18.2.14

Il-Prim Ministru għandu jpoġġi s-sigurtà tar-residenti qabel l-interessi partiġġjani tiegħu



Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jpoġġi s-sigurtà tar-residenti tan-nofsinhar ta’ Malta qabel kull kunsiderazzjoni oħra fid-deċiżjoni dwar il-ħażna tal-gass għall-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-power station il-ġdid. Bid-deċiżjoni tiegħu li jkompli jwebbes rasu u jaħżen il-gass fuq vapur fil-bajja ta’ Marsaxlokk, il-Prim Ministru Muscat qiegħed jinjora t-talba ta’ 91% tar-residenti ta’ Marsaxlokk u Birzebbuga u jpoġġi lill-istess residenti fil-periklu.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara lir-residenti ta’ Birzebbuga llum wara nofsinhar. Simon Busuttil kien akkumpanjat mill-kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta’ Birzebbuga l-Inġinier Stanley Zammit.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li fil-ferneżija tiegħu biex iżomm mal-wegħdiet li għamel qabel l-elezzjoni, il-Prim Ministru Muscat qed jinjora għalkollox dak li qed jgħidulu l-esperti indipendenti, il-kaptan tal-vapur li fuqu se jiġi maħżun il-gass, id-diriġenti tal-Freeport u r-residenti fin-nofsinhar ta’ Malta. Agħar minn hekk, qiegħed jieħu deċiżjonijiet li jikkompromettu s-sigurtà tar-residenti u tal-interessi kummerċjali fir-reġjun.

Simon Busuttil tenna li l-Prim Ministru għandu soluzzjonijiet oħra għall-ħażna tal-gass li ma jistax ikompli jinjorahom, fosthom li jaħżen il-gass fuq floating terminal barra l-bajja ta’ Marsaxlokk. Din hi l-preferenza tal-esperti u tar-residenti, u huwa inaċċettabbli li l-Gvern qed ikompli jwebbes rasu fuq kwistjoni daqstant importanti. Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun hemm għar-residenti tan-nofsinhar ta’ Malta jekk il-Prim Ministru jkompli jipprova jirrombla minn fuqhom.

Waqt iż-żjara, il-kunsillier tal-Partit Nazzjonalista l-Inġ Stanley Zammit spjega r-riskji abbinati mad-deċiżjoni tal-Gvern li jaħżen il-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Hu stqarr li anke jekk jinżammu l-aqwa standards ta’ sigurtà fuq il-vapuri li jaħżnu l-gass, dejjem jibqgħu riskji relatati mal-fatt li l-gass qed jiġi maħżun fuq il-baħar, malfunctions u ma’ kawżi naturali li jistgħu jħallu impatt negattiv ferm fuq il-pajjiż kollu. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...