26.8.14

Kurrenti qawwija.



1.      Tul dawn ix-xhur id-dinja marret u tidher li għadha sejra lejn taqlib kbir.  Hawn ġlied għaddej preċiż mal-bibien tal-Ewropa.  Kwistjonijiet li qamu biċċa biċċa.  Uħud telqu għal rashom, oħrajn qabbdu lil xulxin.  Il-katina ta’ azzjoni u reazzjoni qed tissoda aktar ruħha ma’ kull jum.  Id-dinja llum mhix dik li kienet fil-bidu ta’ din is-sena.  Hawn xenarji varji ta’ kumbattimenti militari, ta’ livelli u raġunijiet kompletament differenti.  Kull parti fiha il-periklu tagħha.  Kull kunflitt qiegħed iħarbat fi triqtu ħajjiet ta’ innoċneti.  X’ser tkun id-dinja ma nafux, wisq inqas jekk il-paċi tirrenjax.

2.      Din il-katina stramba u perikoluża telqet mill-fatt li ġewwa s-Sirja l-kunflitt intern baqa’ għaddej.  Baqa’ jikkomplika ruħu b’iktar imwiet u instabilità.  Wara, is-sitwazzjoni ikkumplikat iktar ruħha bil-kwistjoni ġewwa l-Ukrajna.  L-irvelli bla waqfien kontra president li ried jingħaqad aktar mar-Russja milli mal-Unjoni Ewropea qabbdu stat ta’ aġitazzjoni li sarrfet f’kumplikazzjonijiet kbar.  It-teħid arbitrarju u kontra kull dritt internazzjonali mir-Russja tal-Krimea ġieb ferm iktar inkwiet.  Inkwiet li sarraf fil-kunflitt li beda f’Donetsk u Luhansk li għadu għaddej sal-lum.  Eluf tilfu ħajjithom, diversi ħarbu minn djarhom.  Oħrajn li ma kellhom x’jaqsmu assolutament xejn tilfu ħajjithom meta ajruplan tal-Malasja tniżżel kiesaħ u biered.

3.      Id-demm tal-innoċenti għadu jiskula mad-dinja kollha.  L-inkwiet li qabad ġewwa l-Iraq, Gaza, Iżrael u l-Libja għandu ħaġa waħda inkomuni: ċittadini normali tilfu ħajjithom u oħrajn tilfu ġidhom.  Kull kunflitt għandu r-raġunijiet tiegħu.  Kull kunflitt jimmerita attenzjoni għax dak li qiegħed jinġabar, aktar ma jgħaddi żmien, aktar ser jiġma.  Il-qtil, l-użu tal-armi sofistikati tal-lum, il-mibegħda li nġemgħet fis-snin huma kollha formoli għal iktar pożizzjonijiet li minnhom diffiċli tmur lura.  Dak li qiegħed jiġri fl-Iraq b’dan il-grupp magħruf bħala “IS” idur naħa u oħra, joqtol mingħajr ebda kontroll bnedmin li għandhom biss “id-dnub” li huma nsara jew ta’ setet differenti minn tiegħu ser iħalli effetti kbar.

4.      L-istess dak li qiegħed iseħħ fil-pajjiż ġar tagħna, l-Libja.  Il-ġlied intern bejn il-fazzjonijiet varji huwa diffiċli li tikkontrollah u dak li qiegħed isir ser ikollu effetti qawwija ħafna.  Dak li qiegħed jiġri fl-Iraq u fil-Libja huwa mwieled minn raġunijiet differenti.  Jista’ jkun hemm elementi motivati u ispirati mill-istess fanatiżmu reliġjuż, biss il-kurrenti u finalment ir-riżultati ser ikunu differenti.  It-tqawwif ta’ Kalifat fl-Iraq għandu diġà l-impatt tiegħu.  Jekk dan huwiex ser jistabilixxi ruħu jew huwiex ser jiġi kontrollat għad irridu naraw.  Fuqu però jiddependi x’ser tkun il-pożizzjoni minn dak li ser joħroġ finalment.  Fuqu, żgur mhux forsi, id-dinja minn kull kurrent qegħda tagħraf li l-IS b’saħħtu jfisser theddid għal-libertà u d-demokrazija tagħna lkoll.

5.      L-aġir tagħhom ingħaqad ma’ dak li qed naraw fix-xenarji li semmejna diġà.  Hemm effetti immedjati u oħrajn fit-tul fuqhom li huma involuti direttament, kif ukoll fuqna li m’aħniex.  Dan għax ilkoll ngħarfu li f’dinja globalizzata ser inkunu minsusa.  L-ewwel effett dirett issarraf f’allejanzi ġodda f’dak ir-reġjun bejn l-Iran u l-Istati Uniti tal-Amerika.  Però mhux biss għax diversi stati oħra, sija jekk Sunni jew Xiiti, xorta jagħrfu li dan l-estremiżmu partikolari li twieled huwa bla kap u kuda u żgur mingħajr raġuni.  L-iskużi reliġjużi huma biss preamboli għat-teħid u l-użu tal-poter.  Il-konfronti kollha qegħdin iwasslu għall-konsegwenzi mhux biss militari imma wkoll ekonomiċi u soċjali.

6.      L-ekonomija tad-dinja kif jgħaddi Awissu ser tibda tara ferm iktar l-impatt negattiv ta’ dan il-ġlied.  Hemm setturi ekonomiċi militari li ser javvanzaw, imma l-oħrajn ser jaraw tnaqqis u tibdil.  Ir-rotot u ingranaġġi monetarji, finanzjarji ser nibdew narawhom jirreaġixxu għal dak li qiegħed iseħħ.  L-attenzjoni mondjali ser tinġabar iktar u iktar lejn jekk humiex ser jinsabu soluzzjonijiet.  Iktar ma jgħaddu l-ġranet, iktar ser naraw pajjiżi involuti.  Dak li forsi qiegħed isir b’ċertu forza ser jiġma b’forza ferm ikbar.  Jekk illum hemm numru ta’ pajjiżi, għada pitgħada ser ikollhom jidħlu aktar.

7.      Tul dan is-sajf infetħu bibien ta’ nkwiet li qed jgħaddi minnhom riħ qawwi.  Kurrent qawwi ta’ nkwiet u kumplikazzjonijiet li għad irridu naraw kif u lejn x’hiex ser jiżviluppaw.  Kemm aħna, u b’mod partikolari kemm dan il-Gvern ser ikun kapaċi jifhem u jieħu d-deċiżjonijiet it-tajba għad irridu naraw.  Il-pożizzjoni naċċettaw, ma hemm dubju, li mhix assolutament faċli, iżda huwa fil-maltempati li l-kaptan u l-baħrin tiegħu jridu juru l-abbiltajiet tagħhom.  Sa issa, sfortunatament, ir-reazzjoni tal-Gvern kienet kważi dejjem tard, mhux ċara jew koordinata.  Nittamaw serjament li l-pożizzjoni tinbidel malajr sabiex l-effetti ħżiena ta’ dawn il-kurrenti qawwija jiġu mnaqqsa u kkontrollati.  Ix-xhur li ġejjin jagħtuna tweġiba.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...