25.11.13

Iddeċiedi Xi Trid.



1.         Kemm hi tajba din.  Il-Gvern għadu ma jistax iżarma lilu nnifsu mill-fosdqa li kellu fl-Oppożizzjoni.  Għadu ma jistax jifhem li fil-pożizzjoni l-ġdida jrid jiddeċiedi u jieħu pożizzjoni.  Fl-Oppożizzjoni kienu draw li jilgħabu fuq iż-żewġ naħat.  Kienu ħaduha bħala parti mis-sistema li jgħidu ”iva” lil dawk li ma jistgħux jaqblu magħhom.  Din kienet mill-iktar evidenti għax kull settur ried jisma’ “iva”, anke fejn m’għandux raġun u dan kien jiġi servut minnhom.

2.         Issa però, il-porporina bdiet taqa’ u l-kurrazza tleqq tleqq issa bdiet tittappan.  Il-Gvern għadu mhux jinduna li jrid jiddeċiedi u jgħid x’jaħseb, x’ser effettivament iwettaq u jagħżel triqtu.  Għadu mhux jara li meta tmexxi ma tistax tibqa’ tidher sabiħ ma’ kulħadd u, f’mumenti, trid bilfors tixrob il-kalċi qares.  Triq tieħu naħa u timxi fuqha.  Gvern tajjeb fuq dan jintagħżel.  Kemm ikun kapaċi jieħu deċiżjonijiet li ma tantx ikollu ċapċip fuqhom imma li fiż-żmien irendu f’suċċess.

3.         Id-deċiżjonijiet diffiċli huma dawn – dawk li tmexxi ‘l quddiem f’direzzjonijiet tajba, anke jekk taf li fil-bidu mhux ser ikollok kunsensi.  Kull gvern irid jiffaċċja dan.  Kull min irid,mhux biss il-ġid imma kapaċi li jwettqu jagġraf dan b’iktar attenzjoni u faċilità minn ħaddieħor li moħħu biss kemm huwa popolari.  Poplu jippretendi mill-mexxejja tiegħu li jeħduh ‘il quddiem u lest li jaċċetta li hemm min qiegħed ġewwa u jaf iktar, imma mhux lest li jittieħed fejn huwa ċert li dawn huma toroq żbaljati.

4.         Il-kwistjoni tal-bejgħ taċ-ċittadinanza tagħna ilha issa ġimgħat tieħu l-attenzjoni politika u pubblika.  Il-Kunsill Ġenerali tal-partit il-Ġimgħa u l-Ħadd li għaddew serva sabiex dan il-messaġġ ċar jasal iktar.  Tasal ċara l-pożizzjoni nazzjonali tagħna, li aħna li rridu verament il-ġid lil dan il-poplu qed nagħmlu ħilitna sabiex inżommu lura kemm jista’ jkun liġi żbaljata.  Liġi li hija hekk mhux għax qed ngħidu aħna li hija ta’ tal natura, imma għax hija minnha nfisha mhux f’lokha.

5.         Il-poplu nafu li m’huwiex il-ħin kollu mwaħħal mal-istazzjonijiet tax-xandir, anqas jixtri jew jaqra l-gazzetti kull ġurnata imma maż-żmien tasallu wkoll.  Walssalnihielu u fehemha tajjeb.  La żidna u lanqas naqqasna, imma għidna l-verità.  Għidna l-affarijiet kif inhuma.  Sfortunatament, il-Gvern dam biex fehem u jirreaġixxi.  Webbes rasu waħda u sew u spiċċa beda triq li fiha jrid jieħu lura parti minn dak li ma kellux jagħmel.  Ir-realtà hija li aħna diġà ġejna umiljati bħala pajjiż u din mhux faċli ġġibha lura.

6.         Mhux faċli li tħassar dak li qiegħed idur kontra l-immaġini tajba li kellna.  Iktar ma l-Gvern idum jaħsibha, iktar agħar.  Iktar ma jdum biex jiddeċiedi li għandu jgħaddi liġi malajr sabiex iħassarha, iktar agħar.  Ma jistax jippretendi li jibqa’ jidħak bina lkoll.  Jgħid li l-liġi mhux ser iġibha fis-seħħ meta nafu diġà li l-liġi, kif ġiet approvata skont il-liġi, daħlet bil-volontà tagħhom dritt dritt fil-liġijiet tagħna.  Il-Gvern qiegħed jipprova jaħrab dak li huwa inevitabbli.  Li ċeda fuq is-segretezza kien pass ‘il quddiem.  Biss, dan waħdu mhux biżżejjed.  Trid tħassarha b’liġi apposta.

7.         Minflok jaqtagħha u jiddeċiedi, il-Prim Ministru jidher li qiegħed ikompli jtawwalha u jaħrabha.  Mhux biss, imma qiegħed jonqos milli jkun ċar f’dak li sewwasew irid u minflok jibgħat messaġġi mħawda.  F’pajjiżna jgħid li lest li jiċċaqlaq issa wara tant żmien u, minflok ikun konsistenti, jerġa’ jsiefer, jonfoq flus il-poplu f’dak li huwa evdienti li ma jridux.  Kif jista’ jkun konsistenti u kredibbli jekk fuq naħa jgħid, wara li ilu xhur iwebbes rasu, li issa jrid jiftiehem mal-Oppożizzjoni meta fl-istess ħin jinsab fl-Istati Uniti jidher biex jinxtrw iktar passaporti?  Il-korrettenza kienet titlob żgur li ma jmurx.

8.         Iktar ma jgħaddi ż-żmien, il-pożizzjoni iktar qed tikkomplika ruħha.  Ir-responsabbiltà ta’ dan l-aġir skorrett huwa kollu fuq in-naħa tal-Gvern u hu jrid iġorrha.  Aħna dmirna għamilnih u ser inkomplu nagħmluh.  Konna disposti mill-bidu biex naslu f’liġi li tagħmel il-ġid, u anzi fid-dibattitu ħadna ħsieb li niftħulu għajnejh kif tista’ ssir verament tajba, imma l-piż jibqa’ fuq il-Gvern li jagħmel l-affarijiet sewwa.  Aħna ċari konna u ċari bqajna.  Il-Gvern li tħawwad.  Jonqsu biss li joħroġ minnha billi jiddeċiedi sewwasew xi jrid.





No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...