14.1.21

Nittamaw iktar

 1.         Forsi parti mill-proċess sħiħ ta’ dak li għaddejna u għadejjin minnu.  Forsi parti mil-lezzjonijiet li qed nippruvaw nieħdu.  Forsi f’dan, id-dinja taf tkun qegħda tibda paġna ġdida tul din is-sena.  Paġna li tħares li ssolvi iktar il-problemi li hija stess welldet.  Issolvihom sabiex nagħtu ħajja aħjar lid-diversi li jixirqilhom ferm iktar milli qed jingħatalhom.  Din hija l-isfida tagħna lkoll.  Hija wkoll parti mill-proċess ta’ bidla li għandna tant bżonn, u li issa forsi wasalna fil-mument fejn bilfors irridu nwettquhom.

 Aħbarijiet aħjar

 2.     Il-fatt li għandna issa risposta medika għall-pandemija.  Il-fatt li għandna għad-dispożizzjoni tagħna l-vaċċin kontra huwa pass li jqawwilna qalbna.  Hemm il-grazzi ta’ diversi li din hija għad-dispożizzjoni tagħna.  Il-gratitudni lejn min skopra, ħadem u issa qiegħed iġib għalina.  Nittamaw li tkun effettiva.  Nittmaw li kull persuna tkun tista’ teħodha malajr kemm jista’ jkun.  Kemm il-ħin u l-produzzjoni jippermettulna.  Kemm il-pajjiż tagħna jkun organizzat u moħħu ċar fil-prijorità huwa għalhekk iktar determinanti.  Nittama li l-prinċipji tas-sewwa u l-ġustizzja soċjali jiġu hawn verament rispettati u implimentati.

 Waslu fl-aħħar

 3.     Wara snin sħaħ ta’ taqlib u problemi, issa jidher li fl-aħħar il-ftehim ġie milħuq bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.  Il-pożizzjoni hija aħjar milli kienet qed tidher li ser tiġi.  Dak li ġie maqbul huwa fiċ-ċirkostanzi ferm iktar aħjar milli li kieku ma kienx hemm dan.  L-isforzi saru, u issa hemm stampa aktar aħjar.  Kemm fl-aħħar tal-ġurnata ser iġġib dak li qed jittamaw is-sostenituri ta’ Brexit għad irridu mmissu.  Kemm aħna f’pajjiżna ser nifhmu, jum wara jum, l-isfidi li ser jiġu quddiemna wkoll.  Biss dan il-pass ser iservi ta’ bidla qawwija fil-mod ta’ kif inħarsu, bidla fil-kultura u fl-ideat tagħna.

 Aħbarijiet oħra

 4.     Mid-dinja Ewropea, il-ftehim li ġie reġistrat f’dawn il-jiem maċ-Ċina huwa pass ieħor fit-tama tagħna.  Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea Angela Merkel, Ursula von der Leyen, Charles Michel u Emanuel Macron u Xi Jinping għar-Repubblika Ċiniża waslu u qablu sabiex ikun hemm investimenti multi-biljunarji.  Kif ingħad tajjeb miż-żewġ naħat, dan għandu jiftaħ iktar u jġib effetti tajba: “stimulate the global economy as it recovers from the coronavirus pandemic, as well as promote economic globalization and free trade”.  Pass li stati oħra, tagħna nkluż, ser jaraw kif u sa fejn jaqbel lilhom.

 Punt ta’ tama oħra

 5.     Id-dinja għaddiet, tul dawn l-aħħar erbgħin sena, minn kumplikazzjonijiet ukoll fil-politika barranija.  Il-fatt li l-Istati Uniti tal-Amerika, immexxija minn Donald Trump, biddlet ħafna minn dak li kienet bniet fis-snin ta’ qabel, ma tantx għen.  F’dan il-kuntest, iċ-Ċina baqgħet konsistenti u kkontribwiet fil-fatturi ta’ stabilità mondjali.  Illum għandna quddiemna l-fatt ċert li l-Presidenza għaddiet f’idejn Joe Biden.  Nafu li l-opinjonijiet li ġew diġà mmarkati għandhom jgħinu sabiex napprezzaw iktar dak li ngawdu minnu.  Napprezzaw u nibnu iktar proprju għax fil-messaġġ li stajna nitilfu dak li għal snin twal inbena, għandna nżommu t-tajjeb li kellna.

 Sfidi għalina

 6.     Aħna għandna iktar, nittama, nibnu fl-istrutturi tagħna biex nużaw aħjar il-pożizzjoni politika tagħna fi ħdan l-Unjoni Ewropea.  Hemm iktar li nistgħu nirbħu minn dan.  Hemm bżonn pjan aqwa u maqbul aħjar bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.  Wieħed li nżommulu konsistenza fil-prijorità u fid-direzzjoni.  Ngħid li f’ħafna għadna qed nirrealizzaw u f’diversi għadna nikkunsidraw l-Unjoni bħal ma konna r-Renju Unit.  M’għandniex nibqgħu nħarsu x’ser nieħdu f’termini finanzjarji, imma iktar fejn aħna rridu li l-Unjoni tmur.  Nibnu politika ta’ dawk li ser ikunu l-isfidi Mediterranji u Afrikani.  Imma, fuq kollox, inkunu iktar protagonisti u pro-attivi milli reattivi.  Fuq kollox, proċess li għandna nħarsu lejh b’iktar ħeġġa u fit-tul, milli f’dożi strambi ta’ “passività”.

 Nittama li ma nitilfux li għandna

 7.     Pajjiżna huwa uniku u mimli b’vitalità, intelliġenza, immaġinazzjoni, saħħa.  Huwa oriġinali.  Il-fatt li huwa parti mill-Unjoni Ewropea ma jfissirx li għandu jsir kopja ta’ mudelli oħra.  Aħna differenti u hemm irridu nassiguraw li nibqgħu.  Għall-ġid tagħna, u anki tal-istess Unjoni li tgawdi mid-diversità.  Ikun żball min jaħseb li hemm proċess ta’ “invażjoni” ta’ kurrenti.  Imma huwa daqshekk ieħor żbaljat jekk wieħed ikun rassenjat jaċċettahom, meta jaf li ma jaqblux magħna.  M’għandux ikollna nuqqas ta’ kuraġġ u determinazzjoni f’dan.  Il-progress jew rigress, inkella l-mobilità kontra l-immobilità huma parti sħiħa minn soċjetà.  Parti minn proċess normali u naturali li huwa neċessarju għall-ġid tagħna.

 Nittama sempliċement

 8.     Qalb il-bniedem hija diffiċli u kumplikata; daqshekk ieħor hija dik ta’ komunità, nazzjon, poplu.  Biss, min jipprova jibdel għax ħaddieħor bidel ma jkunx korrett.  Jew dak li nħoss li huwa agħar.  Nirreferi għal klassi partikolari.  Għad għandna parti mis-soċjetà li minkejja l-Indipendenza, għadha mwaħħla taħseb li kull ma nwettqu aħna huwa ħażin u dak li jsir mill-oħrajn huwa dejjem aqwa minn tagħna.  U għalhekk iridu jimitaw biex jikkonformaw fl-iżbalji ta’ dawk li jridu jqegħdu huma fuq pedestall.  Fir-realtà, m’għandniex minn xhiex nistħu f’dak kollu li aħna.  M’aħniex razza ta’ puritani, imma waħda li taf il-valur tal-bniedem, tal-ħajja, u taf twettaq bilanċi biex jitwettqu l-ġustizzja u l-ħniena umana.

 Fit-Tama hemm futur

 9.     Dawn il-gżejjer tagħna għandhom vantaġġi li oħrajn m’għandhomx.  Dożi mħallta f’daqqa ġejjin mill-klima, l-ambjent sħiħ, dak naturali, dak kulturali, l-ideat tagħna, l-abbiltà li nifhmu malajr u niddeċiedu b’għaqal.  Jekk ħaddieħor indejquh jiddispjaċina, imma m’għandniex ninbidlu biex insiru nogħġbuh.  Għandna nżidu iktar fir-rispett tagħna nfusna.  Ma nintremewx u nżommu aħjar il-pożizzjonijiet tagħna.  Mhux biex inkunu rasna iebsa, imma biex inkunu iktar dak li aħna.  Hemm min, fil-klassi politika, tul dawn is-snin ma fehemx dan kollu.  Hemm min waqqa’ lilu nnifsu u lilna għaċ-ċajt f’dan.  Intrema fix-xejn.  Nittama li fil-futur nifhmu dan u niċċaqilqu b’għerf fih.

 Nittamaw fir-rettitudni

 10.   Nittamaw li nifhmu li l-imġieba pubblika għandha żżomm sod dak li t-tradizzjonijiet ta’ missirijietna għaddewlna.  Ma nkunux daqshekk lesti li narmu s-sewwa, l-onestà u l-irġulija.  Nittama li nifhmu li għandna nkunu leali lejn dan kollu.  Lealtà bażata fuq lezzjonijiet tajba li għaddew ta’ qabilna.  Insegwu l-eżempji tajba  ta’ Maltin u Għawdxin oħra bħalna u ma nippruvawx nidhru “differenti” f’oħrajn.  Proprju għalhekk li nittama li tul din is-sena 2021 nieħdu lura dak li tlifna u nassiguraw iktar dak li għandna.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...