suq, ir-realtà soċjali, ir-realtà ta’ dawn il-ħaddiema, idd-wejjaq ta’ dawn il-ħaddiema, id-diffikultajiet ta’ dawn il-ħaddiema. 

Aħna niltaqgħu ma’ diversi ħadiema li spiċċaw barra mill-post tax-xogħol.  Daħlu ħafna ħaddiema jaħdmu mal-gvern, ċert li l-istat ma jistax jagħti bħala rimedju lil kull persuna li se jimpjega mal-istat u hemm nies li qed ibatu, nies li tilfu l-post tax-xogħol, nies li mardu, nies li sabu lilhom infushom f’sitwazzjonijiet fejn ma jistgħu jagħmlu xejn u ma jistgħux jitkellmu.  Għalhekk, ngħid li dak li jrid isir fuq long term, huwa dan it-twin approach, isfel issoda n-nies, agħtihom iktar, nafu r-realtà tas-suq hija li min iħaddem bejn din il-ħaġa li jeiħu ħsieb in-nies fu qil-post tax-xogħol fis-security tiegħu u l-aspett tal-kapital hija deċiżjoni diffiċli għalih u dawn in-nies li hemm taħt li hemm bżon li nagħtuhom l-empowerment li jipparteċipaw verament fl-ekonomija fil-post tagħhom.  It-tieni ħaġa, din li tieħu ħsieb lil min qiegħed fuq, tibnielu iktar sistema iktar tajba biex jimxi ‘l quddiem. 

Ħadt pjaċir, pereżempju, li f’paġna 39 ta’ dan ir-rapport hawn diskussjoni fuq l-impatt tal-Awtorità għar-rigward il-kwestjonijiet ta’ kawżi ċivili l-qorti.  Hawnhekk hawn miktub hekk: 

  “The outcome of these civil cases which relies heavily on the findings of the OHSA’s investigation of the cases  has seen a substantial increase in the amounts awarded by the court in compensation.  Apart from these court judgments there are numerous out of court settlements whereby insured companies agree to compensate the victims of an accident on the place of work”

Din ħaġa tajba pero, bir-rispett kollu, l-awtorità tal-Awtorità trid tafferma ruħha iktar u tista’ tafferma ruħha iktar, trid iktar riżorsi, trid iktar speċjalizzazzjoni, trid iktar finanzjament, pero għandna jkollna sistema …  Il-punt tiegħi huwa li dan huwa tajjeb imma l-Awtoritàspeċjlmetn speċjalemnt meta jsir ir-rapport taħt in-National Insurance Act, naħseb li rridu ndaħlu interaction aqwa, jiġifieri ħaddiem sar ir-rapport taħt in-National Insurance formula, hemmhekk ngħid li għandna nżidu l-pieni għal min ma jagħmilx ir-rapporti.  Dik għandha tkun il-prijorità tagħhom li żżidu l-pieni.  It-tieni, bħala rigur, mill-ewwel, mar-radda tas-salib, kif jidħlu dawn, id-dipartiment jinforma l-Awtorità u l-Awtorità tmur tara x’ġara u tmur tinvestiga bix hemmhekk l-Awtorità qed taħgmel rapporti mill-ewwel, li tiffranka ħafna dewmien il-qorti, li tiffranka ħafna komplikazzjonijiet oħrajn fuq sitwazzjonijiet oħrajn li, fuq kollox, tagħti iktar saħħa u protezzjoni lill-ħaddiem. 


Nagħlaq billi ngħid li, hemm opportunitajiet tad-dehebb f’dan is-settur u dawn l-opportunitajiet tad-deheb m’għandniex nitilfuhom.  Aħna, bħala oppożizzjoni, se nkunu xprun, aħna fuq x’għamel il-gvern fuq din il-ħaġa però l-intenzjonijiet tagħna huma tajbin, l-intenzjonijiet tagħna huma li nassiguraw li jkun hemm iktar saħħa lil min qiegħed fuq il-post tax-xogħol sabiex il-post tiegħu jiġi protett imma, fuq kollox, sabiex is-saħħa tiegħu tkun protetta u s-saħħa tiegħu tkun protetta fiżikament, moralment kif ukoll ekonomikament.  Grazzi.  Sur President.  

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...