18.2.14

Il-Prim Ministru Muscat jgħidlek mod u jagħmel mod ieħor.



Kull ma jmur qiegħed joħroġ aktar biċ-ċar kemm il-Prim Ministru Muscat qed jgħid mod u jagħmel mod ieħor. Fl-oqsma kollha ta’ gvernar, fil-ħolqien tax-xogħol, fl-onestà u l-integrità politika, Joseph Muscat jgħid mod u jagħmel eżatt l-oppost. Din żgur mhijiex il-bidla li kellu jdaħħal f’pajjiżna l-Prim Ministru Muscat.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fi djalogu fl-Uffiċċju tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal-Qormi. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li l-Prim Ministru ġie elett fuq l-għajta tal-ħolqien tax-xogħol u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Iżda flok ħoloq ix-xogħol f'pajjiżna, f’dawn l-aħħar xhur il-Prim Ministru beda jitlef il-kontroll tas-sitwazzjoni tal-qgħad u saħansitra r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ laħqet il-15%. Ix-xogħol jagħti d-dinjità lin-nies u jagħti l-kwalità tal-ħajja lill-familja Maltin u Għawdxin, iżda l-Gvern sfortunatament jinsab mehdi bi prijoritajiet oħrajn.

Waqt id-diskors tiegħu, Simon Busuttil qara messaġġ imqanqal li rċieva mingħand wieħed mill-110 ħaddiema mill-kumpanija Arrow Pharm li se jitilfu xogħolhom fil-ġimgħat li ġejjin. Dan il-ħaddiem esprima d-diżappunt tiegħu dwar kif filwaqt li l-Gvern wegħdhom xogħol alternattiv, dan l-istess xogħol huwa wieħed prekarju u mibni fuq il-minimum wage. Dan minkejja li l-Prim Ministru Muscat qal li se jagħmel kruċjata kontra x-xogħol prekarju fil-kampanja elettorali sena ilu. 

Fl-istess waqt li l-ħaddiema tal-Arrow Pharm qegħdin jiġu offruti x-xogħol prekarju, illum kompliet toħroġ l-ipokresija ta’ dan il-Gvern bil-konferma li persuna oħra tal-qalba, din id-darba d-Deputat Laburista Joe Debono Grech, inħatar konsulent tal-Ministru ta’ Għawdex b’paga ta’ €12,000 fis-sena minbarra l-onorarja parlamentari u l-pensjoni li qed jaqla. 

Anke fil-qasam tal-ġustizzja, qal Simon Busuttil, il-Prim Ministru Muscat iwiegħed mod u jagħmel kompletament l-oppost. Minkejja li l-Prim Ministru stqarr pubblikament li jrid jagħmel riforma fil-qasam tal-ġustizzja, f’każ gravissimu fejn Imħallef instab ħati prima facie ta’ mġieba mhux xierqa, il-Gvern qed jivvinta kull skuża possibli biex dan ma jiġix imneħħi mill-kariga tiegħu qabel ma jiġi ż-żmien li jirtira. Din hija daqqa ta’ ħarta għall-ġustizzja u għad-demokrazija f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-kwistjoni inkwetanti tat-tankijiet tal-ħażna tal-gass f’Marsaxlokk, fejn minkejja li diversi esperti, ir-residenti tan-nofsinhar ta’ Malta, il-Freeport u saħansitra anke l-kaptan tal-istess vapur li fuqu se jiġu maħżun il-gass, wissew kontra l-pjan tal-Gvern li din il-ħażna tinżamm fil-bajja ta’ Marsaxlokk, il-Prim Ministru xorta se jwebbes rasu u jimxi bid-deċiżjoni tiegħu li jankra l-periklu f’Marsaxlokk. 

Simon Busuttil fakkar ukoll fil-wegħda ta’ Joseph Muscat li jirriżenja jekk il-power station il-ġdid ma jkunx lest fil-ħin. Għalhekk, il-pjan mgħaġġel u żbaljat li qed jisforza l-Prim Ministru huwa att ta’ irresponsabbiltà gravi fejn il-Prim Ministru qed ipoġġi l-interessi politiċi tiegħu qabel is-sigurtà u s-serħan il-moħħ tal-poplu Malti. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li dan l-aġir hu kundannabli u l-Oppożizzjoni se tkun hemm għar-residenti tan-nofsinhar ta’ Malta jekk il-Prim Ministru u l-Gvern tiegħu jibqgħu jipprovaw jirrumblaw minn fuqhom.

Waqt id-djalogu tkellmu wkoll il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola u l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Ray Bugeja u Stefano Mallia, li tkellmu dwar ix-xogħol, l-investiment u l-qasam soċjali.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...