23.10.20

Soċjetà ġusta u iktar umana.

 

 

1.      Il-Pandemija hija u ilha magħna għal ferm iktar żmien milli wħud setgħu ħasbu jew ittamaw.  Ma telqitx kif ħaseb, u tana x’nifmu li ser jiġri, il-Gvern.  Baqgħet magħna, u f’dawn il-jiem kompliet iżżid.  Kompliet taħkem il-ħajja soċjali, kulturali u ekonomika tagħna.  Il-figuri, l-istatistika jindikaw, jum wara jum, li r-riħ tagħha qiegħed jonfoħ sew, u ma hemmx ħajt ta’ kenn jew xi raġġ ta’ bidla.  Is-sitwazzjoni qegħda tiggrava sew, għax kif rajna tul din il-ġimgħa, aktar persuni ġew irreġistrati bħala pożitivi u, sfortunatament, aktar minn ħutna ġew imsejħa għal ħajja aħjar.  Ċertament m’għandniex, f’dan, naqtgħu qalbna.  Ferm inqas inneħħu t-tama ta’ futur differenti.  Imma rridu niddiskutu u nippruvaw nifhmu aħjar l-effetti fuq it-tessut soċjali tagħna.  Min intlaqat direttament, jew hu, jew dawk ta’ madwaru.  Għandna, f’dan, l-ewwel il-bżonn ta’ miżuri iktar effettivi li jnaqqsu u jikkontrollawha.  Fl-istess ħin, diskussjoni aktar serja u fit-tul fuq x’qed jiġri, x’nistgħu nbassru li ser jiġri, u kif nistgħu nibnu pjan aħjar milli għandna llum.

 

Storja

 

2.      F’dan jista’ jkun li l-affarijiet saru aħjar.  Setgħu ttieħdu deċiżjonijiet differenti.  Biss, issa hawn qegħdin u rridu, għall-ġid tal-bnedmin fuq dawn il-gżejjer, inħarsu kif nistgħu u nsibu soluzzjonijiet aqwa.  Nifhem li hemm ċertu deżert fl-ideat.  Taqra l-ġurnali jew diskorsi ta’ persuni influwenti, il-ħsieb huwa wieħed reattiv.  Skont x’naraw iseħħ, nieħdu d-deċiżjonijiet.  Il-kliem ta’ Mario Draghi: “Whatever it takes” sibnihom lura magħna tul din il-ġimgħa f’artikolu interessanti tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ pajjiżna, Mario Vella.  Kliem Draghi, f’kuntesti oħra mexxew ħafna sabiex jifhmu l-urġenza.  Mhux biss, imma miegħu kont inżid dak li qal reċentement, fit-18 ta’ Awissu f’Rimini, fuq l-effett ta’ dan kollu fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa.

 

Responsabbiltà u irresponsabbiltà

 

3.      Nagħrfu f’dan li l-Pandemija laqtet sew lill-ekonomija mondjali u tagħna, naturalment, ukoll.  Hija l-ikbar daqqa mit-Tieni Gwerra Mondjali.  Ir-rota tal-ekonomija li mdorrijin narawha għaddejja, jew naqqset, jew waqfet għal kollox.  L-egħluq ġewwa, in-nuqqas ta’ kuntatt uman ġieb tnaqqis fl-infieq u fil-konsum, b’telf ta’ mpjiegi.  Ħwienet, fabbriki, ħaddiema, professjonisti, ilkoll ħassew id-daqqa fid-dħul u fix-xogħol.  Ftit huma s-setturi li jistgħu jgħidu li ma ntmessewx, jew ma batewx.  Dan jgħodd għad-dinja u jgħodd għalina.  Dak li kien qiegħed, b’xi mod, jiġġenera d-dħul u jmexxi ‘l quddiem intlaqat sew.  Dan nafuh ilkoll.  Biss, mhux kull pajjiż jew poplu rreaġixxa għal dan b’responsabbiltà llum, u jista’ jkun f’irresponsabbiltà għall-futur.

 

It-triq għal-lum u għada

 

4.      Dak li għaddej jitlob iktar riflessjoni fuq l-effetti u l-miżuri li jistgħu jittieħdu biex inaqqsu u forsi jippruvaw ibiddlu d-direzzjoni.  Jitlob ukoll iktar studju storiku fl-effetti li pesti passati kellhom.  Ħidma li mhux naraha ssir, u li anzi qisu hemm min irid jiskartaha mill-ewwel.  Biss, il-passat jista’ jiftħilna għajnejna fuq dak li m’għandniex nagħmlu, jew aħjar, dak li nistgħu nagħmlu.  Proprju f’dan, wieħed għandu jkun iktar attent għal dak li, għada, il-Gvern ser jipproponi fil-budget.  Forsi dan huwa eżami uniku u irrepetibbli.  Opportunità unika.  Dak li ser jiġi propost ser ikun parti vitali mill-kejl tal-aġir u l-effettività tal-Istat biex iwieġeb sew għal dan.  Sallum, mingħajr ma wieħed iċekken, irridu nirrikonoxxu li l-Istat tagħna, u f’diversi oħra speċjalment fl-Ewropa, ħarsu li jkun hemm interventi finanzjajri qawwija.  Qatt ma rajna bħalhom.  Anki f’dawk li huma kontra l-indħil ta’ kull forma tal-Istat fl-ekonomija qegħdin jaqblu.  Il-budget deficit tagħna ser jikber sew, u dan ser ikun ta’ piż għal dawk li ġejjin magħna.

 

Il-miżuri

 

5.      L-għajnuna lill-ħaddiema u lill-kumpanniji kienu miżuri li żammewna għaddejjin.  Hemm żgur limitu għalihom però fil-mument jidher, għal dawk li jifhmu fl-ekonomija dominata mit-timbru tal-kapitaliżmu, li ma hemmx wisq alternattivi, u jridu għalhekk jibqgħu jiġu sostnuti.  Il-kategoriji ntagħżlu; l-istess is-setturi varji, imma biex wieħed iżomm kemm jista’ dan jidher li huma miżuri “temporanji”.  Magħhom, però, hemm ukoll għarfien ġdid li qiegħed huwa wkoll imur kontra r-regoli tad-deheb tal-ekonomija liberalista.  Minn dak li qiegħed jirriżulta ma hemmx xi bidu ġdid, jew il-possibilità ta’ twelid ta’ sistema ekonomika differenti.  Jew ta’ xi twelid mill-ġdid ta’ sistema ta’ suq iktar “pura” minn dawk kollha li fallew qabilha.

 

L-iżvantaġġi futuri

 

6.      Mario Draghi, f’dik il-ġurnata, fil-Meeting per l’amicizia tra i popoli a Rimini, ħares fit-tul.  Bniedem ta’ intelliġenza, li nieħu l-impressjoni li sakemm kien irrappuratat mill-gazzetti finanzjarji fil-lingwa Ingliża konna nagħtuh importanza, imma llum waqafna nsegwuh.  Spjega l-loġika ċara li dak li qiegħed jintefaq illum irid jibbaża ruħu fuq il-ħsieb li ser jitħallas għada pitgħada.  Għalhekk, min għadu qiegħed fil-bankijiet tal-iskola jrid jiġi armat aħjar għal dik is-sitwazzjoni.  Jiftaħ iktar u jibbaża iktar l-argument ċar li l-importanza lejn edukazzjoni aqwa mhix tingħata.  Huwa jgħid hekk: “Bisogna dare di più.  I sussidi finiranno e resterà la mancanza di una qualificazione professionale, che potrà sacrificare la loro libertà di scelte e il loro reddito futuro.”

 

Forsi vantaġġi preżenti

 

7.      F’din id-dinja fejn ġurnali bħal The Economist jitkellmu dwar “Re-cast world economic order”, jew meta jiċċitaw lil Henry Curr, li huwa “principal leader writer” fuq l-ekonomija tagħhom, li qal: “The Covid-19 pandemic will accelerate change in the world economy.  That brings both opportunity and danger.”  Hemm realtà oħra li qegħda toħroġ b’saħħa.  Għax din l-esperjenza, anzi, minflok ġiebet dinja li saret ftit iktar umana milli kienet.  Jekk għadna, b’xi mod mexjin, hemm raġunijiet li huma mwielda mhux fis-“suċċess” ekonomiku, imma fl-għarfien li rridu nirrispettaw u nkunu iktar attenti għal xuxlin.  Meta tara li anki fl-iktar pajjiżi fejn is-suq liberu huwa meqjum sew, xorta ttieħdu passi li jżommu lura r-regoli li kienu qabel jiġu prattikati.  Proprju għax il-bniedem, il-klijent, jekk irridu f’termini ekonomiċi il-konsumatur, huma importanti u jridu jiġu protetti.

 

Social Market Economy

 

8.      Hemm direzzjonijiet umani, ta’ solidarjetà veri li twieldu jew li tkattru iktar fis-soċjetà tagħna.  Passi pożittivi li għandna nieħdu lezzjoni minnhom.  Is-soċjetà ma tgħixx biss bil-materjaliżmu ekonomiku.  Wisq inqas ma nistgħu nirrelegaw bħala massima jew għajta politika li l-ekonomija hija għas-servizz tal-bniedem, u mhux il-kontra.  Dak li qiegħed jiġri qiegħed jipprova proprju dan.  U forsi hemm f’dan il-konfort mill-fatt li l-kumpanniji l-kbar u l-banek qegħdin pass kawt u attent ma’ diversi mill-klijenti tagħhom.  Hemm sospensjoni jew għarfien tad-diffikultajiet li soltu jsiru fil-pagamenti.  Hawn forma ta’ investiment fil-klijenti u f’dawk li jaħdmu fin-negozju magħhom.  Għarfien tad-diffikultajiet li għandhom u ta’ dak li għada pitgħada wieħed jista’ jsib ruħu fih.  Wara t-Tieni Gwerra Mondjali, li lkoll qed naqblu li l-effetti tagħha kienu bla preċedent, għandna niftakru li fil-Ġermanja s-soluzzjoni kienet dik li Konrad Adenauer u Ludwig Erhard ġiebu fis-seħħ.  Proprju għalhekk li għandna nieħdu l-lezzjonijiet storiċi u nagħrfu li rridu naħdmu sabiex ikollna soċjetà ferm iktar ġusta u umana milli kellna.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...