13.9.12

L-Uffiċċju Ewropew ta’ Sostenn fil-Qasam tal-Ażil (EASO)

1.    Waqt li nhar il-Ġimgħa filgħodu kont qiegħed ix-Xatt tal-Belt nattendi għal ċerimonja verament importanti, reġgħu ġew quddiemi xeni varji.  Xeni mill-ħidma li saret u li fiha kont parteċipi sabiex ġewwa dawn il-gżejjer għandna uffiċċju Ewropew ta’ importanza kbira - waħda li aħna stess ma napprezzawx biżżejjed kemm hija rilevanti, li però qegħda hemm.  Pajjiżna għandu l-unur jgħid li huwa minn fost il-pajjiżi membri ġodda tal-Unjoni Ewropea li għandu ġewwa fih dan l-uffiċċju importanti għall-ħidma Ewropea f’settur daqshekk delikat u li jitlob attenzjoni kontinwa.  Ftakart f’dan proprju għax din il-linja politika ċara bdiet fl-2008 taħt il-Presidenza Franċiża tat-tieni nofs tas-sena.  Il-memorja ħaditni lura għal dak kollu li kelli ngħaddi minnu (fit-tajjeb u fil-ħażin) sija fl-istituzzjonijiet, fid-diversi kapitali Ewropej oħra li fihom kelli nattendi għal-laqgħat, kif ukoll ġewwa pajjiżi.

2.    Ma kienx faċli, fix-xenarju politiku li kien qiegħed jiżviluppa fid-dell tal-kriżi finanzjarja, li tasal ma’ sitta u għoxrin Stat Membru ieħor fuq dokument politiku ta’ piż.  Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil stabbilixxa, għall-ewwel darba, triq li fuqha l-Istati kollha qablu li għandhom jimxu.  Direzzjoni diretta u ċara li qabel ma kienx hemm.  Fil-Patt kien hemm, u għad hemm, diversi punti ta’ interess għalina lkoll, speċjalment għal dawk li huma fuq il-fruntiera tal-Unjoni.  Għal dawk il-pajjiżi li, bħalna, jridu jwieġbu huma fil-bidu, b’dak kollu li tali tweġiba tista’ tinvolvi, għall-mewġ ta’ bnedmin li l-immigrazzjoni irregolari tagħti.  Sfortunatament u b’mod inġust il-Patt ġie kkritikat ħafna, bl-iktar mod iebes u bla forma ta’ sens fix-xenarju politiku tiegħu.  Biss, fortunatament għalina, illum għandna r-riżultati pożittivi ta’ dak li rnexxielna nwettqu fl-Unjoni permezz tiegħu.  Ħadna varji benefiċċji minnu, għalkemm żgur mhux forsi, għadna f’pożizzjoni li nieħdu ferm iktar fis-snin li ġejjin, dejjem jekk inkomplu nesiġu li jitħaddem kollu.

3.    Iż-żewġ punti prinċipali li kont ikkonċentrajt fuqhom kienu: l-ewwel id-dħul ta’ klawsola ta’ solidarjetà fil-Patt; u t-tieni, li l-uffiċċju magħruf bħala European Asylum Support Office jiġi allokat f’pajjiżna.  Reġgħu ġew quddiemi d-diversi diskussjonijiet, fit-tul u fil-qosor, li kelli ma’ numru ta’ ministri u uffiċċjali mimlija b’esperjenza u informazzjoni sabiex nifhem x’kien hemm kontra u favur li tidħol din il-klawsola li permezz tagħha, stati bħal tagħna setgħu jingħataw assistenza diretta fl-immigrazzjoni irregolari.  F’dak il-Patt daħal, għall-ewwel darba, il-kunċett politiku li qatt qabel ma kienx jeżisti u li anzi, diversi Stati Membri oħra ikbar minna kienu esiġew li jkun hemm, iżda ma kienx irnexxielhom.  Ftakart f’kemm qaluli sabiex naqta’ qalbi, li ma kienx ser jirnexxili nibdel dak li kien hemm.  Biss, bid-diversi ħidmiet li twettqu, u b’mod determinanti dik li għamel ir-Rappreżentant Permanenti tagħna Richard Cachia Caruana, din il-klawsola daħlet u tħaddmet.  Għall-ewwel darbha qegħda hemm, mhux mejta u tħaddmet tajjeb.

3.    Ħadt pjaċir nerġa’ naqra ftit jiem ilu li numru ta’ persuni oħra telqu minn pajjiżna sabiex jibdew ħajja ġdida fi stat ieħor.  Sa issa diġà qabżu l-1700 ruħ li ħarbu minn pajjiżhom jew għax għaddejja gwerra ċivili, inkella għax qed jiġu direttament ippersegwitati, li issa ġew rilokati f’pajjiżi oħra.  Jiġifieri ġew meħuda minn pajjiżna u integrati f’oħrajn, bi programm ta’ assistenza soċjali, edukattivi, ta’ saħħa, ta’ residenza u xogħol.  Hawn ikkonċentrajna ħafna mill-ħin tal-ħidma fil-Ministeru, l-ewwel sabiex il-programm li kien għadu fil-bidu tiegħu mal-Istati Uniti jiġi ssudat, kif fil-fatt ġie; u t-tieni, sabiex il-klawsola ta’ solidarjetà titħaddem mal-membri l-oħra tal-Unjoni.  Illum għandi s-sodisfazzjon nara li dawn il-programmi, bid-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet kollha tagħhom, baqgħu jaħdmu.  Nistgħu ngħidu li bejn wieħed u ieħor, 1000 ruħ marru l-Istati Uniti u 700 ruħ oħra fl-Unjoni.  Dawn il-persuni u pajjiżna bbenefikaw mill-ġenerożità u mis-solidarjetà tal-oħrajn.

4.    It-tieni ħidma li saret fl-istess perjodu kienet marbuta mad-deċiżjoni ta’ fejn kellu jiġi stabbilit l-Uffiċċju.  Pajjiżna ressaq id-disponibilità tiegħu u miegħu kellu żewġ pajjiżi oħra jikkompetu: Ċipru u l-Bulgarija.  Sar ħafna xogħol li diffiċli telenka f’dan l-artikolu, iżda fl-aħħar, ikkonvinċejna.  F’laqgħa waħda, il-membri kollha qablu li dan l-Uffiċċju jiġi stabbilit hawn, f’pajjiżna.  Pass kbir għalina u għall-Ewropa proprju għax, għall-kuntrarju ta’ deċiżjonijiet oħra, ġie stabbilit mill-ewwel b’maġġoranza ċara favur tagħna.  Għad għandi quddiemi x-xena ta’ dik il-ġurnata meta ttieħed il-vot.  L-istess id-diversi ministri li tawna appoġġ u li kienu vuċijiet magħna fil-kapitolu.

5.    L-Uffiċċju huwa verament importanti fl-istrateġija tal-immigrazzjoni u l-ażil għall-Ewropa kollha.  Dan l-Uffiċċju għandu diversi miri, però dawk primarji huma: l-ewwel, li jiżviluppa koperazzjoni prattika fost l-Istati Membri dwar l-ażil billi jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-pajjiżi ta’ oriġini, jipprovdi lill-Istati Membri b’appoġġ għat-traduzzjoni, l-interpretazzjoni u taħriġ għall-uffiċjali tal-ażil u billi jgħin fir-rilokazzjoni ta’ rifuġjati rikonoxxuti.  It-tieni, li jagħti appoġġ lil dawk l-Istati Membri taħt “pressjoni partikolari”, speċjalment permezz tat-twaqqif ta’ sistema ta’ twissija bikrija, il-kordinazzjoni ta’ timijiet ta’ esperti biex jassistu lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fil-ġestjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ażil u l-ħolqien ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza xierqa.  It-tielet, li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-SEKA (Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil) permezz tal-ġbir u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-aħħar prassi, ifassal rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni Ewropea u billi jaddotta dokumenti tekniċi, bħal linji gwida u manwali operattivi, dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-ażil tal-Unjoni.

7.    Dan l-Uffiċċju beda jaħdem diġà.  Hawn numru sew ta’ persuni jaħdmu miegħu, kif ukoll qed isiru laqgħat regolari hawn.  Il-benefiċċji għalina huma tnejn: l-ewwel, assistenza fil-problemi marbuta mal-immigrazzjoni irregolari; u t-tieni, mill-effett ekonomiku li qiegħed joħloq għal pajjiżna.  Bir-raġun ħadt pjaċir niġi mistieden għal din l-okkażjoni.  Għandi s-sodisfazzjon nirreġistra mal-poplu li nirrappreżenta u li ħdimt għalih u għalija nnifsi li, fis-settur tal-immigrazzjoni, ħdimna tajjeb ħafna.  Forsi din il-ħidma ma rreġistratx fil-materja ġriġja ta’ ċerti bnedmin, imma hemm qegħda.  Ħidma tajba li qegħda tagħti l-frott u mhux twettaq il-ħsara.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...