17.5.12

Preġudizzji

1.    Il-politika fiha sustanza jekk hija bażata fuq il-ħsieb.  Il-linja ideoloġika ta’ partit tagħmel id-differenza f’dak li jirrappreżenta u f’dak li, għada pitgħada, ser jikkumbatti għalih.  Hemm partiti tal-ħsieb u oħrajn tal-interess.  Hemm dawk li huma mimlija b’persuni ffurmati u mbaskta fit-triq tal-valuri u hemm oħrajn li jidhru biss mar-riħ tal-konvenjenza.  Il-poter jista’ jkun strument għas-sewwa u jista’ jsir għan fih innifsu.  F’dan il-każ, il-poter isir sakra.  Importanti li jkun f’idejk u ġġibu għandek, ikunu xi jkunu l-kompromessi u l-immoralità tad-deċiżjonijiet li trid tieħu.

2.    Fix-xenarju politiku attwali għandna linja li, sfortunatament, qegħda tieħu saħħa fil-Partit Laburista.  Kien ta’ konfort għal ħafna mill-elettorat li fiż-żewġ partiti l-kbar kien hemm numru ta’ membri parlamentari li huma ċari fl-ideat tagħhom.  Bnedmin li ma joqogħdux lura milli jiddikjaraw li huma kattoliċi prattikanti u jgħixu dik it-triq.  Min jaf l-elettort Malti jaf li, meta tħabbat il-bibien, issib fid-djar kattoliċi li jivvutaw għaż-żewġ partiti.  Biss, issa jidher ċar li hemm kurrent qawwi anti-kattoliku.  F’dawn l-aħħar snin saret ferm iktar diffiċli li tiddikjara fil-kumdità dan it-twemmin.  Hemm linja ta’ intolleranza li qegħda taħkem sabiex jiġu eliminati dawn il-persuni ta’ sustanza.  Persuni li, minħabba l-konvinzjonijiet tagħhom, lesti li jgħidu le.   

3.    Jgħidu le mhux b’kapriċċ.  Jiddikjaraw li ma jaqblux proprju għax huma ffurmati tajjeb.  Bażi soda ta’ ħajja, tal-iskop tagħha, tad-dinjità tal-bniedem, ta’ dak li verament jagħmel il-ġid lill-proxxmu.  Id-dottrina soċjali tal-Knisja Kattolika hawn illum min irid jiskartaha u jarmiha.  Jaħrab mill-għeruq ta’ dak li aħna u ta’ dak li hija l-Ewropa.  Il-valur u l-kwalità ta’ dak li għandna fil-liġijiet tagħna, li bnew id-demokrazija u li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem twieldu u baqgħu jgħixu fil-loġika u s-sanità.  Dik kienet il-fonti li, għal min irid jibqa’ rilevanti, jagħraf li jrid jibqa’ jżomm lilu nnifsu jixrob mill-ilma ġieri u frisk tagħha.

4.    Il-kattoliċi jistgħu ma jogħġbux lil kull persuna, però almenu għandhom ħsiebhom dikjarat.  Taf fejn inti magħhom.  Biss illum, fuq is-suppost mewġa ta’ liberaliżmu, hawn preġudizzji u disprezzi lejn dawk li jersqu b’dawn l-ideat insara.  Iva, hawn mas-saqajn, b’saħħa kbira medjatika, linja anti-kattolika.  Il-messaġġ huwa li l-kattoliċi huma antikwati u allura aħjar tiżbarazza ruħek minnhom.  L-agħar mhux tant dawn l-ideat għax f’dan ma hemm xejn ġdid.  Dak li huwa bla sens hu proprju li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jaħseb li hija ħaġa tajba.  Ta’ qablu kien, almenu, fehem.  Kien, minkejja l-ideat opposti tiegħu, jilqa’ u jisma vuċijiet differenti li jagħmlu ‘l-Partit Laburista sħiħ u bilanċjat.  Kif titneħħa dik il-vuċi, is-suċċess tal-ħmerijiet, wisq nibża’ li jikber.

5.    Dan deher iktar ċar tul din il-ġimgħa.  Il-poplu sab lilu nnifsu jiffaċċja din ir-realtà.  Bniedem li, tgħid x’tgħid fuqu huwa żgur onestissimu u ġenwin fi ħsibijietu, jrid iġib lilu nnifsu li jidher biex jispjega dak li ċert li ma xtaq qatt li jasal għalih.  Ma kenitx faċli, però ċert li wara ħass sens ta’ libertà.  Sens li żamm lilu nnifsu linejari mal-prinċipji li dejjem ħaddan u wera li l-impenn tiegħu kien marbut mal-bżonnijiet tal-proxxmu.  L-elettorat tiegħu jaf li l-irġulija, il-ħajja familjari, huma l-pedestalli tiegħu.  Anzi, jafu li l-impenn familjari lejn il-partit kien kbir.  Ma tilifx hu.  Tilfu l-Partit Laburista li l-vojt tiegħu ma nafx b’min irid jimlih.

6.    Hawn verament ħafna preġudizzji jiġru mas-saqajn.  Min irid jiġġieled għall-ideat tiegħu, għall-valuri li jħaddan jaf li għandu triq twila u salib xi jġorr biex iwassalhom.  Xorta, tqila kemm hija tqila t-triq, b’diffikultà jrid jaċċetta li għandu jterraqha.  Fiha l-passjonijiet tagħha.  Nieqsa mill-popolarità, imma fl-aħħar hemm il-paċi interna.  Il-kalma u l-konvinzjoni li ċert li għandu dan id-deputat li ġera t-triq it-tajba.  Jibqa’ żgur li l-Partit Laburista mexa ħażin u li, fil-verità, abbandunah.  Dawn huma eżempji umani u politiċi ħżiena.  Ma jindikawx li hemm qalb, kompassjoni u dedikazzjoni għas-sewwa.  Fl-opinjoni tiegħi, metodi żbaljati ta’ kif wieħed m’għandux jaġixxi fil-politika.  Żgur, mhux forsi, ċertifikat li dak il-partit għandu jaħbi.

2 comments:

Anonymous said...

Ghaziz Ministru,

Ghamel xi haga konkreta fuq din l-invazjoni ta' immigranti illegali li qed ikollna.

Qed naraw lil pajjizna jizgicca minn taht saqajna. Dawn mhux veru ghandhom bzonn ghajnuna imma jridu biss jahdmu u jibghatu flus lura pajjizhom u mbghad jmorru jzuru l-pajjiz fuq holiday !!

Qed narawk impotenti u li mhux taghti kas xi trid il-maggoranza tan-nies ta' dan il-pajjiz.

Carm Mifsud Bonnici said...

Din m'hix kwistjoni ta' xi trid il-maġġoranza tal-pajjiż.

Parti sostanzjali minn dawn in-nies verament ikunu qed jaħarbu minn pajjiżi imkissrin jew mill-persekuzzjoni f'pajjiżhom stess.

Dan l-allarmiżmu żejjed iwassal biss biex terġa tgħolli rasha l-intolleranza.

Ħidmet il-Gvern f'dan il-qasam ser tibqa iffukata sabiex min m'għandux dritt għall-protezzjoni jintbgħat lura pajjiżu. Dan qed isir b'mod kostanti u ser jibqa jsir. Madanakollu, min huwa intitolat għall-protezzjoni ser nibqghu naghmlu l-almu tagħna biex jingħata opportunita jiċċaqlaq lejn pajjiżi żviluppati oħra.

Fl-istess hin ser nibqgħu nisħqu mal-Unjoni Ewropea u l-UNHCR dwar il-bżonn li jsaħħu r-relazzjonijiet tagħhom mal-Libja sabiex din tkun tista tikkontrolla aħjar il-fruntieri tagħha u min ikun qed ifittex l-ażil ikollu l-opportunita li japplika għalih fil-Libja stess.

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...