26.7.23

JIEM KATAKLIŻMIĊI

1.   Jekk kollox kien jidher għaddej qabel ilbieraħ, issa m’għadux. Jekk il-Gvern kien qiegħed jirnexxilu jfendi f’dawn il-jiem, issa le. F’ħabta u sabta waqa’ dak il-paraventu mibni fuq il-kliem sbieħ u mimlija tifħir li ilna mdorrijin nisimgħu. Dawk li l-poplu jiġi bbumbardjat bihom. Dawk li kien hemm min qal li ser jibni “Blueprint for the Future”. Dak li kellu jkun il-pjan dettaljat għall-futur sarraf f’għajnejn il-poplu fil-fatti tar-realtà politika proprju l-kontra. Dawk li kienu qed jgħidulna li huma determinati li jkomplu jġibu d-differenza pożittiva fl-iżvilupp ta’ pajjiżna sabu ruħhom jifhmu li dak kien kollu kliem, imma l-verità tal-fatti kienet u hija l-kontra. Dak li kien jidher ħajt tant sod, iżomm ’il barra l-ilmijiet, inġarr kollu f’daqqa.

Fejn hu l-Eroj ta’ Haarlem?

2.   Niftakar li, ta’ tfal, fl-iskejjel primarji tal-Istat kienu jaqrawlna l-istorja ta’ tifel żgħir li salva poplu. Kienu jirrakkuntawlna kif, waqt li kien għaddej fi triqtu, dan l-iben Olandiż induna li mid-diga li hija parti mis-sistema li tipproteġi l-pajjiż mill-baħar, kien beda dieħel l-ilma. Induna u daħħal sebgħu biex iżommu milli jkompli joħroġ u jiġbed il-ħajt kollu. Minn toqba żgħira, l-ilma seta’ kien il-kaġun tal-imwiet u d-diżastri ta’ oħrajn. Fl-istorja, ismu ma jissemmiex. Jingħad biss li kien ġej minn Haarlem. Jissemma, minflok, kif baqa’ hemm u ma ċċaqlaqx sakemm ġie l-ajjut u l-pajjiż salva. Ta’ studenti li konna bqajna mpressjonati, u fl-istess ħin deċiżi li f’ħajjitna aħna wkoll irridu nservu lill-oħrajn. Fhimna li dmirna jibda mill-affarijiet iż-żgħar, u fuqhom niġu ġġudikati. Jistgħu jiġu l-ikkumplikati, jew nivvintawhom aħna stes, imma l-passi ċkejknin iservu u jsalvaw ferm aktar.

Il-prova diretta

3.   Fl-istat li ġejna fih f’dawn il-jiem, il-pajjiż beda jinduna aktar li altru d-diskorsi retoriċi, psewdo-propagandistiċi u altru l-fatti. Hemm, issa, ir-realtà proprju quddiem dak kollu li żviluppa fil-każ tal-Inkjesta ta’ Jean Paul Sofia, kif ukoll f’dak kollu li qed naraw għaddej fil-qtugħ tal-provvista tad-dawl f’partijiet varji tal-pajjiż. F’dak li seħħ, il-Gvern qiegħed joħroġ iktar f’dak li ġieb lilu nnifsu fih. Iktar nieqes mill-kompetenza, mill-attenzjoni u mill-għarfien ta’ kif wieħed għandu jiddeċiedi sew. Fil-ħajja personali wieħed jista’ jiddeċiedi malajr, imma f’dawk tal-Istat Malti, billi hemm aktar bnedmin involuti jrid ikun ferm iktar attent. Irid ikun ippreparat ukoll jagħmel il-ħin, bħall-Eroj ta’ Haarlem, wieqaf jistenna jbati b’idu tiksaħ silġ. Kif dan ma jsirx, ibda mill-iktar affarijiet żgħar, allura kollox jidher f’dak li verament huwa. L-Oppożizzjoni, fil-fatt, f’dan kollu m’għandha bżonn tipprova xejn, għax l-aġir tal-Gvern waħdu huwa biżżejjed prova diretta u li ħadd ma jista’ jmeriha. Kull kelma hija proprju żejda u superfluwa, għax il-fatti tkellmu waħedhom.

Konfużjoni

4.   Seta’ kien hemm min, fil-kurituri tal-poter, li ħa pjaċir li l-attenzjoni nazzjonali minn fuq il-Prim Ministru, issa qed tinqleb għal fuq il-Ministru Miriam Dalli. Sija biex tneħħi l-impatt mill-iktar negattiv, ta’ kif rajna, deċiżjonijiet li kienu minnhom infushom loġiċi u ‘sempliċi’ biex jittieħdu imma li damu tant biex saru, kif ukoll biex turi nuqqasijiet f’persuna prominenti oħra fil-partit stess. Ix-xenarju politiku llum, u l-kumplikazzjonijiet li qed joħorġu bħala effett ta’ dan ngħid li huma katakliżmiċi. Dan f’diversi direzzjonijiet: l-ewwel, fl-inesperjenza u f’dak li jidher bħala l-inabilità li tifhem is-sitwazzjoni politika li żviluppat. It-tieni, fil-fatt li biex jiġi ppruvat punt, il-Gvern mar f’kontradizzjoni. Għax kif tista’ fuq naħa tinsisti li ssir biss inkjesta maġisterjali, u fuq l-oħra tattakka kemm tiflaħ lill-istess Ġudikatura li trid minnha biex turi li għandek “ir-raġun”. It-tielet, f’dan ħareġ li din it-tmexxija ministerjali hija, kollettivament, xejn tajba u mhux fuq persuna waħda, imma mifruxa fuq kull min huwa parti fil-Kabinett.

Għax riedu, jew bi traskuraġni jew b’inkompetenza

5.   Il-pajjiż, fit-toroq fehem, u qiegħed jagħmel dawn id-domandi u distinzjonijiet. Għax altru l-punt politiku, u altru l-konsegwenzi ta’ għemilhom fl-atti ta’ kommissjoni jew ommissjoni. Il-pożizzjoni ppreċipitat sew, u għalhekk qed nagħżel li nitkellem fuq katakliżmi għax min jifhem fil-politika għandu jagħraf li d-diga, jekk ma ssibx l-Eroj ta’ Haarlem għaliha, minn issa ser taqa’ aktar ’il quddiem. L-effett ser ikun kumulattiv, u altru dak li qed jiġri fi ħdan il-Partit Laburista u altru dak li qed iseħħ lil pajjiżna. Diġà qegħdin tajjeb fir-reputazzjoni li ġbarna f’dawn l-aħħar snin; issa dan kollu kien jonqos. L-impatt huwa, fih innifsu qawwi, u wieħed irid jagħraf kif ser iġib lura l-pożizzjoni f’postha.

Utopja jew Rivoluzzjoni

6.   Melvin J. Lasky (1920-2004) kien indirettament ta parir lil dawk li jridu jġibu pajjiż jimxi lura lejn is-sewwa wara l-kaos li jispiċċa fih. F’analiżi tal-ktieb tiegħu Utopia & Revolution (1976), ingħad hekk: “In his book Mr Lasky finds two recurring images that have inflamed the political imagination of men in history. The first is the image of Utopia as an orderly, disciplined, obedient anthill. The second is the image of Revolution as destructive but purging force that destroys the evils in existing society and prepares the way for Utopia.” (Fil-ktieb tiegħu Lasky jġib żewġ pożizzjonijiet rikorrenti li daħlu fl-immaġinazzjoni politika tal-bnedmin fl-istorja. Tal-ewwel l-immaġini ta’ Utopija bħala bejta tan-nemen ordinata, dixxiplinata, obbedjenti. Fit-tieni l-immaġini tar-Rivoluzzjoni bħala forza distruttiva imma li tnaddaf il-ħażen li hemm fis-soċjetà, imma li fl-aħħar tipprepara t-triq lejn l-Utopija.)

F’dan il-mument

7.   Proprju f’dan il-mument meta l-pożizzjoni politika ma tinsab tajjeb xejn, hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Fis-soċjetà li għandha, fejn ħafna jidher ħiereġ mill-idejn. Fejn il-kumplikazzjonijiet fil-kaos qed jiżdiedu proprju minħabba nuqqasijiet fl-ippjanar, fil-kompetenza u fl-amor proprju, hemm bżonn il-bidliet. Hemm bżonn mhux ta’ rivoluzzjonijiet li jispiċċaw jaħarqu anke dak jew dawk l-affarijiet li huma tajba, imma passi lura b’determinazzjoni fl-ordni morali, soċjali u legali. Passi demokratiċi mhux awtoritarji, imma li bihom nerġgħu niġu għas-sens komun. Iktar u iktar għax dak li qed naraw illum huwa konsegwenza ta’ dawn is-snin. Kumulu ta’ pożizzjonijiet fejn deċiżjonijiet ma ttiħdux jew tħallew lura. Snin, fejn flok ittieħdu d-deċiżjonijiet ta’ ppjanar sew għall-futur, tħalla kollox wieqaf u abbandunat. Jekk kien hemm min tkellem dwar problemi taħt it-tapit fi żmienna, illum ingħata raġun fi żmienhom. Proprju għalhekk, aktar u aktar fil-katakliżmi li ninsabu fihom li rridu nifhmu li hemm bżonn bidliet qawwija u li dawn iseħħu mhux wisq ’il bgħid.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...