4.4.19

Il-futur huwa miftuħ?




1.   Hija neċessità vitali għas-soċjetà miftuħa li tiddubita jekk għandhiex f’idejha l-verità.  Imma jkun periklu mortali għaliha li tiddubita li din, fil-fatt, tista’ tinstab.  Hekk kien qal Karl Popper xi snin ilu.  F’dinja tal-hekk identifikat bħala “populiżmu”, fejn il-ħsieb hyuwa li wieħed jgħix f’dinja politika li ma tfittixx il-verità, dan il-kliem fih sens.  Nafu li l-bnedmin ma jgħidux il-verità.  Nafu li jippruvaw ibiddlu l-fatti b’kummenti li jmorru l-kontra ta’ dak li hemm fil-verità.  Nafu li hemm min iħobb ikabbar l-affarijiet għall-oħrajn, deċiżament mhux għalih.  Imma dan ma jfissirx li l-verità ma teżistix.

X’kuntrasti

2.   Waqt li f’pajjiżna l-istatistika bdiet turi li għandna problemi soċjali serji, l-aġenda nazzjonali, minflok, titqiegħed fuq mewġa oħra ta’ aljenazzjoni.  Ngħid dan għax hemm punti ta’ prijorità li wieħed għandu jidħol għalihom b’konvinzjoni u b’passjoni.  Hemm diversi oħra li wieħed jinduna li qed isiru minn dan il-Gvern b’konvenjenza.  L-aljenazzjoni politika sservi ħafna.  Isservi lil dawk li ma jridux iwettqu r-riforma soċjali li hemm bżonn iseħħ.  Ma jridux iġibu fis-seħħ dak li huwa verament prijorità għall-poplu, imma jippreferu li jintilfu fi sqaqien oħra.  Logħob politiku ieħor, li qed narawh u  mmissuh.

Ma tantx jitwemmnu

3.   Il-Gvern tilef ħafna mill-kredibilità politika tiegħu f’din it-tieni leġislatura.  Diġà r-“road maps” famużi tal-kampanja tal-2013 irrendew lilhom infushom f’dak li huma.  Ineżistenti.  Biex isir ċaqliq soċjali jew politiku jrid ikun hemm min jimbotta.  Min jinsisti.  Min jikkritika bl-aħrax.  Inkella jkunu ċerti interessi oħra, li mhux dejjem wieħed jinnutahom.  Inkella kollox jibqa’ kif inhuwa.  Hawn, preżentement, mument ta’ waqfien.  Mument ta’ stennija għal dak li ser iseħħ, jew li jista’ jkun li jseħħ fi ħdan il-Partit Laburista.

Ħatra ġdida

4.   Anki jekk il-Prim Ministru jerġa’ jibdielu, qed naraw biċċiet varji fi ħdan il-partit fil-Gvern.  Fir-realtà, minn eżami partikolari, wieħed isib lilu nnifsu fl-għażla li kienet saret wara r-riżenja ta’ Dr Alfred Sant.  Hemm lealtajiet passati li qed jerġgħu jiġu lura f’daqqa.  Dawn bdew proċess intern li, fis-soċjetà tal-lum, jimmarkaw ruħhom mill-ewwel esternament.  Dak li l-bnedmin jiktbu.  Dak li jgħidu.  Kollox juri li reġa’ hemm il-kurrenti jikkumbattu f’pożizzjoni politika mhux proprju opportuna.

Diskussjoni jew diviżjoni

5.   F’dan, bdejna naraw il-proċess li fih jiġu reġistrati punti ta’ nuqqas ta’ qbil.  “Ideoloġiku”, jew iktar kulurit “personali”.  Ċertament, il-kwistjoni morali hija għolja.  Hemm dawk li jirrappreżentaw it-tkomplija tal-linja politika preżenti.  Dik li ma tħarisx li tneħħi l-elementi identifikati bħala nieqsa mill-onestà u integrità politika.  Fuq l-oħra dawk li jridu bidla u distinzjoni bejniethom u bejn min mhuwiex nadif fil-kamp politiku.  Dwar dak li huwa personali, sakemm jibqa’ fil-livell tad-diskussjoni huwa tajjeb, imma jekk jaqbeż u jmur lejn id-diviżjoni, l-affarijiet jafu jinbidlu.

Skaldi u travi

6.   Nisimgħu u naraw, min-naħa tagħna, lejn dik tal-Gvern.  Naqraw fil-gazzetti.  Dawk tal-Gvern.  Dawk viċin ħafna l-Gvern, u dawk li ma jridux jeħduha kontra tiegħu.  Il-kandidati li mhumiex wisq “favoriti” għall-“establishment” intern isibu li dnubiethom jitqegħdu mill-ewwel fil-livell tal-mortali.  Dawk il-kontra, la jingħad li dinbu, u jekk iva, jidhru dejjem venjali.  Ngħid dan iktar u iktar għax hemm il-proċess ta’ dawk li jaraw l-iskaldi bħala travi f’għajnejn l-oħrajn u ma jistgħux jaraw il-kontra.  Mhumiex kapaċi jaraw xi travi kbar u ħoxnin għandhom huma.

Fl-Aqwa Żmien

7.   Ċertament qegħdin f’din il-fażi id f’id mal-aqwa żmien ta’ kif qed issir il-politika.  Ser jingħad dak li m’għandux.  Ser ikun hemm aġendi varji.  Kemm dan, però, ser iġib il-bidla fi ħdan il-Partit Laburista, ftit jafu.  Kemm ser jieqaf  dak li kien iddikjara Giuseppe Tommasi di Lampedusa: “Cambiare tutto perché niente cambi”.  Kif, anzi, ngħadli forsi aħjar: sa issa l-politika tal-midluka baqgħet għaddejja; min jaf jekk tinbidilx?  Inħarsu u naraw jekk, kif kien jgħid Popper fil-ġlieda tiegħu kontra l-istoriċizju ideoloġiku, li l-futur huwa miftuħ, u għalhekk kollox jista’ jiġri fi ħdan dak il-partit fil-Gvern.




No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...