21.8.14

Taw ħajjithom.



1.      Waqt li diversi minna f’dawn il-jiem qegħdin jippruvaw jistrieħu, m’għandniex ninsew dak li għaddew minnu ta’ qabilna.  Ma għandniex ninsew li tnejn u sebgħin sena ilu pajjiżna kien fl-eqqel ta’ taqbid għall-ħajja u għal-libertà tiegħu.  Fid-9 ta’ Awissu 1942 bdiet operazzjoni navali sabiex jinġieb f’pajjiżna ikel u materjal militari sabiex iżommu lil dawn il-gżejjer għadejjin f’sitwazjoni mill-iktar diffiċli.  L-ikel kien naqas u l-poplu kien qiegħed ibati l-ġuħ.  Il-materjal militari kien ġie fl-aħħar huwa wkoll.  Tant is-sitwazzjoni kienet gravi li kien hemm min kien qiegħed jikkontempla li jċedi l-armi.  Iċedi għad-dittarjotii tedeski u taljani, li dak il-mument kienu fl-aqwa tagħhom.  Minn eżami storiku, pajjiżna fl-1942 kien flimkien mal-Ingilterra u r-Russja fost dawk li għadu jgawdi l-libertà tiegħu u jisfida l-potenza ta’ dawk li kienu skjavi ta’ ħsibijiet politiċi anti-demokratiċi, anti-nsara u anti-umani.

2.      L-operazzjoni li bdiet dak li aħna lkoll nafuha bħala l-“konvoj ta’ Santa Marija” telqet minn Ġibiltà mimlija b’bastimenti tal-gwerra u merkantili.  Kienu jafu diġà li kienu deħlin għalih fl-eqqel tas-saħħa militari tal-forza tal-għadu.  Kienu jafu li diversi minnhom kienu ser jitilfu ħajjithom imma xorta waħda ma qagħdux lura minn dmirhom.  Ma qagħdux lura milli jidħlu għal din l-operazzjoni msejħa “Operation Pedestal”.  Fuq dan is-sagrifiċċju pajjiżna ma waqax f’idejn dawk li kieku kienu jagħmlu ħerba minn missirijietna.  Qlajna mill-ajru, qlajna mill-baħar iżda bqajna poplu jgawdi l-libertà.  Bqajna dawk li ma ġewx maqtula, arrestati, torturati u meħuda f’kampijiet ta’ konċentrament bħal dak kollu li għaddew minnu diversi popli oħra fl-Ewropa maqbuda.

3.      L-għan prinċiplai kien dak li żżomm lill-gżejjer tagħna għadejja bħala forza favur il-ħidma għal-liberazzjoni tad-dinja mill-ħakma nażi-faxxista.  Missirijietna, għal darb’oħra kienu parti mill-istorja sbiex valuri Ewropej jinżammu.  Anzi aqwa, sabiex valuri nsara fl-Ewropa jinżammu.  Id-demokrazija hija frott id-dinja nisranija.  Il-libertà, il-ġustizzja, l-ugwaljanza, il-ħniena, il-ġustizzja soċjali huma frott ta’ din il-ġlieda.  Bħalma fl-Assedju l-Kbir il-Maltin u l-Għawdxin kienu dawk li waqfu lill-forzi li kienu differenti, hekk kienu qed jerġgħu jagħmlu issa.  Mhux biss, imma iktar interessanti, li forza żgħira ta’ nies ġiebet bidla, waqqfet forza bil-ferm ikbar u aqwa minnha.  Pajjiżna fl-1565 u fl-1942 kien il-bilanċ determinanti li biddel l-istorja u l-eventi ta’ gwerer u forzi devastanti.

4.      Il-forza Ingliża u Amerikana telqet disa’ mija u disgħin mil b’forza qawwija militari u merkantili.  Għamlu hekk għax kienu diġà jafu li t-telf kien sejjer ikun qawwi u għoli.  Il-prezz biex pajjiżna jibqa’ għaddej kien għoli.  Niżlu aircraft carrier, żewġ cruisers, destroyers, żewġ sottomarini u disa’ vapuri merkantili.  Magħhom mietu diversi baħrin ta’ nazzjonalità fosthom Maltin u Għawdxin ukoll.  Waslu oħrajn, però mill-erbatax-il biċċa merkantili li telqu daħlu biss ħamsa.  Dawn kienu determinanti għal missirijietna li kienu diġà draw jgħixu fil-miżerja.  L-aktar importanti kien il-bastiment “Ohio” mimli biż-żejt li taħt id-direzzjoni kuraġġuża tal-Kaptan Dudley William Mason irnexxielu jidħol fil-Port il-Kbir.

5.      L-“SS Ohio” daħal fil-port fid-9.30 ta’ filgħodu akkumpanjat minn żewġ tug boats, waħda fuq naħa u oħra fuq l-oħra, f’silenzju ta’ dawk li kienu ħarġu proprju f’Santa Marija biex jarawh jitkellem waħdu.  Attakkat feroċement, f’mument abbandunat mill-baħrin, xorta ma riedx jinżel, miżmum minn id misterjuża.  Il-kwantità kbira ta’ daqqiet li sofra dan il-bastiment huwa verament inkredibbli, iżda daqshekk ieħor ir-reżistenza tiegħu.  Il-gwerra kellha dan il-mument bħala ġarti mir-riħ li biddel l-istorja.  Dik l-id provvidenzjali li l-poplu f’dawn il-gżejjer kien jagħraf jagħti iktar fiduċja fiha biddlet dak li skont il-loġika umana kellha tkun il-kontra.  Flok niżel baqa’ fil-wiċċ.  Flok intilef ġie għas-servizz tagħna.  Minn dak il-ħin, il-kors ta’ dak li kien qed jiġri fil-Mediterran inbidel.  Pajjiżna ma beżax, ħa d-deċiżjonijiet it-tajba.  Ma abbandunax il-libertà għad-dittatorjat.

6.      Tul din il-ġimgħa ħadt pjaċir nara u nkun preżenti għal żewġ affrijiet.  L-ewwel li l-grupp Kite Group ippubblika ktieb fuq dan bl-isem “Santa Maria Convoy – The Fate of a Nation”.  Il-kotba m’humiex sempliċi karta imma assigurazzjoni li l-memorja ta’ dak li seħħ tibqa’ tiġi mġedda.  It-tieni, li nkun fost diversi persuni li servew fl-aħħar gwerra fix-Xatt tal-Belt waqt li kien qed jerġa’ jiġi kommemorat dak li wettqu l-eroja ta’ missirijietna.  (Vera li f’mument il-jum kien ser jieqaf ħesrem appena nqata’ d-dawl u kien hemm min f’daqqa sab diffikultà, imma fortunatament is-sitwazzjoni ġiet rimedjata).  Li tiltaqa’ u tiftakar tkun qed tagħti ġieħ u rispett lil dawk li telqu qabel.  Illum għandna pajjiż demokratiku u Ewropew, wieħed li fih hemm miżrugħa prinċipji u valuri nsara proprju  minħabba dak li għamlu ta’ qabilna.  Kienu huma li taw ħajjithom għal dan.  Dmirna huwa, l-ewwel li nassiguraw li dak li wettqu ma jintesiex.  It-tieni, li dak li għandna ma jintilifx u t-tielet, li nibqgħu nikkumbattu lil dawk li jridu jġibu fi ħdanna valuri anti-demokratiċi u nsara.




No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...