18.2.14

Il-Prim Ministru m’għandu l-ebda awtorità li jagħti maħfra għall-korruzzjoni.



Il-Prim Ministru Muscat m’għandu l-ebda awtorità li jagħti maħfra għal reati ta’ tixħim, jiġifieri għal korruzzjoni, marbuta mal-iskandlu tas-serq tal-elettriku li ġie żvelat fil-ġranet li għaddew. Dawk il-persuni li ġew identifikati f’dan il-każ mhux biss serqu d-dawl billi bagħbsu l-meter imma xaħħmu wkoll uffiċjali pubbliċi tal-Enemalta biex dawn jagħtuhom meter imbagħbas jew biex jgħidulhom kif ibagħbsuh. Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li jipprova jagħti maħfra għall-korruzzjoni tmur għalkollox kontra dak li wiegħed fil-kampanja elettorali, ċjoè li se jiġġieled il-korruzzjoni bis-saħħa kollha tiegħu. 

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit u Kelliem għall-Ġustizzja Beppe Fenech Adami f’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Dr Fenech Adami kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-Prim Ministru Muscat diġà qal li jaf minn huma l-1,000 persuna li allegatament ħallsu mhux inqas minn €1,200 biex bagħbsu l-meters tagħhom b’tali mod li jħallsu biss 25% tal-elettriku li jikkonsmaw. Madankollu, il-Prim Ministru qed jagħżel li jiddefendi lil min abbuża u seraq id-dawl u kkorrompa lil uffiċċjali pubbliċi biex jagħmel dan, minflok jiżgura li l-kors tal-ġustizzja jkompli miexi kif suppost. 

Beppe Fenech Adami sejjaħ id-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jipprova jaħfer il-korruzzjoni bħala l-akbar skandlu tal-Gvern Laburista fl-ewwel sena tat-tmexxija tiegħu. B’din id-deċiżjoni skandluża, immorali u għalkollox irresponsabbli, il-Prim Ministru għażel li jibqa’ passiv u jagħti maħfra lil min xaħħam uffiċjali pubbliċi minflok fetaħ proċeduri kriminali kontra tagħhom kif kien mistenni li jsir. 

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru tkompli timmina ir-rwol tal-Pulizija li għandha l-obbligu u d-dmir li tieħu passi kontra kull min allegatament wettaq azzjoni ta’ korruzzjoni. Dan mhux mod kif għandu jitmexxa pajjiż demokratiku.

Waqt l-istess konferenza tkellem ukoll il-Kelliem għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino li stqarr li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hija ċara kontra kull forma ta’ korruzzjoni. George Pullicino staqsa għalfejn il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi mhux qed iwieġeb domandi diretti li saru fil-konfront tiegħu b’rabta ma’ dan il-każ. 

George Pullicino rrefera għall-ħaddiem tal-Enemalta fid-Diviżjoni tal-Finanzi Louis Attard li huwa wieħed mill-ħaddiema li ġew sospiżi b’rabta ma’ dan il-każ. Louis Attard hu persuna viċina u fdata ħafna mill-Ministru Konrad Mizzi, tant li ġiet maħtura liaison officer bejn il-Ministru u l-Enemalta f’din il-leġiżlatura b’allowance addizzjonali, u għalhekk George Pullicino staqsa għalfejn il-Ministru baqa’ jostor dan l-isem, inkluż fl-istqarrija li l-Ministeru tal-Enerġija ħareġ dwar dan il-każ. 

--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...