5.8.14

Il-kultura tagħna



1.         Fil-kampanji medjatiċi li għadejjin hemm waħda partikolari li tinstem’a regolarment.  Il-poplu, fil-maġġoranza tiegħu, jagħraf li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern f’ħamsa u għoxrin sena għamel ħafna xogħol.  Biddel ferm iktar milli huwa jew ħaddieħor seta’ jaħseb.  Quddiem din ir-reputazzjoni tajba, l-Partit Laburista jrid jara kif jaffronta dak li huwa ċar u ovvju.  Irid jara kif jipprova jikkonvinċi ‘l-kontra.  Dan qiegħed isir billi ma kull kantuniera, f’bumbardament qawwi, jridu jgħidu li ħaġa jew oħra ma saritx mill-Gvern preċedenti.  Żgur mhux forsi, kien u jibqa’ impossibbli jsir kollox minn xi Gvern partikolari.  Kull min huwa rasu fuq għonqu jagħraf li dan ma jistax ikun.

2.      Biss, il-poplu li jrid jaħseb u jibbilanċja dak li sar ma’ dak li huwa għaddej, kapaċi jifred il-propaganda mir-realtà.  Għax il-verità hija li l-elettorat, għal diversi snin, ipprefera ‘l-Partit Nazzjonalista għal numru ta’ raġunijiet.  L-opinjoni tal-votant ma kenitx espressa fil-vojt, iżda fi ħdan proċess ta’ bidla u riforma li kien nieżel tajjeb mingħajr konfużjoni.  Bidliet li mexxew il-pajjiż ‘il quddiem.  Il-finanzi baqgħu sodi u reġew il-maltemp.  L-istat soċjali baqa’ jżid.  U dan fi ħdan id-dħul ambizzjuż ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.  Il-poplu ma vvutax għal ħolma iżda għal dik li kienet u baqgħet realtà.

3.      Fl-aħħar elezzjoni ġenerali l-partit tilef mal-poplu dik l-abbiltà u fiduċja li kien irnexxielu jibni qabel.  Din hija r-realtà.  Huwa ħass li hemm bżonn li mmorru fl-Oppożizzjoni sabiex nerġgħu nsiru dak li konna u li maż-żmien tlifna.  Diversi jesprimu l-opinjoni tagħhom f’din id-direzzjoni u għalhekk ngħid li ma għandux jiġi traskurat li parti tajba tal-elettorat iridna nieħdu lura s-sens u s-sustanza politika tagħna.  Inservu lura bħala partit moderat, b’abbiltà li jaħdem fl-isfidi li d-dinja tressaq u dan fid-dawl tal-valuri nsara li sawruh.  Ngħid li l-elettorat li vvutalna jew li kien jagħmel hekk ma jippretendix bidliet fil-prinċipji, iżda li jiġu mħaddna lura u prattikati.

4.      Ma hemmx dubju li ma aħniex partit konfessjonali iżda wieħed li jappella u jirrappreżenta lil dawk li jaraw li l-politiċi għandhom ikollhom direzzjoni ċara.  M’aħniex u wisq inqas nistgħu nkunu ateju li nbiddlu l-opinjoni skont l-udjenza, ir-riħ, iċ-ċirkostanzi, jew x’naħsbu li ser jaqblilna.  Il-partit, mill-bidu tiegħu kien wieħed li jrid id-demokrazija, jispira ruħu mill-valuri nsara u li jħares lejn li jieħu t-tmexxija ta’ pajjiżu f’idejh f’nazzjonaliżmu modeat u mhux estremista.  Kienu proprju dan li ġie riaffermat f’diversi mumenti tal-istorja tagħna.  Kien ukoll proprju fuq hekk li l-mibki President Emeritu Ċensu Tabone kien stinka, ġieb u daħħal lill-partit fost il-familja tal-partiti demokristjani, illum il-Partit Popolari Ewropew.

5.      Il-kultura politika tagħna dik hi u kienet hija li wasslet għal riżultati elettorali u għall-ħidma nazzjonali.  Il-partit ipprova lilu nnifsu billi żamm lilu nnifsu, f’ħafna mumenti twal, mal-programm li bena bażat fuq il-valuri demokristiċi nsara tiegħu.  Ipprova li dak li kien qiegħed iwettaq jissarraf f’suċċess għat-tkabbir soċjali u ekonomiku ta’ dawn il-gżejjer.  Jistgħu tal-Partit Laburista jgħidu li f’ħamsa u għoxrin sena ma sar xejn, biss ħadd f’sensih ma jemmen dan għax il-fatti huma differenti.

6.      Ngħid li l-elettorat idenfikat bħala “tagħna”  u dak li jagħżel fejn iħoss li huwa l-aħjar għaliħ jippretendi dan minna.  Ħadd ma jridna nsiru dak li m’aħniex, jew li ma nistgħux inkunu.  Ħadd ma huwa jippretendi li billi nħarsu lejn uċuħ oħra ser niġbdu iktar.  Anzi, hemm diversi li qed jippruvaw jgħixu u jisbu saqajhom ma’ gvern li huwa imprevedibbli u li qiegħed jiġi b’ideat li ma jħaddnux.  Hemm diġà din l-avverżjoni u l-għarfien li hemm ir-realtà li wieħed irid jgħix magħha.  Biss dan ma jfissirx li hemm konverżjoni lejn politika differenti minn tagħna.

7.      Bejn dak li sar bil-ħsieb u dak li sar b’reazzjoni, is-sitwazzjoni politika għall-Partit Nazzjonalista titlob aktar u aktar minnu.  Iktar u iktar meta l-formula tal-programm politiku tal-Gvern tal-ġurnata qed issir fuq dak li jiġri fit-triq.  Il-poplu diġà qiegħed iħoss li l-affarijiet jistgħu jinbidlu f’daqqa u li l-istabilità li kien hemm qabel issa tnaqqset.  Għalhekk ngħid li m’għandniex niddubitaw minn dak li ħaddieħor iridna.  L-ewwel, f’dak li sar minn f’ħamsa u għoxrin sena u t-tieni, fil-valuri politiċi nsara tagħna.  Żammejna sodi f’ħafna diffikultajiet.  Issa iktar minn qabel, is-sejħa tagħna hija proprju din.  Il-poplu konsistenza u riżultati jrid.  Nibqgħu hekk sodi, ċari u konsistenti sabiex ninbnew lura fi ħdan il-kultura politika tagħna.



No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...