4.1.19

Il-Milied ma jinxtarax




1.    Ftit jiem oħra u niċċelebraw il-festa mill-isbaħ tal-Milied.  Niċċelebraw fil-ferħ li fih niftakru u nieħdu sehem fit-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu magħna.  Hawn min jingħaqad mal-oħrajn f’ikliet sempliċi jew interminabbli.  Hawn min ser jiekol waħdu.  Hawn min se jkum fis-solitudni fiżika tiegħu u min f’dik morali, f’min ikun maqtughħ fil-ħajja u fid-dinja li ma tisimgħux u ma tgħinux.  Ser ikun hemm min jagħti konfort.  Min jaħseb fl-oħrajn.  Min jaħseb fl-oħrajn b’opri diretti ta’ karità vera, ta’ solidarjetà ta’ mħabba lejn il-proxxmu.  Ser ikun hemm min jaħseb li bil-flus ser isolvi l-problemi umani tal-oħrajn.

Id-dinjità tal-bniedem

2.    Din il-festa hija mimlija b’memorji passati għalina lkoll.  Bit-tajjeb u bil-morr li naraw u mmissmu miegħu.  Imma hija iktar dak il-mument li ġieb dinjità, qdusija, sens u sustanza fil-bniedem.  Dak li għalina jibqa’ ċ-ċentru tal-ħsieb politiku, li jmexxina biex fir-rispett tiegħu nibnu soċjetà aktar umana.  Li nifhmu li l-bniedem ma huwiex oġġett li jista’ jinxtara jew jitkasbar.  Li l-bniedem fih sustanza, li ma jistgħux jitqegħdulu fih il-kunċetti tas-suq li l-kapitaliżu xerred sew.

Strument, mhux kunċett ta’ soċjetà

3.    Is-sitema kapitalista uriet li hija l-iktar waħda li kapaċi tiggarantixxi żvilupp fl-abbiltajiet produttivi tal-bniedem.  Hija kunċett ekonomiku, hija strument, għodda li nħaddmu u nużaw biex inkabbru l-ġid, biex inneħħu l-faqar, biex niggarantixxu l-finanzi lil soċjetà li qegħda tikber fil-bżonnijiet tagħha.  Imma, iktar minn hekk, hija żbaljata.  Ma tixtax tibbaża l-prinċipju etiku, il-valuri, il-pilastri tas-soċjetà, il-kostituzzjoni tagħha fuq dan il-ħsieb ta’ suq liberu fejn kollox jinxtara’ u jinbiegħ skont is-saħħa materjali tal-flus.

Mhux fit-tul

4.    Il-Milied ma jinxtarax.  Il-Milied nitilfulu l-melħ tiegħu kif inġibuh fuq il-bażi sempliċi ta’ rigali, oġġetti, ikliet, u ma jkunx hemm warajh l-ispirtu, ir-ruħ li hemm bżonn li dan isir mill-bniedem għall-bniedem bl-impenn ta’ servizz lejn il-proxxmu.  F’dinja fejn il-messaġġ huwa mibni u bażat fuq kunċetti etiċi li fihom is-suq jiddomina, dan wieħed japprezzah ferm iktar.  Hemm bżonn nifhmu u nirrealizzaw dawk li qed ngħixu, dak li qed niġu dominati minnu, dak li qed jikber madwarna mingħajr ma jsaħħaħna.  Nifhmu li hemm valuri li tista’ tibni bihom, mentri oħrajn jidhru hekk imma jkunu dawk li jżarmaw dak li għandna għal qalbni fis-soċjetà.



Nikkumbattu biex ma nintilfux

5.    Il-ħajja, ħafna drabi, tfissrilna li rridu naqdfu kontra l-kurrenti u jekk ma nagħmlux dan niġu mkaxkra lura.  Tul dawn l-aħħar snin dħalna wisq b’ideat li ma humiex iservu ta’ ġid lis-soċjetà.  Hawn ferm iktar disumanità.  Hawn iktar bnedmin u politika nazzjonali li qed jagħtu u jibbażaw ħidmiethom fuq l-egoiżmu.  Is-solidarjetà, il-bżonn li wieħed iħares lejn min huwa minn taħt fis-soċjetà qegħdin jitwarrbu. Kull ma jinbena qed jinbena, anzi, fuq mudelli ekonomiċi passati.  Fejn ħafna drabi nsegwu mudelli miktuba f’kotba ta’ bnedmin li ma għexux mal-oħrajn.  Liberaliżmu ekonomiku assolut li joħroġ mill-iżball li biex tkun favur it-tkabbir ekonomiku trid tħares lejn dan biss.

Demokrazija u ekonomija

6.    Hemm min jaħseb li d-demokrazija, bil-kontrolli tagħha, l-iktar bil-garanziji legali għall-protezzjoni tad-drittijiet, libertajiet u dinjità tal-bniedem hija jew xkiel, jew sekondarja għas-saħħa tar-regoli tas-suq.  Hemm min jaħseb li l-mudell għandu jkun dak kapitalista, u xejn aktar.  Dan qiegħed joħroġ iktar fil-politika mondjali u nazzjonali.  Meta wieħed jara li l-ħsieb huwa: jekk għandek is-saħħa ekonomika u politika kompli ssaħħaħ, jew jekk le fendi għal rasek, wieħed jifhem ferm iktar dak li hu għaddej.  Jifhmu u jirrealizza aktar li l-Milied miegħu dan ma jaqbilx, ma jġibux miegħu.  Anzi, jġib il-kontra.  Proprju għalhekk li f’dan il-jum għandna nifhmu iktar l-importanza tiegħu.  Mhux biss għall-Insara, imma għal dawk kollha li jaraw dinjità u valur fil-bniedem, li ħaddieħor jipprova jneħħilu.

Awguri

7.    Mill-qalb, nawguralkom ilkoll il-Milied it-Tajjeb.  Wieħed mimli b’għarfien ta’ dak li huwa, b’mod speċjali lilek, Sur Editur, u lill-ħaddiema kollha tagħna.



No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...