25.6.12

Il-partit sod jibqa’

Dan huwa artikolu li ktibt f'il-Mument qabel il-vot dwar il-Mozzjoni fil-Parlament ta' nhar it-Tnejn, 18 ta' Ġunju.




1.    M’huma mumenti faċli xejn għal dan il-partit mimli bi storja, esperjenza u bnedmin li jafu xi tfisser il-ħidma għas-sewwa.  Għada nerġgħu naffrontaw mozzjoni nġusta oħra fil-Parlament.  Waħda li la għandha mis-sewwa , wisq u wisq inqas minn xi forma ta’ loġika demokratika, li tistabbilixxi preċedent mill-iktar perikoluż u mill-iktar opprimenti fuq il-libertajiet ta’ kull ċittadin ta’ dawn il-gżejjer.  Kollox qiegħed isir sabiex l-għan finali ta’ partit li ilu fl-oppożizzjoni jipprova jidħol, akkost ta’ kollox, fil-poter tal-Gvern.  Nikteb dan għax ma hemmx forma agħar ta’ politika minn dik li trid li l-mezzi l-ħżiena, illegali u immorali jiġu koltivati, aċċettati u użati għax hemm warajhom għan finali “sabiħ”. B’din il-linja politika, l-Oppożizzjoni fid-deżert kienet u qegħda turi li hemm għadha.

2.    Laqtuni f’dawn l-jiem kliem riportat minn Giovanni Moro, iben Aldo, fi ktejjeb tiegħu fejn jipproduċi dak li qal wara ħafna snin wieħed mill-kapijiet ewlenin tal-Brigate Rosse, Renato Curcio.  Huwa jgħid testwalment: “Lo sbaglio di noi brigatisti è stato solo uno; aver creduto a Macchiavelli che il fine giustifica i mezzi.”  (L-iżball uniku tagħna fil-Brigate Rosse kien; dak li emminna lil Macchiavelli (Nicolò) li l-fini tiġġustifika l-mezzi).  Dan hu li kull persuna, involuta b’xi mod fil-ħajja pubblika tal-politika, trid taħrab minnu.  Il-piż tas-serjetà, tal-politika t-tajba jitlob li wieħed ma jidħolx f’dawn it-toroq proprju għax l-istorja turi li l-konsegwenzi tal-aġir ma jwasslu għal ebda forma ta’ frott.  Mill-ħażen xejn ma jitwieled li jagħmel il-ġid lis-soċjetà jew lill-bniedem.

3.    Il-Partit Nazzjonalista fil-ħidma tiegħu l-bierah u llum jagħraf li għandu jħares fit-tul.  Jibni llum għall-futur tiegħu fil-pajjiż.  Jaf, għall-kuntrarju tal-partit fl-oppożizzjoni, li azzjonijiet żbaljati jibqgħu jkaxkru miegħu u jtebbgħulu l-immaġini u r-reputazzjoni. Proprju li għalhekk mhux lest li jaqa’ għat-tentazzjonijiet tas-sitt ħabbiet.  Il-partit jibqa’ sod u ta’ ispirazzjoni għax jibqa’ wieħed li jiġbed in-nies lejn is-sewwa.  Hekk kif il-poplu jipperċepixxi, jew agħar jara jsir ’il kontra, allura jitlef il-fiduċja.  Jitlef dik l-istima bażata fuq s-sewwa li f’dan il-partit titħares b’attenzjoni min-nies li jiffurmawh.  Attenzjoni f’żewġ direzzjonijiet: l-ewwel, fil-qalb u fil-moħħ tagħna li nikkomponuh preżentement u għalhekk temporanjament; u t-tieni, quddiem il-poplu fil-pubbliku, mhux biss fi kliemna imma wkoll f’ħidmietna.

4.    L-inkwiet, is-sitwazzjonijiet komplikati fil-ħajja ma jonqsux, wisq u wisq inqas f’dik politika.  Kull waħda tqiegħed lil min iservi fil-politika għall-eżami.  Kull ġurnata hija dejjem mimlija b’ostakli, sfidi li minnek trid kull darba tara jekk intix kapaċi jew le tħares lejhom u tegħlibhom.  Il-prinċipji li tkun ħaddant u t-tagħlim mill-esperjenza ta’ kull jum iwassluk fit-triq it-tajba, li dejjem hija iebsa.  Kemm, fuq in-naħa l-oħra, huwa faċli li ssegwi l-pariri ta’ Nicolò Macchiavelli.  Tista’, u diversi jaqgħu f’din il-linja, li biha tipprova tiġġustifika artifiċjalment billi tgħid li l-politika l-“kbira” titlob li tagħmel aġir żbaljat lil dak u lill-ieħor.  Anzi, nafu d-dinja li meta dawn l-persuni jaqbdu din it-triq, allura jmorru ferm u ferm agħar.  Jibgħatu  l-messaġġ li hemm bżonn li tkun żbaljat.  Li ma hemmx bżonn ta’ aġir sew - l-importanti taħtaf il-poter u żżommu f’idejk, jiġri x’jiġri.

5.    Il-kontroll u d-dixxiplina fuqek innifsek jitolbu li qabel taġixxi tqis sewwa u dak li tkun qiegħed twettaq ikun sew, sija fil-metodu kif ukoll fil-fini.  Dik hi l-ġlieda iebsa tal-irġulija.  Dik hi li tiddistingwi lit-tfal li jħarsu lejn il-poter bħala ġugarell u dawk li jgħarfu li l-politika hija responsabbiltà għax tmiss lill-bniedem.  L-ispina dorsali hija ferm iktar soda f’dan il-partit għax ma naqgħux għall-iżball li ngħażlu t-triq il-faċli.  Dik li minnha, meta niħduha, nintgħażlu kull darba.  Niddistingwu ruħna bħala bnedmin li għandna kwalitajiet aqwa, li tajjeb li l-poter jiġi fdat lilna.  Għax fil-verità, l-elettorat irid li pajjiżna jitmexxa minn persuni onesti, li m’humiex lesti li jagħmlu azzjoni ħażina biex juru li huma xi forma ta’ politiċi qawwija u li ser jibqgħu jissemmew fl-istorja.

6.    Il-valuri tal-partit huma bażati fuq il-prinċipji demokratiċi nsara tiegħu.  Dawn huma l-kalatura u l-kalamita għall-vot.  Il-poplu, f’elezzjoni għandu varjetà ta’ raġunijiet li fuqhom jagħżel partit minn ieħor.  Biss, il-maġġor parti tiegħu tħares lejn dak li l-partit jirrappreżenta fil-linji politiċi tiegħu.  L-ekonomija hija importanti, ma hemmx dubju, imma l-poplu qabel jivvota jħares iktar viċin lejn il-valuri, lejn l-irġulija, lejn l-onestà u l-bżulija li partit iħaddan gewwa fih.  Dan hu li rebbaħ lill-Partit Nazzjonalista f’kull elezzjoni ġenerali.  Iktar ma jibqa’ sod f’din id-direzzjoni, iktar jassigura li jkollu l-appoġġ popolari li jrid jara li f’dan il-pajjiż jirrenja s-sewwa.  Tirrenja l-forza li tħares li sija fil-metodu, sija fil-fini, tkun ġusta u mhux immorali. Mozzjoni bħal dik ta’ għada kullhadd jaf li qatt ma kienet ser tiġi minn ħdan dan il-partit. Il-pajjiż jagħraf li n-naħa l-oħra tal-Kamra lesti li jkomplu fuq l-eżempji l-ħżiena tal-passat u jerġgħu jagħmlu dak li ma għandhomx.  Għalhekk, f’dan kollu ċert li l-poplu jaf jgħarbel u ma tidħaqx bih għax jaf fejn huma s-sewwa u l-ġustizzja.  Proprju għalhekk m’għandniex inċedu, imma nibqgħu partit sod fi twemminu w azzjonitu.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...