3.9.14

Is-sitwazzjoni tiggrava.



1.      Is-sajf daħal u qiegħed jersaq biċċa biċċa lejn tmiemu.  Diversi huma verament aljenati b’dak il-ftit ħin li jkollhom biex jistrieħu.  Biss, xorta waħda sfortunatament qed naraw figuri ekonomiċi li bdew jinkwetaw u jgerrxu lil dawk li jsegwu dak li jkun għaddej.  Pajjiżna għandu l-punti sodi tiegħu, però għandu diversi punti ta’ dgħjufija.  Min imexxi pajjiż idum biex jifhem liema huma naħa u liema huma oħra.  Dan għad-detriment ta’ dak li l-poplu jrid finalment iġarrab.  Fuq naħa problemi ekonomiċi u fuq l-oħra dawk soċjali.

2.      Tul dawn il-jiem rajna fil-gazzetti tagħna importanza mogħtija lil fatti u figuri li l-istatistika toffrilna.  Fatti li qed jindikaw b’mod dirett u mingħajr dubju li l-ekonomija qabdet triq diffiċli li preżentement il-Gvern ma huwiex jindirizza.  Flok qed naraw miżuri li jkomplu jsaħħu u jissudaw dak li għandna, m’aħniex naraw ebda forma ta’ direzzjoni strateġika.  Hemm min qiegħed jilludi ruħu li l-ekonomija f’dawn il-gżejjer tiġri, timxi u tirregola lilha nfisha mingħajr l-assistenza u attenzjoni tal-Gvern tal-ġurnata.  Is-sitwazzjoni hija aktar gravi għax bħalissa hawn min qiegħed jimmaġina li dak li qiegħed iwettaq hu f’setturi varji ma għandux impatt dirett fuq l-ekonomija sħiħa.

3.      Ngħid dan għax f’dawn il-ġimgħat ħarġu numru ta’ aħbarijiet li jimmeritaw waqfien u attenzjoni diretta lejhom.  Għal min qiegħed fis-settur jaf li l-aħbar li l-Gvern daħħal mal-elfejn ruħ jaħdmu miegħu ma hix proprju aħbar ekonomika tajba.  Fil-bidu tal-ġimgħa, gazzetta lokali ġiebet ir-reazzjonijiet ta’ diversi fis-settur privat li bdew jaraw diġà effetti negattivi fix-xogħol.  Diġà hawn min qiegħed jibgħat il-messaġġ li ftit huma dawk li jridu jidħlu għal impjieg ma’ kumpanniji privati.  L-aħbar hija li, anzi, ħafna ħaddiema li hemm jaħdmu qed jiddikjaraw li ġew mogħtija l-kelma li daqt ser jidħlu jaħdmu mal-Gvern.  Dan huwa żbaljat għax ser ikisser il-bilanċ li kien inbena tant tajjeb bejn is-servizz pubbliku u dak privat.  Meta wieħed jgħabbi ‘l-Gvern b’iktar impjiegi milli hemm bżonn ikun qiegħed inaqqas mis-saħħa ekonomika tal-pajjiż u fl-istess ħin jipperikola l-impjiegi fiż-żewġ setturi.  L-esperjenza ta’ dawn il-ħamsin sena indipendenti turi li kull darba li jkun hemm ferm iktar milli hemm bżonn impjegati mal-Gvern, l-ekonomija tmur lura.

4.      L-istess għandu jingħad dwar l-aħbar li l-investimenti f’pajjiżna naqsu sew fil-linja ta’ investimenti diretti.  Mill-istatistika li ħarġet friska friska dawn il-jiem ħareġ li hemm tnaqqis attwali ta’ 24%.  Dan, l-ewwel bi tnaqqis ta’ investimenti diretti lejna ta’ xejn inqas minn tlett biljun ewro, jiġifieri tlett elef miljun ewro.  L-investiment li kellna naqas drastikament u investiment li soltu konna naraw dieħel naqas huwa wkoll.  Dan huwa sinjal gravi ieħor li l-Gvern jidher ċar li ma jridx jagħti wisq każ tiegħu.  Din id-direzzjoni ma tiġix fuqek f’daqqa waħda, iżda min għandu r-responsabbiltà suppost li jaf li dan jakkumula biċċa biċċa.  L-ammonti huma qawwija verament, però iktar minn dan jindikaw li hemm min qiegħed jitlef il-fiduċja fl-ekonomija u fit-tmexxija finanzjarja ta’ pajjiżna.  Meta l-flus jitilqu u ġodda ma jidħlux, xi ħaġa serja u li titlob attenzjoni immedjata jkun hemm.

5.      L-istess għall-kriżi mondjali preżenti.  Flok bdejna naraw u nisimgħu b’miżuri ekonomiċi neċessarji għal dak li għandna u dak li ġej għalina qed naraw parti mill-Gvern titkellem mingħajr direzzjoni ċara.  Iktar qisna qed naħsbu li nagħtu x’wieħed jifhem li pajjiżna sejjer b’xi mod jiġi attakkat milli li nħarsu ‘l quddiem lejn dak li l-ekonomija mondjali sejra tagħtina lkoll.  L-eventi fl-Iraq, fis-Sirja, fl-Ukrajna, f’Gaża u fil-Libja ma humiex dawk li mhux ser jolqtuna.  Huma viċin aktar milli naħsbu, però dan prinċiparjament fis-settur ekonomiku.  Il-ħidma militari preżenti ser iġġib magħha riperkussjonijiet li ser ikomplu jnaqqsulna mill-kapaċità u l-flessibilità neċessarja biex jiżdied il-kummerċ u l-ġid għalina.  Fuq dan għadna ma smajna b’ħadd li beda jlaqqa’ nies fl-ekonomija biex naraw kif ser jintlaqtu.  Anqas ma aħna naraw il-Gvern jaħtar konsulenzi biex wieħed jistudja sew dak li hu għaddej u dak li ser jiġi fuqna.

6.      Is-sajf daqt jgħaddi.  L-aljenazzjonijiet, dawk ukoll.  Biss, wara rridu naraw kif ser nikkonfrontaw dan is-sħab iswed li diġà qiegħed jinġabar b’saħħa quddiemna.  L-indikazzjonijiet lokali ma humiex l-aqwa.  Dawk barranin wisq inqas.  Biss, quddiem dan kollu l-Gvern tal-ġurnata jidher li ma huwa jagħti każ ta’ xejn.  Flok jimxi fid-direzzjoni t-tajba b’għaqal u attenzjoni qabad waħda żbaljata.  Flok jaf fejn irid imur, issa m’għandux verament pjan ta’ dak li mistenni jwettaq.  Iktar moħħu f’min u lil min ser idaħħal jaħdem mal-Gvern milli li jaffronta l-problemi li qed joħloq hu u dawk li għandu quddiemu.  Kollox jindika kemm ma hemmx esperjenza politika u għalhekk is-sitwazzjoni, minn dak li qed naraw hija diġà gravi u ma’ kull jum sejra iktar tiggrava ruħha.


No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...