12.11.13

Budget elettorali.



1.         Waqt li l-Oppożizzjoni qattgħet din il-ġimgħa tipprova twassal il-messaġġ lill-Gvern li l-emendi minnu huma żbaljati, huwa kien moħħu fil-pubbliċità, fir-reklami u l-propaganda sabiex dak li ġie mħabbar fil-Budget it-Tnejn jinżel tajjeb.  Il-Gvern kien moħħu biss biex jassigura li ħadd ma jkun jista’ jikkritikah, anzi li jkun hemm min jaqra biċċiet u jasal għal konklużjonijiet ta’ malajr.  Fir-realtà, meta wieħed jara dak li nkiteb, il-mod ta’ kif ġie preżentat, jidher mill-iktar ċar li l-forma kienet ferm iktar importanti mis-sustanza.

2.         Huwa minnu li l-preżentazzjoni hija aċċettabbli li ssir b’dan il-mod meta tkun akkumpanjata minn pakkett ta’ miżuri li jibdlu u jagħtu verament direzzjonijiet sodi fis-setturi ekonomiċi u soċjali.  Issir iktar kruċjali meta dak li jkun hemm ma jkunx fih dik id-determinazzjoni u allura trid issir b’kemm jista’ jkun karta li tleqq biex taljena minn dibattitu veru ta’ dak li qiegħed isir minn dak li hemm bżonn li effettivament isir.  Ngħidu dan għax irridu li l-pajjiż jimxi ‘l quddiem u mhux imur lura.

3.         Nhar it-Tnejn, waqt li kien qiegħed jinqara d-diskors tal-Budget għall-ewwel darba mill-Ministru tal-Finanzi, kien ċar għal diversi minna li servejna bħala ministri tal-poplu li l-pożizzjonijiet kienu qed jitressqu bi kliem inġenerali u mhux ċari.  Dan huwa ta’ inkwiet għalina għax dan id-diskors partikolari jitlob li l-fatti jingħadu u l-verità tkun hemm, mhux moħbija.  Hemm wisq miżuri li huma miktuba sabiex jagħtu impressjoni ta’ ħaġa, mentri tkun fil-fatt ħaġa oħra.  Hemm anzi ħafna riservi u kundizzjoniiet li meta wieħed jaqbad il-lenti jsib li ngħad ħafna imma ma hemmx pożizzjoni vera.

4.         Il-ħsieb tal-Gvern huwa essenzjalment immarkat minn ħaġa waħda.  Inġebbdu l-wegħdiet elettorali għal sena sħiħa sabiex l-elettorat li vvutalu jerġa’ jitħajjar jibqa’ jimmarka fl-istess sezzjoni.  Fir-realtà talab differiment twil ħafna ta’ sitt xhur skorruti.  Dak li webbel diversi biex jivvutaw għall-Partit Laburista reġa’, għal darb’oħra, tqiegħed fuq il-mejda.  Kulħadd jaf li ebda partit ma jista’ jwettaq kull ma hemm f’manifest elettorali mill-ewwel u f’daqqa għax kull punt fih prezz.  Biss, dan il-Gvern qiegħed jipprova jwettaq l-impossibbli.  Itawwal u, fl-istess ħin, iżid il-piż u l-pressjoni fuqu nnifsu.

5.         Min hemm bil-ħin f’idejh għandu l-ħin jara sewwa l-affarijiet u jinduna b’dan.  Jagħraf li l-linja finanzjarja tal-pajjiż hija miġbuda waħda żżejjed u faċli tattakkaha.  Diġà hemm il-fatt li l-Kummissjoni ta-Unjoni Ewropea mhux qegħda taqbel mal-figuri tal-Gvern dwar il-figuri tal-Gvern dwar il-figura tad-defiċit.    Il-Gvern jgħid li nieżel 2.7%, mentri l-Kummissjoni tgħid li ser tibqa’ għal sentejn 3.4% u anzi titla’ għal 3.5%.  Dawn huma figuri ta’ nkwiet mhux biss għax qegħdin jingħadu, imma l-iktar għax mhux qed jiġu ndirizzati.  Il-Kummissjoni f’din is-sena baqgħet bl-istess pożizzjoni u dan ifisser li daqt ikollna naffrontaw sejħiet għall-miżuri ta’ awsterità.

6.         Biss, bl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ġejjin, il-Gvern ried jilħaqa ħaġa waħda: dik li jipprova jżomm lil kull min wegħdu kuntent jistenna.  Jistenna mhux biss Marzu, imma anki iktar tard.  Nafu li l-miżuri tal-budget, parti sostanzjali minnhom iridu li jsiru b’liġi biex jitqegħdu fis-seħħ u din tieħu żmienha.  Il-wegħdi jibqgħu dak li huma, anki jekk miktuba, imma kulħadd jaf li hemm prezz fuq kull waħda u l-ħlas tagħha jiġi mit-taxxi tagħna.  Il-bilanċ finanzjarju lkoll nafu kemm huwa delikat.  Anzi, b’dak li sar, il-Gvern kixef iktar lilu nnifsu f’dan meta baqa’ jinsisti li jrid jinġabar bil-bejgħ taċ-ċittadinanza tagħna.  Qiegħed juri lil kulħadd li jekk ma tinbiegħx ser jitlef kull possibilità li jibbilanċja.

7.         Diskorsi ta’ budget jiġu u jmorru, biss il-poplu jippretendi li dak li jinkiteb jitwettaq mhux biex immorru lura ekonomikament u soċjalment, imma biex nimxu ‘l quddiem.  Kawtela kienet żgur tkun aħjar, iktar u iktar fl-ambjent finanzjarju tal-lum.  Il-maġġoranza elettorali u parlamentari qegħda f’idejn il-Gvern li jaf li ħadd ma jista’ jżommu f’dak li jrid jagħmel.  Biss ma tbiddilx ir-realtà.  Maġġoranza ikbar ma tagħtikx aktar flus.  Trid taħdem għalihom.  Il-propaganda hija ħaġa, l-verità oħra għax il-problemi ssolvihom billi taffrontahom u mhux taħbihom.  Tista’ ttawwal minn din ir-realtà imma għada trid tikkonfrontaha, inkella tieħdok.


No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...