11.9.14

Nuqqas ta’ viżjoni?



1.      Ix-xahar ta’ Settembru ssoltu jerġa’ jġibna lura għar-realtà politika ta’ kuljum.  Biss din is-sena, bl-eventi li seħħew f’pajjiżi oħra, is-sitwazzjoni baqgħet għaddejja.  Il-konflitti militari li żviluppaw ġiebuna f’pożizzjoni ta’ nkwiet.  Id-dinja reġgħet għaddejja minn żmien ieħor ta’ taqlib li mhux faċli ssib soluzzjoni għalih.  Taqlib li qiegħed ikollu l-konsegwenzi diretti u ser ikollu dawk immedjati.  Dan huwa serju u gravi fih innifsu, però narah iktar għal pajjiżna li huwa stess jinsab għaddej minn mumenti ta’ diffikultajiet tiegħu.  Ngħid dan mhux biex b’xi mod nesaġera.  Wisq inqas biex noqogħdu nitkażaw bi Gvern li qiegħed ma’ kull ġurnata jidher li ma għandux viżjoni, iżda biex wieħed jipprova jifhem u jipprepara miżuri adegwati.

2.      Id-dinja mhix neċessarjament sejra biex iżżid fit-triq tal-paċi u l-istabilità ekonomika.  Naħseb li nkun mhux negattiv iżżejjed jekk ngħid li għandna almenu tnax-il xahar quddiemna bl-effetti xejn tajba tal-gwerer li għaddejjin jibqgħu jkunu ma’ saqajna.  L-ekonomija internazzjonali, żgur mhux forsi, ser tħoss il-konsegwenzi u tnaqqis għandna naraw iktar ma’ dak li rajna.  Diġà l-fatt waħdu li l-kummerċ bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea waqaf kompletament huwa punt li rridu nieħdu inkonsiderazzjoni, aħseb u ara dak li ġej minn partijiet oħra.  Ir-rapporti jidhru li huma fis-sens li r-radikaliżmu Iżlamiku ser ikun ferm iktar qawwi fil-ħidma tiegħu.  Jekk il-miżuri ta’ sigurtà ma jiġux meħuda kif għandhom ser naraw attentati terroristiċi differenti.  Ser fuq dan, żgur mhux forsi, naraw iktar infieq fuq l-armi varji, mekkaniżmi varji ta’ difiża u sigurtà.  Diversi pajjiżi ser jaraw lilhom infushom lura f’dak li seħħ wara l-11 ta’ Settembru 2001 fi New York.  Dan ilkoll nafu x’fisser u r-riżultati mhumiex pożittivi.

3.      Ngħid iktar dan għax qisna f’dawn il-gżejjer għaddejjin mill-ħsieb li d-dinja tagħna ser tibqa’ ddur fejn tal-oħrajn ser tieqaf.  Għalkemm sfortunatament għad hawn ħafna mill-poplu li huma maqtugħin mir-realtà u l-Gvern iktar u iktar, mill-aħħar dokument ekonomiku tiegħu jidher li mhux jifhem x’inhuwa ġej, aħna xorta għandna d-dmir li nressqu dan għall-attenzjoni.  Inressqu l-fatt li l-ekonomija f’pajjiżna bdiet tibgħat messaġġi li ma humiex jittieħdu inkonsiderazzjoni.  Huwa pass tajjeb, għalkemm tard fuq is-snin ta’ qabel, li l-Ministru tal-Finanzi joħroġ bid-dokument ta’ qabel il-baġit, però jidher diġà li mhuwiex jieħu inkonsiderazzjoni dan kollu li għadni kif għidt.  Li wieħed jaqra li ż-żiemel tal-battalja biex l-ekonomija timxi ser ikun kifnaraw fejn qed imorru l-benefiċċji soċjali huwa minnu nnifsu indikattiv.  Il-messaġġ għal dawk fuq il-lemin huwa li ser inneħu minn fuq il-lista iktar nies milli diġà neħħejna.  Linja klassista li, jiġi liema Gvern jiġi biha, qatt ma sservi biex tissoda jew tkabbar l-ekonomija.

4.      Possibbli li meta kellna s-sajf kollu, u iktar dirett fl-aħħar ġimgħa, riżultati xejn pożittivi għalina, dan il-ministeru kellu joħroġ bi programm li huwa kollox barra adegwat?  Ngħid dan quddiem il-fatt li għandek dawn il-konsiderazzjonijiet: l-ewwel kellna l-ikbar tnaqqis fil-bejgħ mill-ħwienet fl-Unjoni Ewropea kollha u dan fir-raba’ tnaqqis f’sitt xhur; it-tieni, li l-persuni fir-riskju tal-faqar flok naqsu żdiedu u issa qegħdin 65,000, jiġifieri 15.7% tal-popolazzjoni; it-tielet, li erġajna waqajna lura għas-47 post fil-Competitive Report tal-Economic World Forum.  Jaħseb xi ħadd li jara minn barra xtutna dak li għaddej u qegħdin inwieġbu għalih li sejrin fuq it-triq it-tajba, li għandna viżjoni soda?  Wisq naħseb li le.  Dan meta iktar u iktar nafu li fil-ġimgħat li għaddew rajna tnaqqis fl-investimenti, rajna iktar kapital jitlaq minn pajjiżna.


5.      Dak li qiegħed iseħħ illum ser ikollu l-konsegwenzi għada pitgħada.  Ma nistgħux ninjorawhom għax dawn ġejjin fuqna xorta.  Id-dokument ta’ qabel il-baġit seta’ sar aħjar.  Dan evidentement ma huwiex fuq it-triq li tindika viżjni strateġika ċara.  Turi biss ideat ta’ konservazzjoni.  Naqqas l-ispejjeż għax b’dan il-mod jiżdied il-profitt.  Biss hawn, f’soċjetà li qegħda tespandi b’rapidità qawwija, f’waħda fejn il-qasma bejn min għandu u min ma għandux qegħda mill-figuri ċari tiżdied, hemm bżonn ta’ ideat aktar diretti.  Iktar u iktar meta diġà għandna pożizzjoni evidenti fejn iċ-ċaqliq ekonomiku qiegħed isir billi min għandu jitteħidlu biex jingħata lil tal-qalba.  Huwa ċar li proġetti li juru li għandna strateġija dinamika għas-snin li ġejjin ma hemmx.  Ma nistgħux nibqgħu naħsbu li mill-gallarija tagħna ser jibqa’ jitla’ u jinżel il-ħobż.  Hemm bżonn ferm iktar minn daqshekk.  L-ideat jidher ċar li naqsu ħafna u hemm bżonn ta’ dibattitu b’saħħtu biex is-soċjetà tagħna tikber u mhux tmur lura.  Dan nittama li jsir, hemm jew ma hemmx viżjoni.  Forsi għas-snin li gejjin, l-istat ekonomiku tajjeb li wiret dan il-Gvern, ma jintilifx.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...