20.1.19

Velenu fis-Soċjetà




1.    Kont diġà qiegħed naħseb f’dan is-suġġett li mmiss miegħu kull ġurnata.  Kien diġà ġej u sejjer ġewwa fija meta sibt ruħi f’Agrigento, fi ħdan id-diversi tempji li hemm dedikati lil tant allat foloz mill-bidu tad-dinja Griega.  F’temp xitwi.  Fi sfond griż, li ma’ kull ħin kien qiegħed ikompli jiskura u jhedded xita qawwija, bdejt nara li r-ritratti li ġbidt kienu qed jidhru isbaħ mis-soltu.  Kif qbiżt dak li l-bnedmin, wara, sejħu “Tempju tal-Konkordja”, ġew quddiemi mill-ġdid ix-xeni li akkumpanjaw lill-filosofu Grieg Sokrate.  Il-bniedem tar-raġuni, tal-intelliġenza, li fittex il-verità u aċċetta li jixrob il-velenu fl-aħħar tal-proċess legali mill-iktar inġust.  Hu, li għamel il-ġid lid-dinja, għażel li joħroġ minnha permezz ta’ sustanza li tagħmel il-ħsara lill-bniedem.

2.    Il-velenu jagħmel il-ħsara.  Imma l-bniedem jużah.  Għandu użi varji għalih.  Dawk li jippruvaw jibdluh f’mediċina.  Dawk li jużawh biex iweġġgħu lill-oħrajn, biex jeqirdu lill-oħrajn.  Iżidu din is-sustanza li tagħmel il-ħsara ma’ dak li huwa tajjeb biex jidħku b’oħrajn.  Il-velenu jirket u jitħallat ma’ dak li s-soltu huwa tajjeb biex iweġġa’ u jelimina.  San Benedittu ta’ Norcia, li ta bidu għal triq qaddisa, għaraf dan huwa wkoll.  Direttament meta bnedmin f’Vicovara, li kienu qed jgħixu ħajja xejn tajba, ħalltu l-velenu mal-inbid.  Servewh biex huwa jixorbu u jmut.  Għamlu dan għax ma felħux il-kelma t-tajba u s-sejħa li kien qed jgħaddilhom biex jibdlu ħajjithom.  Billi kien ibierek u jrodd is-salib fuq dak li kien jiekol u jixrob, it-tazza nkisret.  Is-sewwa neħħa l-effett li l-velenu kien mibgħut biex iwettaq.

3.    Tema miġjuba iktar għad-dawl mill-ktieb ta’ Umberto Eco “Nel Nome della Rosa”.  Kif f’monasteru Benedittin, Franġiskan jilbes l-uniformi ta’ spettur kanoniku biex isib kif, u għaliex, tant reliġjużi kienu qed jinqatlu.  Fi sfond mill-isbaħ, u permezz ta’ pinna mill-aqwa, il-velenu jagħmel tiegħu.  Il-protagonista jidlet it-truf ta’ ktieb ta’ Aristotile dwar id-daħk bil-materjal li joqtol.  L-għerf, il-filosofija, il-letteratura, ir-reliġjon isiru ħaġa waħda.  Jaqbdlu linja preċiża.  Hemm ċara dik it-triq twila, li fiha hemm, però, l-imrar, il-gambetta tal-ħajja li l-velenu jirrappreżenta tant tajjeb.

4.    Il-Ħadd li għadda fakkarna l-mitt sena mit-tmiem tal-Gwerra l-Kbira.  Fil-11 ta’ Novembru 1918 waqfet dik il-mewġa umana, imma distruttriċi.  Dik li permezz tagħha diversi stati daħlu biex qerdu lil xulxin.  Ħafna mietu.  Sar tkissir u telf ekonomiku.  Ġew użati mezzi mill-iktar ħżiena, velenużi.  Gass magħruf bħala “tal-mustarda” u oħrajn kienu jintelqu fl-arja min-naħa għall-oħra tat-trunċieri.  Diversi mietu, f’xeni mfakkra fil-letteratura, fil-poeżija.  Kif telimina lill-oħrajn bl-użu ta’ materjal velenuż, anke jekk ma tafx min huma.  Forza ta’ distruzzjoni bla rażan.

5.    Ilbisna f’dawn il-jiem il-pepprina fuq il-pavru tagħna.  Din il-fjura li ntagħżlet biex tfakkarna f’dik il-gwerra.  Dik li kibret waqt il-gwerra stess, fejn il-velenu wkoll kien qiegħed jixxerred.  Fjura ħamranija mill-isbaħ.  Waħda li kull sena niftakruha minn meta konna tfal fl-iskejjel primarji, tinxtered u tinbiegħ.  X’simbolu qawwi!  Waħda li fiha nfisha hija rappreżentattiva ta’ dak li ġara.  Għax għalkemm dinjituża, hija stess kapaċi tinbidel u tkun fjura velenuża.

6.    Il-velenu ma telaqx minn magħna ma’ tmiem dik il-gwerra.  Għadu magħna llum.  Illum, l-istrumenti prinċipali għat-tixrid tiegħu jaqa’ f’idejn il-kelma, il-medja, il-gazzetti, id-diskorsi pubbliċi li jxerrdu dellijiet li m’għandhomx.  Fid-duwaliżmu li kontinwament insibu l-velenu fih, il-linja ta’ ġustifikazzjoni titlaq minn jekk hux qed tingħad il-verità jew le.  Anzi, fl-iskuża li qed issir parteċipazzjoni għas-servizz tal-verità, tinħareġ anti-verità fil-velenu soċjali li jniġġes. Velenu li jweġġa’ u jħammeġ lil dawk li jsibu ruħhom l-oġġetti, is-suġġetti passivi ta’ min irid jagħmlilhom il-ħsara waqt li jidher li qed jgħid il-verità.

7.    Proċess li jweġġa’, iferi u jniġġes.  Min huwa s-suġġett tal-attakk jinxeħet f’kantuniera li fiha ma jistax jiċċaqlaq.  Anzi, li jagħraf li iktar ma jipprova jmur naħa jew oħra, iktar ser jitniġġes.  Irid jieqaf ilaqqat ġewwa fih.  Iħares lejn l-istorja u jiftakar f’karattri bħal Ġob fit-Testment l-Antik.  Jissubixxi, kif mitlub mingħandu, mingħajr ma jirreaġixxi.  Mingħajr ma jservi lura lil dawk li jrid iwieġeb, imma fl-istess ħin ma jridx jinżel fl-istess livell li bih ġiebu ruħhom miegħu.

8.    Il-bniedem jista’, f’dan, jitqiegħed għall-prova.  Jista’ wkoll jgħaddi li rebaħ lilu nnifsu.  Imma l-verità hija li l-velenu fis-soċjetà jweġġa’ u diffiċli biex teħles mill-effett tiegħu.  L-injezzjoni li ieħed ilaqqat tidħol fih.  Tidħol fiċ-ċirkolazzjoni umana tiegħu.  Anke jekk ikun qawwi, anki jekk ikun mimli għerf u preparazzjoni, jibqa’ bniedem.  Irid jibqa’ jġorr, kull ġurnata fuq dahru, ġewwa fih, il-velenu li ngħadlu.  Irid jgħaddi ż-żmien.  Iridu jinbidlu sew, b’atti tajba, iċ-ċirkostanzi biex wieħed inaqqas minn dik id-doża.

9.    Il-velenu fis-soċjetà llum huwa qawwi ħafna.  Għandna ħafna feruti.  Għandna ħafna jippruvaw ifejqu lilhom infushom, waħedhom.  Għandna diversi li għandhom bżonn l-għajnuna, kura.  Għandna iktar bnedmin li jagħrfu li, fl-aħħar mill-aħħar, fl-isforzi tagħhom iridu jħossu li qed jirfsu lura f’dak il-Tempju tal-Konkordja.  Forsi ma nagħrfux din ir-realtà, imma hemm qegħda.  Dmirna bħala Nsara, bħala dawk li jridu jkunu strumenti għas-sewwa huwa li nagħrfu dan, u naħdmu sabiex innaqqsu l-velenu u nnaddfu ħidmietu.




No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...