21.11.13

Ferita Nazzjonali



1.         L-unur ma jistax jinxtara.  Jista’ jinkiseb maż-żmien.  Jinkiseb bl-imġieba tajba kostanti, onesta u retta.  Iktar ma wieħed iżomm ruħu marbut mal-prinċipji tas-sewwa, iktar jikbirlu l-unur.  Jikbirlu miegħu nnifsu li jagħraf li qiegħed jimxi b’umiltà fit-triq id-dritta; u t-tieni ma’ dawk li jżommu ruħhom mal-bnedmin ta’ rieda tajba.  Faċli titlifha.  Diffiċli żżommha.  Taf li hemm min ikun iridlek il-ġid u hemm min id-deni.  Tal-ewwel jarawk fuq dak li tkun qed tagħmel; tat-tieni jieħdu kull okkażjoni sabiex ikerrħuk.

2.         Dawk huma r-regoli naturali tal-ħajja.  Taf diġà li hemm min jgħir għalik, jew jaħseb li ser jieħu gwadann billi jkerrħek, però tkun qed tiżbalja bil-kbir meta ġġib l-għali fuqek.  Meta tkun kaġun inti stess tat-tkissir tar-reputazzjoni tiegħek, allura ma tantx tista’ titkellem.  Tagħti vantaġġ lil ħaddieħor u fl-istess ħin tinżel niżla li, tagħmel x’tagħmel, tkun diffiċli ħafna biex terġa’ ġġibha lura.  Torbot mażżra miegħek innifsek li iktar ma tissielet magħha, iktar tissikkak.  Il-ġudizzju, l-għaqal u l-prudenza jżommuk milli taqa’ f’dan il-bir, però jekk ma tagħtix każ tagħhom u tiddisprezzahom allura ma hemmx ħlief li twaħħal fik innifsek.

3.         Il-valuri taċ-ċiviltà tagħna huma ċari.  Bażati fuq prinċipji li ssawru maż-żmien u li bbażaw ruħhom manifestament fuq dawk insara.  Jekk tarmi dawn l-ankri li bihom twettaq is-sewwa u tagħmel il-ġid lill-proxxmu, tarmi lilek innifsek.  Hemm min irid jisfida sekli sħaħ ta’ esperjenzi umani u jmur il-kontra għax jimmaġina li sab triq ġdida.  Jista’, però kull ma jkun qiegħed jagħmel huwa li jidħak bih innifsu u b’dawk li fdawh.  Mhux biss, imma meta jonqos li jagħraf li dan it-tagħlim iżommok ‘il bogħod mill-iżbalji jispiċċa jħossu komdu ma’ dak li m’huwiex sewwa.  L-unur jiddependi wkoll kemm trid tħobb l-indafa u kemm tħossok paxxut ma’ dak li m’huwiex.

4.         Il-liġi dwar iċ-ċittadinanza, dik l-emenda li biha issa ser nibdew infittxu li nbiegħu ċ-ċittadinanza tagħna hija każ mill-iktar ċar ta’ dan.  Aħna fl-Oppożizzjoni qegħdin u liġi bħal din qatt ma għamilna jew qatt ma konna ser nagħmluha.  Stajna biss nopponu għaliha, u hekk għamilna billi kull membru tagħna tkellem kontra.  L-obbligu, ir-responsabbiltà qegħdin b’mod qawwi fuq il-Gvern.  Huwa hu li ħareġ b’din il-liġi u għalhekk irid iwieġeb għall-effetti ħżiena tagħha.

5.         Huma ħżiena għax ebda poplu ma jarmi unuru, ma jasal li jbiegħ dak li huwa l-iktar għażiż għalih innifsu.  B’din il-liġi, flus mhux xierqa jistgħu jidħlu imma biha d-dinjità tagħna qed tintrema.  Biha l-Gvernh fetaħ attakk għas-sens b’saħħtu ta’ nazzjonaliżmu tagħna.  Mhux dak estremista iżda dak li għalih aħna kburin, li jagħtina sens ta’ rabta u kburija.  Kien hemm żmien meta kien hemm soċjetajiet antiki u primittivi li kienu jippermettu aġir kontra n-natura umana.  Kellna dawk li kienu jippermettu familji li sforz il-faqar ibiegħu ‘l uliedhom.  Biss dan iż-żmien għadda.

6.         Pajjiżna m’għandux bżonn jasal f’dan ix-xifer.  Diġà qed nieħdu reputazzjoni ħażina barra minn xtutna biha.  Diġà gazzetti barranin qed jirrappurtaw b’ebda forma ta’ tifħir għalina li aħna qegħdin inbiegħu dak li huwa l-iktar għażiż għalina.  Diġà qed tidher barra li min ser jixtri din iċ-ċittadinanza ser jagħmel hekk għax għandu bżonn, għax għandu xi ħaġa li jrid jaħbi, għax għandu storja passata xejn tajba.  U l-liġi qed tkompli ssaħħaħ din il-konvinzjoni għax qed tassigura li l-ismijiet ta’ dawn il-karattri jibqgħu mistura.  Dak li ma joħroġx għad-dawl għandu raġuni biex jibqa’ fid-dlam.

7.         Din il-liġi qegħda tmur kontra kull dekor, kull sens ta’ deċenza, kull ma huwa naturali fil-bniedem.  Hija liġi li ser tkissrilna r-reputazzjoni għolja ħafna li l-Partit Nazzjonalista, għax huwa proprju nazzjonalist, irnexxielu jwettaq.  Din hija ferita qawwija.  Biha ser nitilfu f’kull settur u ser nibdew it-triq tat-tkasbir.  Hija ferita mortali, gravissima għalina lkoll li ridna s-sewwa u ħdimna għaliha.  Ferita nazzjonali li biha ser nitilfu ħafna mid-demm tal-investiment tagħna lkoll.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...