4.6.12

Unur meritat

1.    Fost id-diversi kwistjonijiet li tul din il-ġimgħa pajjiżna ra quddiemu għall-ewwel darba fl-istorja, kien hemm aħbar li ftit ingħatat l-importanza li verament kienet tistħoqqilha.  Ngħid dan fid-dawl ta’ ħafna ġid u valur li għandna bħala poplu li ftit nindunaw jew nirrealizzaw.  Id-dinja tagħna, l-inkwiet tal-problemi li nġorru ma jħalluniex naraw biżżejjed kemm fil-fatt aħna għandna biex niftaħru.  Il-poplu Malti u Għawdxi huwa wieħed Ewropew.  Hu wieħed minn dawk li mertu tal-pedamenti li r-reliġjon Kattolika ħalliet u għadha tagħti, illum qiegħed fuq quddiem.  Fuq quddiem sabiex iwettaq is-sewwa u jiżra’ ż-żerriegħa li tagħti l-frott il-bnin.

2.    Kienet deċiżjoni tajba li nidħlu fl-Unjoni Ewropea.  M’aħniex ħut barra mill-ilma imma fil-post li nħossuna komdi fih.  Il-Ħamis filgħaxija, wara li dehert fil-programm “Bondi+”, reġgħu ġew quddiemi d-diversi laqgħat, inkontri, ħbiberiji u konoxxenzi li l-Unjoni Ewropea tatni.  Ftakart f’kemm għamilt battalji politiċi fil-oqsma tal-intern, l-immigrazzjoni u l-ġustizzja.  Xi mindaqqiet bdejt waħdi, però ħafna drabi sibt lili nnifsi mdawwar b’allejati.  Il-vantaġġ tal-Unjoni hu l-użu tar-raġuni.  Meta tersaq bil-fatti ssib li hemm bibien li l-ewwel jibdew jitbexxqu u wara jinfetħu.

3.    L-Ewropa hija l-art naturali tagħna.  M’għandix inkun, u f’ebda mument ma ħassejtni inferjuri għal xi ħadd.  Affrontajt, ikkonfrontajt bid-doża ta’ kuraġġ u determinazzjoni li kien ikolli f’idi għall-ġid tal-pajjiż.  Ċert li kull min jieħu sehem jagħraf il-ġid ta’ din l-esperjenza.  Waħda fejn bir-raġuni, bil-konvinċiment u l-persważjoni tasal fejn hu possibbli.  Tuża r-raġuni fl-ambjent naturali tiegħu għax taf li fuq in-naħa l-oħra nies ta’ intelliġenza u esperjenza għandek.  Kull kelma li tgħid jew li tingħadlek taf li ssir b’għaqal u b’viżjoni li trid tagħraf taqbad u twieġeb għaliha.  Inkella titlef opportunità u dak li jista’ jsir titilfu.  Niftakarni nasal ma’ numru ta’ ministri.  Uħud wara xhur, oħrajn mad-daqqa t’għajn.  Diversi sirt nafhom u saru jafuni tant li biex nifhmu l-punti ta’ xulxin anqas nitkellmu ma’ kien ikollna l-bżonn.

4.    Din l-esperjenza politika stajt nidħol għaliha għax infetħu l-bibien tal-Unjoni Ewropea minn ħaddieħor.  Din il-ġimgħa, Eddie Fenech Adami ġie onorat bil-medalja “Robert Schumann”.  Unur prestiġġjuż però mhux sempliċement dekorattiv imma ferm u ferm iktar minn hekk.  L-unur huwa dikjarazzjoni tal-valuri nsara u Ewropej li l-President Emeritu ta u għadu jagħti.  Għalija li għandi x-xorti li nafu nagħraf dejjem iktar l-ankra ta’ ideat, ħsibijiet u viżjoni fit-tul li ħaddan.  Bniedem li qabel u wara l-poter baqa’ dak li jrid jifhem bir-raġuni, jaqra, jirrifletti u jitkellem.

5.    Eddie Fenech Adami kien passaport għalina.  Dikjarazzjoni ta’ pożizzjoni li kull min kien jiltaqa’ miegħu immedjatament jagħraf.  L-intelliġenza, għaqal u preparazzjoni tiegħu kienu ċari għal kull min fl-Ewropa jarah u jkellmu.  Meta pajjiżna beda jidħol u jipparteċipa fit-triq lejn l-Unjoni Ewropea ma kellniex bżonn nagħmlu xi prova partikolari, xi trattat, xi dikjarazzjoni ġuramentata.  Kien biżżejjed li jidher hu għalina. 

6.    Il-persuni li ltqajt magħhom iktar ‘il quddiem kollha kellhom opinjoni eċċellenti tiegħu, kienu x’kienu l-ideat jew il-partiti politiċi tagħhom.  Għalhekk, l-għoti ta’ dan il-ġieħ lil Eddie Fenech Adami kien mill-iktar naturali.  Sfortunatament, ma stajtx nattendi għaċ-ċerimonja billi kelli x’nipprepara.  Biss, minn dak li rajt u smajt jidher ċar li kienet ċerimonja unika.  Unika mhux biss fir-rikonoxximent, imma wkoll għall-fatt li saret ġewwa pajjiżna.  Il-pajjiż għandu t-tajjeb u l-ħażin tiegħu.  Hekk ukoll il-politika li għandha d-dellijiet tagħha.  Eddie Fenech Adami kellu karriera politika twila ħafna.  Ma hemmx dubju li l-maġġoranza tal-poplu tirrikonoxxi dan u għarfet li l-Ħadd li għadda unur meritat ingħata.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...