18.2.14

Ħolm u fantasija politika.



1.         Il-ġimgħa bdiet u kompliet tisma’ diskorsi minn naħa tal-Prim Ministru.  Kliem li għal kull min semagħhom fehem li ma nbidel xejn.  Anzi, diversi ħasbu li kien ingħata diskorsi żbaljati.  Mid-diskorsi li kienu ġew preparati għal qabel l-elezzjoni ġenerali jidher li kien għad fadal xi oħrajn fuq ir-riħ.  Ma nħlewx.  Reġgħu ngħadu bl-istess mod, bl-istess kontenut.  L-istess ħolm, l-istess fantasija li jiġu permessi lil dawk li għadhom ma jafux il-poter x’verament hu.  Jitkellmu f’dinja għalihom u, wara li l-elettorat ikun esprima ruħu, wieħed jippretendi li jipprova jsib saqajh.

2.         Biss, wara dawn il-ħdax-il xahar, il-Prim Ministru baqa’ jinnega r-realtà.  Tant fl-opinjoni tiegħu ppreżenta tajjeb il-pakket, tant ipperswada lilu nnifsu minn dak li kien qiegħed joħlom bih, li issa qed ikollu diffikultajiet biex joħroġ minnha.  Il-ħolma, is-sakra politika tant tidher li qed tinħakem li jrid, għal darb’oħra, jerġa’ jisqina dak li pprova qabel.  Id-differenza hija ċara.  Qabel ried li jibla’ ħaddieħor.  Issa qed isib ruħu f’salib it-toroq u jifhem li dak li tema’ m’huwiex frott tajjeb.  Ħadd, iktar u iktar, bid-deċiżjonijiet żbaljati li ġew meħuda minnu f’dawn ix-xhur.

3.         Il-Gvern immexxi minnu rnexxielu jħawwad sew l-affarijiet.  Dak li kien tajjeb irid jiskartah u jneħħih.  Minfliku qed idaħħal dak li ma jistax jaħdem.  Iż-żmien għaddej u s-sitwazzjoni qegħda, jum wara jum, taggrava ruħha.  L-ekonomija bdiet titmermer.  Il-poplu beda jħoss l-effett ta’ amministrazzjoni ġdida.  Is-suq tax-xogħol beda jmur lura.  L-amministrazzjoni tidher li bdiet tixxotta mill-ideat.  Id-delinkwenza bdiet tgħolli rasha sew.  Soluzzjonijiet ġodda għal dawn il-problemi ma hemmx u dan, għal dawk li jgħixu mal-bnedmin, qed jarawh.

4.         Minn dan kollu qiegħed ilaqqagħna ma’ ħidma fantażma.  Tidher li qed issir, però meta tanalizza ssib li hija biss ħolm u fantasija.  Il-Ħadd li għadda rajnih lill-Prim Ministru jieħu pjaċir jisma’ l-vuċi tiegħu.  Rajnih u smajnih jgħid dak li ilu jgħid u ma li ma jistax jitwettaq.  Ma jistax, għax altru meta twiegħed lil dak u lill-ieħor, u altru meta tiġi biex taffronta s-sitwazzjoni ma’ dawk li dħakt bihom u ħadtilhom il-vot.  F’dawn ix-xhur, il-Gvern għandu ġewwa diversi persuni li qdihom fuq dahar il-poplu, uħud qabdu t-triq li jdaħħlu flejjes li m’humiex jaħdmu għalihom.  Il-konsulenti ma naqsux, b’onorarji inġustifikati.  Li kieku ma hemmx l-Oppożizzjoni, kieku anqas ħadd ma jkun infurmat min huma dawk il-konsulenti u min m’humiex.

5.         Quddiem xenarju xejn tajjeb, il-Prim Ministru kompla għaddej f’din il-linja ta’ ħolm u fantasija matul il-ġimgħa, meta ltaqa’ mal-membri tal-Kamra tal-Kummerċ.  Mid-diskors li sar, kien jidher ċar li kien interessat f’ħaġa waħda biss: dik li tidher barra li ġiet solvuta s-sitwazzjoni ta’ ħaddiema li sabu ruħhom bla xogħol.  Kompla jidħak bih innifsu.  Dan għax ekonomija tajba żżid naturalment il-postijiet tax-xogħol.  Meta tibda titlifhom, dak huwa minnu nnifsu indikattiv li l-affarijiet qabdu triq li ma kellhomx.  U anzi, li tipprova ddeffishom naħa jew oħra, kull ma tkun qed tagħmel huwa min-naħa tagħti kundizzjonijiet mhux tajba lill-ħaddiema u mill-oħra tnaqqas il-flessibilità tal-kumpanija.
6.         Minn dak li ngħad, jidher ċar li programmi ġodda ma hemmx u l-finanzi tal-pajjiż qed jibdew iħossu l-impatt ta’ dan.  Ir-rikorrent kompla żdied u dan ser ikompli jniżżilna ‘l isfel.  Il-pajjiż beda jħoss l-impatt ta’ dak li qiegħed isir.  Beda jifhem li bid-diskors tista’ toħlom, imma l-ħajja mhix ħolma iżda realtà.  Il-politika t-tajba, dik ta’ sens u sustanza titlob iktar.  Tħares li ssolvi l-problemi, mhux taħrab minnhom.  Tħares li ssib sostenn għal min huwa minn taħt, għal min huwa ‘l isfel.  L-Oppożizzjoni qed tagħmel ħilitha biex tiftaħ għajnejn il-Gvern billi tqajmu minn din il-ħolma u joħroġ mill-fantasija.  Imma dan irid jibqa’ rieqed.





No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...