14.1.21

Saħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek

 

1.     Dak li ġara tul din il-ġimgħa fl-Istati Uniti tal-Amerika għandu, u jimmerita, riflessjoni.  Jitlob dan għax wieħed irid iżommu fil-kuntest li huwa u, fl-istess ħin, jieħdu bħala lezzjoni.  Kull demokrazija għandha l-mumenti tal-prova tagħha.  Kull waħda taf li f’xi pożizzjoni ser issib lil min iqegħda fid-dubju.  Ser iqegħda għall-eżami sabiex jara kif, u safejn hija kapaċi tirbaħ fuq forzi awtoritarji.  Tirbaħ fuq min m’għandux rispett u jħares lejn il-proċess demokratiku bħala wieħed: dak tat-triq li tieħdok fis-siġġu tal-poter.

 Il-liġijiet biżżejjed?

 2.     Le. Il-liġijiet mhumiex biżżejjed.  Huma neċessarji, u ma hemmx limitu għal-livell tal-bidliet li jkun hemm lok li jsiru minn żmien għal żmien.  Imma hemm element iktar qawwi mill-kitba tar-regoli.  Mid-direzzjoni li parlament jista’ jipprova jagħti sabiex sistema tiġi “garantita” li qegħda taħdem.  Imma, kif nafu mill-esperjenza tagħna f’dawn il-gżejjer, iridu jkunu l-bnedmin li jirrispettaw id-demokrazija.  Tista’, fuq naħa jkollok bnedmin li huma kommessi għad-demokrazija, li jifhmu li din tiġi mill-imġieba tagħhom.  U tista’, fuq l-oħra, ikollok l-aqwa liġijiet magħmula u mfassla fuq esperjenzi politiċi varji li mhumiex osservati u rispettati.

 Ubbidjenza tar-regoli

 3.     Imma huwa l-ispirtu demokratiku li huwa fil-bniedem u li jmexxih li jirbaħ.  Hemm, fuq kollox, l-għarfien li ħadd ma huwa ‘l fuq mill-poter tal-liġi.  Li ħadd ma jista’ jaħseb li l-mandat f’elezzjoni ġenerali jfisser li jista’ jagħmel li jrid għax għandu “dritt”, “super-power”, jew għax huwa jirrappreżenta l-“vuċi pura” tal-volontà popolari.  Hemm il-liġijiet kostituzzjonali u nazzjonali ordinarji li jridu jiġu obduti f’żewġ direzzjonijiet.  Osservati fil-kitba, imma l-iktar fl-iskop, fil-motivazzjoni, fl-ispirtu tan-norma.  Tul dawn l-aħħar snin kiber riħ kuntrarju.  Kiber fil-ħsieb li l-vuċi tal-poplu għandha bżonn mexxejja “b’saħħithom”, awtoritarji, biex iwieġbu għar-realtà.  Dawk li qed jiġu identifikati jew jippretendu li huma “populisti”, u għalhekk “speċjali”.  Imma l-ħajja turi l-kontra.  Għax ir-realtà fiha nfisha, u fid-demokrazija, hija differenti.

 Kwistjoni ta’ demokrazija

 4.     Diġà l-proċess u l-għarfien fil-perjodu ta’ transizzjoni kien qawwi fil-biża’ tal-perikli li s-sistema kienet għaddejja minnu.  F’The Economist tat-28 ta’ Novembru li għadda, l-editorjal prinċipali kien “The Resilience of Democracy”.  F’dak, hemm ċar dan il-ħsieb: “Mr. Trump has still done harm, as have the Republican leaders who indulged him.  Given that four in every five Republican voters say the vote was “stolen”, trust in the fairness of elections has been shaken and Mr. Biden unjustly undermined from the very start”.  Però jidher li jirrifletti dwar il-bilanċ tal-konsegwenzi li: “That is not a threat to the republic’s existence, but it does mark a further partisan deterioration in American democracy.”

 L-Attakk

 5.     Is-sitwazzjoni ma waqfitx, u l-aġir żbaljat u anti-demokratiku ta’ Trump wasslu, kif rajna, għal konsegwenzi agħar.  Għax l-attakk li seħħ minn folla msaħħna l-Erbgħa li għadda jinkwadra, f’ħafna, f’dan il-kuntest.  Magħmula minn persuni li sabu min isaħħanhom u jirkeb fuq l-ideat żbaljati li għandhom.  Fuq kollox, mill-istess Trump li kien baqa’ ma jistax jaċċetta li tilef.  Ma jridx jikkonċedi li Joe Biden huwa l-persuna li l-elettorat għażel.  U għalhekk, kien ilu mill-4 ta’ Novembru, ġimgħa wara ġimgħa, jibgħat messaġġ inveritier li huwa rebaħ u li l-elezzjoni ittieħdet b’ingann.  U kif, sfortunatament nagħrfu u nafu, għax l-istorja umana tgħallem, meta tirrepeti dak li mhuwiex minnu iktar minn darba tispiċċa biex tiġi emmnut bħala fatt li mhux.

Bilanċ tal-konsegwenzi

 6.     L-effett huwa li persuni tilfu ħajjithom f’dan il-ġenn uman.  Mhux biss, imma hemm l-effetti fuq il-kredibilità u l-kredenzjali tal-Partit Repubblikan.  Taf tkun bidla determinanti.  Bidla fil-bażi sabiex il-forza moderata fih tikber fis-saħħa politika.  Tmur iktar lejn iċ-ċentru u tagħraf il-vantaġġi ta’ soċjetà ibbażata fuq il-ġustizzja soċjali.  L-iktar, it-tneħħija fis-saħħa għal ċerti elementi li ilhom jidentifikaw ruħhom fil-partit.  L-ewwel: għax hemm bżonn it-tneħħija tal-fatt li l-lemin estrem f’dak il-pajjiż kien qiegħed jidentifika, komodament, ruħu fih.  It-tieni: li quddiem ix-xeni ta’ bnedmin jiġru bi bnadar konfederati fil-parlament, jingħalaq il-kapitolu tal-Gwerra Ċivili wara mija u sittin sena mill-bidu tagħha f’April 1861.

 Il-futur

7.     Kemm il-proċess fil-Partit Repubblikan ser isir f’dawn is-snin huwa determinanti għalih, imma l-iktar għad-demokrazija f’dak il-pajjiż.  Wara li għaddew dawn l-erba’ snin mill-iktar riskjużi għad-dinja, m’għandux ikun permess minnhom li Donald Trump, l-ewwel, jibqa’ jiddomina ‘l-partit; u t-tieni, li jingħata nkarigu ieħor fl-elezzjoni presidenzjali li ġejja.  Il-pożizzjoni tagħhom għandha tmur lejn iktar għarfien li d-demokrazija hija dipendenti minn forza moderata.  Proprju għalhekk li l-piż fuq il-President il-ġdid, Joe Biden, jikber.  Għandu diffikultajiet biex jikkalma lura s-sitwazzjoni, kif ukoll biex iġib il-paċi u l-istabilità interna.

 Mumenti tal-prova

 8.     Kull demokrazija, kif l-esperjenza politika tgħallem, għandha bżonn ukoll il-mument tal-prova tagħha.  Is-suċċess tagħha jġib għaliha lil dawk li jibdew jaħsbu li xejn mhuwa ser imissha.  Jaħsbu li ser tibqa’ l-istess, u li m’għandhomx bżonn jaħdmu sabiex jassiguraw li ma jagħtux appoġġ lil dawk il-politiċi li jersqu lejn pożizzjonijiet anti-demokratiċi u forom varji ta’ populiżmu.  Għandu jkun mument ta’ riflessjoni għalina wkoll.  Speċjalment għal dawk li jaħsbu li din il-forma ta’ politika tagħmel xi ġid.  Hija biss forma reazzjonarja li proprju f’dawn il-jiem, min fl-Ewropa u fi ħdanna appoġġja lil Trump, għandu jagħraf l-iżball tagħha.  Meta bnedmin fil-politika demokratika ma jirrispettawx l-ispirtu fundamentali tagħha jġibu dan kollu.

 Nissudaw u nsaħħu

 9.     Id-demokrazija trid aġir korrett.  Biss, titlob iktar li jkun hemm għarfien ta’ dak li tfisser.  Hemm bżonn iktar informazzjoni, edukazzjoni u formazzjoni demokratika.  Hemm bżonn iktar tixrid tal-korrettezza li hemm fl-osservanza tar-regoli, biex is-sistema u s-soċjetà jiġu garantiti.  Hemm bżonn nifhmu li ngħixu f’soċjetà, f’komunità, fi stat li jipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tagħna.  Fi żminijiet oħra, missirijietna kienu jsakkru l-bibien tal-belt fid-dlam tal-lejl.  Jipproteġu dawk li huma ġewwa biex ma jintgħelbux.  Proprju għalhekk li minn dan kollu għandna nifhmu li għandna dmir li nsaħħu l-istaneg ta’ bwiebna.

 

 

 

 

 

   

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...