5.8.14

Id-demokrazija hija d-dritt tagħna.



1.      Il-poplu f’dawn l-aħħar jiem żied fl-inkwiet tiegħu.  Bl-aħbar tal-Gvern li beħsiebu jipposponi għal perjodu twil l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, diversi qed iħossu li l-affarijiet qabdu triq aktar ‘l isfel.  Diversi qed jaraw, mill-analiżi tagħhom, li bdejna nnaqqsu mis-sustanza tat-tessut demokratiku.  Il-Kunsilli Lokali huma importanti ħafna fil-proċess ta’ deċentralizzazzjoni tal-poter.  Għalkemm żgur li hemm min m’għandux grazzja magħhom kif ukoll oħrajn li, anzi, d-deċiżjonijiet tal-Kunsilli ma jolqtuhomx.  Biss, hawn għarfien fil-pajjiż li d-dritt tal-vot tagħhom  m’għandux jiġi miżmum.  Il-loġika u r-raġuni fuq dan il-punt huma għal darb’oħra kontra dan il-Gvern.  Tista’ tipprova tipposponi bi ftit għal raġuni jew oħra, imma meta effettivament iċċaħħad id-dritt tal-vot, allura diversi jifhmu li d-demokrazija sejra lura.

2.      Il-pajjiż issa jħossu ferm iktar demokratiku u liberu milli qatt kien qabel.  Dak li għandu għalih huwa dritt u ma jħossx li għandu jkollu min, f’isem skuża jew oħra, ineħħih.  Il-poplu m’huwiex konvint li hemm xi raġuni gravi tant li timmerita posponiment twil bħal dan.  Ma jarax li għandna nitilfu mid-dritt għad-demokrazija li nġieb mertu tat-tbatijiet tal-passat.  Ħadd ma jrid imur lura lejn dak li konna.  Biss, dan il-Gvern jidher li hekk irid.  Daqqa jgħid li hija proposta, daqqa li hija ċertezza.  Żgur mhux forsi, l-elettorat fehem li ser jiċċaħħadlu d-dritt li jagħżel lil min jirrappreżentah fil-Kunsilli Lokali.  Liema kunsilliera, liema partit ser ikun hemm kienu jiddependu mill-espressjoni popolari, però issa jidher li l-Gvern ser jagħżel hu.

3.      Il-Kunsilli Lokali saru mertu tal-Partit Nazzjonalista u forsi għax huma uliedna li nħossu tant sabiex jibqgħu hemm, jaħdmu u jwettqu ħidmiethom.  Appena tneħħi d-dritt demokratiku tal-vot popolari tkun qiegħed tibdel is-sistema ta’ taħt fuq.  Iġġib li l-kunsilliera jagħżilhom il-Gvern u mhux il-poplu.  Dan huwa żball, iktar u iktar meta wieħed iżomm f’moħħu li elezzjoni tnaqqas mill-arroganza u żżid fl-umiltà ta’ min jirrappreżentana.  Mhux biss, imma tnaqqas mill-ħeġġa li wieħed soltu jkollu wara elezzjoni biex jibdel.  Ngħidu x’ngħidu, l-elezzjonijiet f’pajjiżna jservu sabiex ħafna minn dawk li jridu jiġu eletti jmorru lura jiltaqgħu u jħabbtu l-bibien.  Jerġgħu jifhmu dak li l-poplu jkun għaddej minnu, jaraw x’wettqu u x’jista’ jiġi propost.  Din il-forza dinamika issa ser tmur lura kompletament.

4.      Dak li qed ngħid tista’ żżid miegħu ferm iktar argumenti, ma hemmx dubju, però quddiem dak li huwa ovvju hemm id-domanda li qegħda ssir.  Il-poplu qed jara li min qiegħed imexxi ma jridx jgħid x’inhija l-vera raġuni wara l-aġir tiegħu.  Diġà l-pajjiż qed isib ruħu fl-għamad minn dak li l-Gvern irid iwettaq fuq diversi sitwazzjonijiet.  Din qegħda tibgħat iktar il-messaġġ li hemm aġenda moħbija li trid tmur kontra d-demokrazija.  F’dawn l-aħħar jiem qegħdin jiżdiedu is-sitwazzjonijiet fejn insibu lill-Gvern jaħbi u ma jridx jgħid il-verità.  Il-poplu għandu dritt ikun jaf il-verità f’soċjetà demokratika u min jiġi elett f’ismu għandu d-dmir li jinfurmah għala ddeċieda ħaġa u għala oħra.  Dan m’huwiex qiegħed isir, la fuq il-kwistjoni tal-Kunsilli Lokali u anqas fuq diversi oħrajn.

5.      Din il-ġimgħa kienet dominata appuntu minn tlett punti prinċipali oħra.  L-ewwel punt: għala l-Gvern baqa’ jgħid li ma hemmx emerġenza jew urġenza fil-Libja, u ħabata u sabta f’jumejn dawwar il-ħsieb kompletament.  Għala kien ilu jiċħad dan kollu, meta sab lilu nnifsu f’sitwazzjonijiet imbarazzanti għall-aħħar?  It-tieni punt, li huwa wkoll kien fuq ilsien in-nies sew huwa marbut ma’ dak li għadda minnu ċittadin Malti maħtuf fil-Libja.  Wara li diversi qraw dak li qal fil-gazzetta The Malta Independent, staqsew għala l-amministrazzjoni riedet taħbi u tbiddel ħafna fatti.  Għala l-Gvern ħass li biex jieħu xi forom ta’ glorja kellu jagħti verżjonijiet differenti li jmorru kompletament il-kontra?  It-tielet: għala għal iktar ħin jibqa’ ma jagħtix spjega ċara u loġika dwar x’wassal lil Kummissarju tal-Pulizija maħtur għal ftit żmien minn dan il-Gvern imur il-kontra fuq dak li ta’ qabel kien iddeċieda?  Smajna għal darb’oħra lill-ex Kummissarju John Rizzo jixhed bil-mod ċar, loġiku u sempliċi tiegħu x’kien ser jiġri, li kien hemm passi legali x’jiġu meħuda u għal dan il-Gvern ma jispjegax.  X’inhija r-raġuni għala qed jerġa’ jsir il-ħabi fuq dan?  Għala, għal darb’oħra, il-verità mhix qegħda tingħad?

6.      Demokrazija tikber u tissoda lilha nnifisha fuq il-pilastru tal-verità.  Meta tmexija tagħżel li tmur kontra dan, allura tibda tkisser lilha nnifisha u tkisser magħha ‘l-pajjiż.  Jgħidulna biex ma nkunux negattivi, però nittama li ħadd ma huwa jitlob mingħandna li nitolbu mill-Gvern il-verità.  Jgħidulna biex inkunu pożittivi, però nittama li ħadd ma jippretendi mingħandna li nkunu sostenituri tal-anti-verità.  Il-poplu bata’ ħafna snin twal ilu, però mertu tal-ħamsa u għoxrin sena ta’ tmexxija Nazzjonalista ra d-demokrazija tikber u tissaħħaħ.  Żgur mhux forsi li l-Oppożizzjoni ser tibqa’ twettaq dmirha sew sabiex tibqa’ strument demokratiku: wieħed li jassigura li jibqa’ jkun hemm forza tas-sewwa.  Dan għax il-poplu jixraqlu, l-ewwel li tingħadlu l-verità; u t-tieni, li d-dritt tad-demokrazija ma jmurx lura.






No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...