27.5.20

Inkunu li aħna.


 

1.     Pajjiżna għadda minn ħafna.  Ser jibqa’ għaddej ukoll minn sfidi varji.  Il-bniedem fuq dawn il-gżejjer ikkumbatta, u ser jibqa’.  Daqqa jkun għaddej minn mumenti inqas kumplikati, u daqqa jinħakem minnhom.  Il-problema, ħafna drabi, illum hija marbuta mhux man-natura tad-diffikultajiet, imma minn nuqqas ta’ għarfien tal-passat tagħna.  Dawk li jinsabu midfuna.  Dawk li l-għadam tagħhom għadna nsibu għaddew u ġarrbu bħalna.  Ma hemmx xi linja differenti fil-mod li l-bniedem jirreaġixxi.  Biss, dawk li ngħixu llum għandna l-vantaġġ li għandna għad-dispożizzjoni tagħna kwantità ta’ informazzjoni u riflessjonijiet li nistgħu naqraw u nieħdu direzzjoni minnhom.

 

F’Ħal Tarxien

 

2.     Il-lezzjoni kienet iktar ċara din il-ġimgħa.  L-aħbar li xxandret fuq numru ta’ mezzi tax-xandir li kien instab qabar Puniku wasslet iktar dan.  Fis-silenzju tas-sekli, min indifen baqa’ rispettat.  Il-post ġie rrappurtat li ma kienx minsus.  Ħadd ma pprova jqajjem, f’dawn is-snin twal, dak li baqa’ preservat biex jagħti lezzjoni.  Preservat biex ikun ċar li dawk li għexu hawn irrispettaw id-dinjità umana.  Dawk li kienu qed jaħdmu l-art kienu deċiżi li anke fil-mewt, il-bniedem ma jitlifx minn dak li għandu għażiż.  L-oġġetti li nstabu għadda fuqhom iż-żmien, imma fihom għad hemm il-messaġġ tas-sewwa.  Messaġġ ta’ direzzjoni ċara.

 

Il-pajjiż wieqaf?

 

3.     Għal uħud, il-pajjiż jinsab wieqaf.  Fir-realtà mhuwiex.  Għadu għaddej, mhux fl-attività fiżika, imma fil-ħsieb u fir-riflessjoni.  Naħseb li ħafna forsi sarrfu iktar l-għarfien tagħhom ta’ dak li huwa importanti fil-ħajja, u ngħatajna l-possibilità li naħsbu kif nibdlu dak li għandu jinbidel, jew li dejjem xtaqna li nibdlu imma ma rnexxilniex.  L-isfidi, hawn, huma fuq livelli varji.  Huma hekk għax il-pajjiż huwa magħmul mill-bnedmin.  Imma kemm, ftit xhur ilu, konna nħarsuh?  Kemm konna nibnu sistemi ekonomiċi u soċjali tagħna fuq il-ħajja u fuq il-bżonn tar-rispett tagħna, naħseb li lkoll niddubitaw.

 

Direzzjoni ċara

 

4.     Biss, f’dan hawn issa l-pass iktar impenjattiv.  Il-pajjiż għandu għad-dispożizzjoni tiegħu mudell differenti, iktar rilevanti għalih milli kellu?  Ħafna qed jifhmu li l-bidliet politiċi li rajna tul dan il-bidu tas-sena kienu parti minn dak li diġà kien hemm.  Il-“garanzija” interna fil-Partit Laburista fil-Gvern kienet bażata direttament, u indirettament, fuq il-pjan “roadmap”, li kollox jibqa’ kif kien.  L-għażla saret f’dak l-isfond u b’dawk ir-raġunijiet umani.  Imma llum, il-pożizzjoni qegħda titlob bidla.  Bidla, li aktar ma jgħaddu l-ġranet, iktar ser tkun waħda neċessarja.

 

Road blocked

 

5.     F’dawn il-ġranet, hemm proprju dan l-iżvilupp.  Il-Gvern irid li kollox jiġi lura għan-“normal”, għal dak li kien hemm qabel Novembru 2019, malajr.  Irid dan, proprju għax qiegħed jipprova jaħrab minn dak li jidher dejjem iktar, u iktar, li huwa inevitabbli.  Ħafna fil-poplu qegħdin jippruvaw jidħlu lura għall-ħidma tas-soltu.  Imma qegħdin, fit-twettiq ta’ dan, jagħrfu l-kumplikazzjonijiet li fih fir-realtà tas-saħħa li għandna.  Realtà li wieħed ma jistax jaħrab.  Jista’ biss jipprova jifhem, jirreżisti, imma jaf li ma jistax jirbaħ bil-kliem jew volontà.  Jista’ jipprova, imma jagħraf li mhuwiex ser jagħmel wisq sens, soċjalment u ekonomikament.  Il-mekkaniżmi kummerċjali preċedenti, f’dan il-mument, ma jistgħux jitħaddmu.

 

Xejn ġdid

 

6.     Il-bnedmin, f’ġenerazzjonijiet varji, sabu ruħhom jiffaċċjaw il-pandemiji.  Uħud inkitbu stejjer dwarhom, u ġew dokumentati sew; oħrajn għaddew biex iffurmaw u bidlu l-ħajja tal-bniedem.  Min huwa midfun f’dak il-qabar Puniku f’Ħal Tarxien ċert illi, kieku jista’, jirrakkuntalna dak li dik is-soċjetà għaddiet minnu.  Il-passi fid-direzzjonijiet li jittieħdu f’soċjetà, f’ċiviltà, jiddependu proprju minn dan.  Ċiviltà tista’ tinegħleb kompletament u tispiċċa, kif nafu li seħħ.  Tista’ wkoll tagħraf li għandha tħalli l-affarijiet jieħdu t-triq tagħhom, u ma tkunx nieqsa mill-għerf u l-għaqal.  Tħares il-proċess naturali li qed nerġgħu ngħaddu minnu.  Għax in-natura tibqa’ li hija, u trid tiġi rispettata.

 

Fil-ħin tagħhom

 

7.     F’dawn il-jiem, ġiet quddiemi sentenza inizjali f’dak li huwa msejjaħ bħala Il Manifesto di Ventotene, li tgħid hekk: “L’uomo non deve essere un mero strumento altrui, ma un autonomo centro di vita.”  Meta l-politika ta’ pajjiż taħrab minn dan, anzi, meta ma tirrispettax dan, il-konsegwenzi nagħrfu x’inhuma.  Il-bniedem, illum, irid direzzjoni politika, imma mhux fil-linja ta’ dak li kellu, imma f’dak li ser isib quddiemu.  Ix-xenarju ser ikun mibdul.  Jista’ jwebbes rasu u jinsisti li kollox baqa’ l-istess.  Jista’, minflok, jifhem l-opportunitajiet u ċirkostani ġodda biex jieħu lezzjoni.

 

Quddiem il-ħajja

 

8.     Proprju għalhekk li għandna nifhmu iktar dak li sawwarna bħala poplu.  Nifhmu iktar li għexna bl-intelliġenza u l-għaqal.  Nifhmu li d-deċiżjonijiet mgħaġġla ma jsolvux, imma jikkumplikaw.  Nifhmu li fis-sekli li l-bniedem ilu jgħix, u jindifen, hemm lezzjonijiet li jridu jiġu rispettati.  Nifhmu, fuq kollox, li aħna għandna nibqgħu, u nkunu, dak li aħna.

 

 

 


No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...