21.9.12

L-Indipendenza hija tagħna lkoll

1.    Minkejja deċiżjoni ġusta u li ġġib l-għaqda fil-poplu, ġejna diversi drabi kkritikati fuqha.  Ta’ kull sena jkun hemm min irid jgħid li m’għandux ikun li jkollna ħamest’ijiem ta’ għaqda nazzjonali.  Diversi jsostnu li għandu jkun hemm jum wieħed.  Huwa żgur diffiċli li tagħżel, iktar u iktar f’dan il-pajjiż, kif qegħdin naraw.  Hemm kuntrast ċar bejn iż-żewġ partiti fuq dan.  Sa mill-bidunett tal-leġislaturi tal-Partit Nazzjonalista ridna li l-festi nazzjonali ma jaqsmuniex bħal ma seħħ fil-passat, imma li jżommuna sħaħ.  Għalhekk għażilna, ħamsa u għoxrin sena ilu, li l-futur jgħaqqadna billi niċċelebraw kull jum importanti bħala wieħed nazzjonali.  Pass ta’ għaqda lejn futur aħjar.

2.    Il-Partit Nazzjonalista, bħas-soltu, kien avvanzat u progressiv.  Telaq pożizzjonijiet passati warajh u mexa, mentri kif qed naraw, ħaddieħor għadu jrid jibda jitlaq fuqhom.  Sfortunatament, minn dak li qed naraw u nisimgħu, il-Partit Laburista kollu għadu jrid jaċċetta li l-jum tal-Indipendenza huwa jum tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.  Jifhem li mill-21 ta’ Settembru 1964 ‘il quddiem bdiet paġna ġdida għalina lkoll.  Ma bqajniex iktar taħt pajjiż ieħor.  Ma bqajniex iktar kolonja u, għall-ewwel darba fl-eżistenza tiegħu, il-pajjiż ġie f’idejna.  Imexxuh Maltin u Għawdxin u mhux persuni minn popli u pajjiżi oħra.  Minn hemm sirna Stat indipendenti, sirna membri fil-Ġnus Magħquda, fil-Kunsill tal-Ewropa u bdejna t-triq li biha sirna membri sħaħ fl-Unjoni Ewropea.

3.    Sfortunatament, il-partit fl-Oppożizzjoni tant għamel żmien twil jirreżisti li jiċċelebra dan il-jum, li kull poplu ieħor fid-dinja jifraħ bih, li għadu maħkum.  Għax hemm numru ta’ eżempji li juru li t-tmexxija ta’ dak il-Partit Laburista ħadet diversi drabi pożizzjonijiet li huma l-kontra ta’ dak li partit normali jieħu.  Partit, ġej minn fejn hu ġej fl-Ewropa u li huwa wieħed demokratiku, normalment jifraħ bl-indipendenza u bid-dħul tiegħu bħala Stat membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea.  Biss, huma baqgħu l-istess. Għamilna snin twal, taħt il-gvernijiet Soċjalisti, naraw li l-Indipendenza ma tiġix iċċelebrata bħala jum nazzjonali, anzi, tiġi disprezzata u mċekkna.  Kien hemm fi ħdanhom reazzjonijiet strambi, negattivi għall-fatt li l-ewwel, dan il-partit, sa minn twelidu kien dejjem favur li mmexxu lilna nfusna; u t-tieni, li l-Indipendenza ġiet proprju taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Gorg Borg Olivier.

4.    Kull min jagħraf il-fatti u għandu ftit esperjenza tal-ħajja jifhem li l-indipendenza hija l-bidu għal kull poplu.  Verament jum importanti.  Minn hemm ‘il quddiem, id-dipendenza tibda’ tonqos u trid tfendi għal rasek.  Mhux kull Stat fid-dinja għamel suċċess mit-tmexxija tiegħu nnifsu.  Uħud imxew malajr, oħrajn damu sakemm bdew jirrankaw.  Id-dinja għadha mimlija b’każijiet bħal dawn.  Però, fortunatament għalina, għamilna l-ġid fi ftit żmien.  Il-pajjiż bena lilu nnifsu u wera li kien kapaċi jimxi ‘l quddiem.  Kapaċi jkattar il-ġid u jħares kontinwament ‘il quddiem.  Dan seħħ biex il-pedamenti soċjali, ekonomiċi u kulturali tagħna servewna malajr.  Bħala poplu li jagħraf jaħdem u mimli kuraġġ irnexxejna fejn oħrajn le.  Bil-passat tagħna affrontajna aħjar il-futur għall-ġid ta’ kulħaddd.

5.    Ma hemmx u m’għandux ikun hemm iktar diviżjonijiet politiċi fuq dan il-jum.  Huwa nuqqas ta’ maturità politika li jibqa’ jkollna partit politiku li, minkejja l-prova tal-passat, jibqa’ jsostni li l-Indipendenza hija jum ta’ ferħ għall-Partit Nazzjonalista biss u mhux għall-partiti oħra.  Dak li huwa diġà konsolidat fina, dak li diġà nwettqu kull sena fiċ-ċelebrazzjonijiet varji huwa prova li fi ħdan il-Partit Nazzjonalista hemm viżjoni tal-pajjiż ferm iktar differenti minn dik li l-Partit Laburista qiegħed jibda biex jifhem.  Partit li parti minnu tgħid ħaġa u parti oħra tgħid ħaġa differenti.  Hemm min jiġi jqiegħed il-fjuri u hemm min moħħu biex jgħid li l-festa m’hijiex tagħhom.  Mhux ta’ b’xejn li l-pajjiż imlewh bil-kliem “futur li jgħaqqadna”.

6.    Il-problema m’hijiex l-Indipendenza iżda l-Partit Laburista, li baqa’ ma aċċettax li dan huwa mument importanti u li, aktar minn hekk, iridu jħallu warajhom il-passat tagħhom biex jimxu ‘l quddiem.  Bil-kliem jiddikjaraw il-bżonn tal-għaqda li huma stess m’humiex kapaċi jwettqu fuq l-iktar punti elementari ta’ Stat demokratiku u Ewropew.  Minflok għalina, il-festa tal-Indipendenza hija waħda li bqajna, sena wara sena, niċċelebraw.  Waħda li fiha ħadna ħsieb nerġgħu naffermaw dak kollu li ħadmu għalih missirijietna, niftakru fid-diffikultajiet u s-sofferenzi li għaddew minnhom taħt is-sistemi kolonjali varji li kellna.  Ħadna ħsieb li nwettqu dan b’viżjoni unitarja.  Kull darba rajniha bħala waħda nazzjonali, anke jekk organizzata fuq sebat’ijiem mill-Partit Nazzjonalista.  Żammejna dejjem li “L-Indipendenza hija tagħna lkoll”.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...