11.6.12

Ħidmet il-Gvern

1.    F’dawn is-snin naħdem direttament u internament fiċ-Ċivil ta’ pajjiżna nħossni fid-dmir li nagħmel ftit punti ta’ riflessjoni.  Ma kenitx faċli, nammetti, li minn avukat naħdem u nfendi għal rasi bl-inqas spejjeż amministrattivi possibbli, li nsir parti miċ-Ċivil.  Meta kont ġejt naħdem bħala Segretarju Parlamentari nammetti li ma kelli ebda forma ta’ idea dwar s’xer niltaqa’ verament miegħu f’dan is-settur li l-ħin kollu nirreferu għalih bħala “iċ-Ċivil”.  Qabel dħalt f’dak l-ewwel uffiċċju ġewwa Casa Leoni f’Santa Venera kelli biss impressjonijiet imħallta tiegħu, bejn pożittivi u bejn negattivi.  Ovvjament, dawn kienu osservazzjonijiet imwielda mill-operat legali.  Ma stajtx inqis dawn il-bnedmin minn kif iwieġbu u kemm iwieġbu malajr għall-ittri varji li bħala avukat kont nibgħat.  Altru ħidma normali u altru tara kif ser issib soluzzjoni għad-diversi ogħqiedi li kien ikun hemm.

2.    Niftakar it-tieni jum li dħalt ippreparat għax-xogħol, anzi mimli entużjażmu għalih, quddiem l-ewwel uffiċjal għoli nitlob li l-kompjuter li kien ħalla warajh George Pullicino jiġi nstallat biex nibda naħdem.  Kien tani l-ewwel daqqa: “Isma’, hawn fiċ-Ċivil qiegħed.  L-affarijiet ma jsirux malajr.”  Ma tantx imtlejt b’ammirazzjoni għal dik it-tweġiba u kif kien mistenni, spiċċajt nitlef rasi u minn hawn u minn hemm sa tmiem il-ġurnata kelli kollox installat u lest biex nibda naħdem.  Biss, minn hemm bdejt biċċa biċċa nifhem dak kollu li kien hemm bżonn biex naħdem ma’ dawn il-persuni li għalihom jien kont magħhom temporanjament – wara jiġi ħaddieħor.  Jien nitlaq, huma jibqgħu.

3.    Nammetti wkoll li l-bidu ma kienx faċli anqas għax Segretarju Parlamentari, f’ħafna sens jibqa’ s-Segretarju u mhux iċ-ċentru.  Iċ-ċentru kien u jibqa’ dejjem il-Ministru, minn liema fonti tinħareġ id-direzzjoni u tintrefa’ r-responsabbiltà.  Domt biex fhimt dan.  Domt biex bdejt ninduna li fiċ-Ċivil hemm talenti varji.  Uħud eċċellenti, mentri oħrajn mhux daqshekk.  Il-ħidma ta’ kuljum kienet bdiet tressaqni naħdem inevitabbilment magħhom.  Daqqa fuq ħaġa u daqqa fuq oħra.  Minn hemm bdejt nagħraf kemm xogħol jista’ jsir jekk iċ-Ċivil ikun verament miegħek fir-ruħ u fil-ġisem.  Fhimt il-moħħ amministrattiv.  Mill-ewwel jurik li dak li qiegħed tipproponi huwiex ser jirnexxi, jew le.

4.    Bdejt nara direttament il-kwalitajiet tal-persuni inkarigati u naħdem magħhom.  Għaraft li ċ-Ċivil kien mimli b’persuni kawti, imma intelliġenti.  Bnedmin li huma għas-servizz tal-poplu, li jgħarfu li diversi mumenti ser isibu ruħhom ikkritikati, bil-biża’ kontinwa li dak li qiegħed isir jista’ llum jew għada jispiċċa parti integrali minn xi kontroversja politika tas-sitt ħabbiet.  Iċ-Ċivil jagħraf li hemm ir-regoli amministrattivi li jrid isegwi.  Mhix kwistjoni ta’ dewmien imma ta’ korrettezza.  Jekk hemm bżonn ta’ iktar nies, ta’ xi proġett, wieħed irid isegwi proċess burokratiku imma pożittiv li permezz tiegħu l-volontà politika tiegħek tista’ sseħħ u dan mingħajr il-biża’ ta’ kritika għax koperti.

5.    Ġarrejt f’dawn is-snin dell tqil miegħi.  Ridt noqgħod doppjament, anzi ferm iktar, attent.  Tant drajt iċ-Ċivil li jien stess kont ninsisti magħhom li l-proċeduri jridu jiġu segwiti fid-dettalji kollha tagħhom.  Ma ridt li jkolli xejn anti-Ċivil u kollox kellu jkun konformi mar-regoli.  Dan seta’ jsir b’iktar kjarezza.  Iċ-Ċivil, meta jaħdem mal-politiku li jagħraf l-importanza li tal-ewwel ikun kopert u ma jkunx hemm sogri għalih, jaħdem aħjar.  Mhux biss, imma daqshekk ieħor li wieħed ma jippruvax jaħdem mad-Diretturi Ġenerali, Diretturi, eċċ bil-pilota awtomatiku.  Billi tibgħat l-ordnijiet minn wara l-iskrivanija bl-istess metodi li bihom kienu jagħtu l-impressjoni li qed jaħdmu d-dittaturi tal-lemin, l-affarijiet ma jsirux.  Irid ikollok l-umiltà, il-paċenzja li tiltaqa’ u tifhem.  Tifhem il-problemi ta’ ħaġa u  ta’ oħra u tidħol forċina għalihom fl-isfidi interni.

6.    Meta taħdem direttament maċ-Ċivil tifhem iktar u iktar kemm huwa mimli b’persuni li jridu jaħdmu u jridu jgħinu.  Sibt min kien jipprova jagħti l-gambetti.  Tidrahom u wara ftit iżżommhom f’rasek sakemm huma wkoll jingħaqdu miegħek f’dak li tkun qed twettaq.  F’dawn is-snin irrid ngħid li kelli esperjenza pożittiva.  Tant iltqajt magħhom u huma miegħi li stajt nara din il-ħeġġa u sodisfazzjon fit-twettiq tad-diversi proġetti amministrattivi li vvintajt.  Minn fuq s’isfel sibt ħafna koperazzjoni.  Il-pajjiż jimxi verament bil-ħeġġa u d-determinazzjoni tal-politiku, però dan iseħħ għax hemm iċ-Ċivil kapaċi li jġib fis-seħħ dik id-direzzjoni.  Għalkemm drabi insib kritika ġenerali kontra dan is-settur, naraha bħala waħda mill-iktar inġusta.  Nirringrazzja mill-qalb lil kull min ħadem direttament miegħi.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...