4.9.12

Il-partit tal-għira

1.    F’dan il-pajjiż hemm diversi forom u tipi ta’ partiti.  Hemm dawk tal-baned, hemm dawk tal-ballun, hemm dawk tal-festi, hemm dawk politiċi u hemm oħrajn ferm iktar b’saħħithom, trasversali.  Hemm fosthom dak li ma jidhirx.  Wieħed li tħossu jaħdem quddiemek mingħajr ma tista’ taqbdu, jew tipprova tirraġuna miegħu.  Triq sempliċement issofrih, speċjalment meta jiġi dritt dritt għal fuqek.  Huwa proprju dak il-partit li m’huwiex reġistrat, li jifforma ruħu mingħajr ma l-partijiet neċessarjament ikunu jafu li saru parti minnu.  Jaġixxu qishom għal rashom, imma fil-verità b’għan u direzzjoni waħda – id-direzzjoni passjonali li l-għira tagħti.

2.    Il-mibki u magħruf Erin Serracino Inglott, f’ “Il-Miklem Malti” tiegħu jikteb li l-għira hija “stat, qagħda ta’ min jgħir; xewqa li wieħed ikun aħjar minn ħaddieħor; emulazzjoni; rieda jew sensazzjoni qawwija li wieħed iħoss; fil-qasam ta’ xogħolu; li jiżboq lill-oħrajn kollha, l-iktar lil min jarah meqjus aktar minnu, minn ta’ fuqhom”.  L-għira hija perikoluża, tipprova tagħrax lil kull persuna.  Tkerrah is-sentimenti t-tajba u tkabbar dawk ħżiena.  Jekk ma tiġix kontrollata mill-bidu taf taħkem lil dak li jkun.  Tagħmel minnu dak li ma jridx, dak li anqas huwa stess ma jkun jaf li qiegħed iwettaq.  Sfortunatament, diversi jaqgħu f’din in-nassa, speċjalment dawk li jaraw is-suċċess ta’ ħaddieħor u jgħarfu li ma jistgħux jilħquh.  Dawn jispiċċaw maħkuma, mitlufa u strument ta’ aġir żbaljat.  Aġir li minnu ma jitwieled xejn.

3.    In-nies ta’ dawn il-gżejjer ilhom jafu bl-għira minn żmien żemżem.  Tant li, missirijietna kienu jgħidu (u naħseb tajjeb ħafna), l-ewwel li “L-għira titrod wara l-għaref qisu dellu miexi warajh”, kif ukoll “L-għira tan-nies iġġib mibgħeda bla qies”.  Dan huwa kollu minnu, kif diversi persuni li sfortunatament iħallsu prezz għal dan l-istat f’qalb ħaddieħor, jistgħu jixhdu għalih.  Hemm dawk li jħarsu lejk bl-ikrah u dawk li wiċċhom qiegħed fi stat perenni hekk.  Numru ta’ persuni, flok jammettu n-nuqqas tagħhom, jikkonvinċu ruħhom li huma oħrajn li għamlulhom u naqsuhom.  Il-verità trid f’dan tibqa’ ma tingħadx, u dan għax l-għira tgħix u tikber meta l-verità toħroġ barra mit-tieqa.

4.    Nikteb dan għax f’dawn l-aħħar xhur, speċjalment f’dawn l-aħħar jiem, l-għira rajtha tikber wisq.  Ħakmet lil diversi sabiex ġiebet magħha l-mibgħeda.  Wisq sentimenti ta’ għira, vendikazzjoni u mibgħeda ħarġu fil-miftuħ.  Wisq bnedmin intilfu jgħajru u jippruvaw iċekknu l-ġieħ tal-oħrajn għar-raġunijiet varji tagħhom u ġew użati mezzi, metodi varji.  Uħud marru direttament lejn il-persuna, il-kwalitajiet tagħha.  Oħrajn denigrazzjoni totali u sistematika.  Daqqa kliem iebes, daqqa żebliħ.  Il-ħsara ssir, it-tajn jinxeħet u xi ftit jeħel.  Huwa verament tal-mistħija li nisimgħu u naqraw dawn l-affarijiet.  Atti li jagħmlu wisq ħsara lit-tessut soċjali tagħna lkoll.

5.    Sfortunatament, għandna mezzi ta’ komunikazzjoni li minn filgħodu sa filgħaxija jridu l-ħin kollu, mhux b’mod leġittimu, jikkritikaw u jsaħħnu lin-nies u lill-poplu.  Isaħħnu billi l-ħin kollu jilgħabu bis-sentimenti tal-għira.  Dak li qiegħed isir mill-Gvern tal-ġurnata jrid jitpinġa mhix biss bħala ħażin, li ma jkunx, imma li ħaddieħor qiegħed jieħu dak li inti m’intix.  Il-ġlied bejn il-klassijiet jikber minn dan.  Mhux xi proċess ta’ kompetizzjoni salutari jew kollaborazzjoni, imma risentimenti.  F’dan kollu, kull partit għandu fuqu r-responsabbiltà tiegħu.  Jista’ jaħrabha.  Jista' jaħseb, kif qiegħed manifestament jagħmel il-Partit Laburista, li dak li qed isaħħan illum għada mhux se jsibu.  Min jiżra l-għira s-sikrana jsib u minnha ma jista’ jieħu xejn ħlief li jaħraqha.

6.    Dan il-Gvern, bid-diffikultajiet straordinarji kollha tiegħu, baqa’ jaħdem sabiex iwettaq is-sewwa.  Baqa’ jirreġistra suċċess wara ieħor fl-ekonomija, fis-saħħa, fl-edukazzjoni u sar il-mira tal-għira.  Ir-realtà hija li din it-tmexxija ġiebet l-għira f’qalb min ma jridx iħalliha tikber għax irnexxielha turi bil-fatti li kienet, u għadha, kapaċi tbiddel u tmexxi ‘l quddiem lil dan il-poplu.  Dan huwa ċar u evidenti quddiem għajnejn dawk li jgħarblu sewwa.  Il-Partit Nazzjonalista għandu l-iżvantaġġ preżenti ta’ membri fi ħdanu li m’għadhomx fi triqtu u tilfu l-boxxla, però għandu vantaġġi ferm ikbar.  L-ewwel, l-abbiltà u l-esperjenza indiskussa tat-tmexxija tal-Kap, Lawrence Gonzi.  M’hemmx ħaddieħor li kapaċi jmexxi f’dan il-mument diffiċli.  It-tieni, il-perseveranza u d-determinazzjoni tal-persuni madwaru li jservu lill-pajjiż u lill-poplu kull ġurnata, b’attenzjoni.  Ma hemmx dubju li din il-ħidma ġiebet l-għira ta’ diversi.  Nafuha.  Irridu biss nikkumbattuha bis-sewwa, mingħajr ma nwieġbu b’azzjonijiet żbaljati għal dawk li l-għira tikkmanda.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...